Official Journal L 341 , 23/11/1989 P. 0030 - 0032
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0024
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0024
Id-Direttiva Tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Ottubru 1989 li temenda d-Direttiva 77/452/KEE dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, iċ-ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali ta’ l-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali, inklużi l-miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ l-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u li temenda d-Direttiva 77/453/KEE li tikkonċerna l-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ l-attivitajiet ta’ infermiera responsabbli mill-kura ġenerali (89/595/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 49, 57(1) u l-ewwel u t-tielet sentenza tal-paragrafu 2, u 66 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], F’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Billi t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 77/453/KEE [4] jistabbilixxi l-prinċipju li t-taħriġ teoretiku u tekniku għandu jiġi kkoordinat u bbilanċjat b’taħriġ kliniku, għalkemm ebda proporzjon speċifiku ma hu stabbilit; billi l-Artikolu 1(4) jiddikjara li l-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jinżammu jew jiġu emendati; Billi, fid-dawl ta’ din ir-reviżjoni u minħabba b’mod partikolari ż-żieda fid-domanda fir-rigward tal-livell ta’ tagħrif ta’ l-infermiera responsabbli mill-kura ġenerali, huwa approprjat li jiġi emendat l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 77/453/KEE b’tali mod li jiġi stabbilit it-tul ta’ l-istruzzjoni teoretika f’mill-inqas terz, u dak ta’ l-istruzzjoni klinika f’mill-inqas nofs, it-tul minimu tat-taħriġ imsemmi fl-Artikolu 1(2)(b) ta’ dik id-Direttiva; billi dak il-proporzjon jagħmlu neċessarju li jiġu definiti b’aktar preċiżjoni l-istruzzjoni teoretika u l-istruzzjoni klinika; Billi huwa wkoll neċessarju li jiġi speċifikat, bħal fil-każ ta’ dispożizzjonijiet simili f’direttivi oħrajn li jirrelataw għall-professjonijiet tas-saħħa, li l-lista tas-suġġetti fl-Anness mad-Direttiva 77/453/KEE mhijiex ristrettiva u li jintużaw bħala frażijiet standard "istruzzjoni teoretika" u "istruzzjoni klinika" fid-Direttiva 77/453/KEE u fl-intestaturi ta’ l-Anness tagħha; billi huwa bl-istess mod neċessarju li jiġi allinjat il-kliem ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/452/KEE [5], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 89/594/KEE [6], ma’ dawk ta’ dispożizzjonijiet simili tad-Direttiva tal-Kunsill 75/362/KEE tas-16 ta’ Ġunju 1975 li jikkonċernaw ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki formali fil-mediċina, inklużi l-miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ l-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi [7], kif l-aħħar emendati bid-Direttiva 89/594/KEE, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 Id-Direttiva 77/452/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej: 1. L-Artikolu 6(3) huwa sostitwit bi: "3. Jekk l-Istat Membru li jospita jkollu tagħrif dettaljat ta’ affari serja li ġrat, qabel l-istabbiliment tal-persuna kkonċernata f’dak l-Istat, barra t-territorju tiegħu u li x’aktarx jaffettwa l-bidu fit-territorju tiegħu ta’ l-attività kkonċernata, jista jinforma lill-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani. L-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani għandu jivverifika l-eżattezza tal-fatti. L-awtoritajiet tiegħu għandhom jiddeċiedu dwar in-natura u l-limitu ta’ l-investigazzjoni li għanda ssir u għandhom jinfurmaw lill-Istat Membru li jospita b’kull azzjoni konsekwenzjali li jieħdu fir-rigward taċ-ċertifikati jew id-dokumenti li jkunu ħarġu. L-Istati Membri għandhom jassiguraw il-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni magħmula disponibbli."; 2. L-Artikolu 7(2) huwa sostitwit bi: "2. Jekk l-Istat Membru li jospita jkollu tagħrif dettaljat ta’ affari serja li ġrat, qabel l-istabbiliment tal-persuna kkonċernata f’dak l-Istat, barra t-territorju tiegħu u li x’aktarx taffettwa l-insegwiment fit-territorju tiegħu ta’ l-attività kkonċernata, jista’ jinforma l-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru li jiġi minnu ċ-ċittadin barrani. L-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru li jiġi minnu ċ-ċittadin barrani għandu jivverifika l-eżattezza tal-fatti. L-awtoritajiet tiegħu għandhom jiddeċiedu fuq in-natura u l-estent ta’ l-investigazzjoni li għandha ssir u għandhom jinfurmaw lill-Istat Membru li jospita b’kull azzjoni konsekwenzjali li jieħdu fir-rigward ta’ l-informazzjoni li huma ressqu skond il-paragrafu 1."; 3. l-Artikolu li ġej jiddaħħal: "L-Artikolu 10a Meta Stat Membru li jospita jeħtieġ li ċ-ċittadini proprji li jixtiequ jibdew jew iwettqu waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 jieħdu ġurament jew jagħmlu dikjarazzjoni solenni u meta l-forma ta’ dan il-ġurament jew dikjarazzjoni ma tistax tintuża minn ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, l-Istat Membru li jospita għandu jassigura li forma approprjata u ekwivalenti ta’ ġurament jew dikjarazzjoni tkun offerta lill-persuni kkonċernati."; 4. dan li ġej jiddaħħal wara t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(1): "Għal dan l-iskop u b’żieda mad-dikjarazzjoni prevista fil-paragrafu 2 li tirrelata għas-servizzzi li għandhom jiġu pprovduti, l-Istati Membri jistgħu, sabiex jippermettu l-implimentazzjoni tad- dispożizzjonijiet li jirrelataw għall-kondotta professjonali fis-seħħ fit-territorju tagħhom, jeħtieġu jew reġistrazzjoni temporanja awtomatika jew sħubija pro forma ta’ organizzazzjoni jew korp professjonali jew, bħala alternattiva, reġistrazzjoni, sakemm din ir-reġistrazzjoni jew sħubija ma tittardjax jew b’xi mod tikkomplika l-provvista tas-servizzi jew timponi xi spejjeż addizzjonali fuq il-persuna li tipprovdi s-servizzi"; 5. L-Artikolu 14 huwa mħassar. L-Artikolu 2 Id-Direttiva 77/453/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej: 1. il-paragrafi 2(b), 3 u 4 ta’ l-Artikolu 1 huma sostitwiti b’: "2. (b) taħriġ full-time, ta’ natura speċifikament professjonali, li għandu jkopri s-suġġetti tal-programm stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Direttiva u jikkomprendi kors ta’ tliet snin jew 4600 siegħa ta’ istruzzjoni teoretika u klinika. 3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-istituzzjoni li tħarreġ l-infermiera tkun responsabbli għall-koordinazzjoni ta’ istruzzjoni teoretika u klinika matul it-taħriġ. (a) "L-Istruzzjoni teoretika"; għandha tiġi definita bħala: dik il-parti tat-taħriġ ta’ l-infermiera li permezz tagħha l-istudenti infermiera jakkwistaw it-tagħrif, il-fehma u l-kapaċitajiet professjonali meħtieġa biex jippjanaw, jipprovdu u jistmaw il-kura totali ta’ l-infermiera. Dan it-tagħlim huwa pprovdut fi skejjel ta’ l-infermiera u ambjenti oħra ta’ tagħlim magħżula mill-istituzzjoni tat-taħriġ, u tingħata minn impjegati ta’ għalliema ta’ infermiera jew persuni kompetenti oħrajn. (b) "L-Istruzzjoni klinika"; għandha tiġi definita bħala: dik il-parti tat-taħriġ ta’ l-infermiera li permezz tagħha infermiera studenti bħala parti minn grupp u b’kuntatt indirett ma’ individwu b’saħħtu jew marid u/jew komunità jitgħallmu jippjanaw, jipprovdu u jistmaw il-kura totali kollha meħtieġa ta’ l-infermiera fuq il-bażi tat-tagħrif u l-kapaċitajiet li jakkwistaw. L-infermiera student mhux biss jitgħallem ikun membru ta’ grupp, imma li jmexxi l-grupp billi jorganizza l-kura totali ta’ l-infermiera, inkluża l-edukazzjoni tas-saħħa għal individwi u gruppi żgħar fl-istituzzjonijiet tas-saħħa jew fil-komunità. Din l-istruzzjoni ssir fl-isptarijiet u istituzzjonijiet oħrajn tas-saħħa u fil-komunità, taħt ir-responsabbiltà ta’ għalliema li huma infermiera u bil-kooperazzjoni u l-assistenza ta’ infermiera kkwalifikati oħrajn. Impjegati kkwalifikati oħrajn jistgħu ikunu involuti f’dan il-proċess ta’ tagħlim. Infermiera studenti għandhom jipparteċipaw fl-attivitajiet tad-dipartimenti kkonċernati sakemm dawk l-attivitajiet jikkontribwixxu għat-taħriġ tagħhom, u jippermettulhom jitgħallmu jerfgħu r-responsabbiltajiet inerenti għall-kura ta’ l-infermiera. 4. L-istruzzjoni teoretika msemmija fil-parti A ta’ l-Anness għandha tkun bilanċata u kkoordinata ma’ l-istruzzjoni klinika msemmija fil-parti B ta’ l-Anness b’tali mod li t-tagħrif u l-esperjenza elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu akkwistati b’mod adegwat. It-tul ta’ l-istruzzjoni teoretika m’għandux jammonta għal inqas minn terz u dak ta’ l-istruzzjoni klinika għal mhux inqas minn nofs tat-tul minimu tat-taħriġ imsemmi fil-paragrafu 2 (b)."; 2. l-Anness huwa emendat kif ġej: (a) is-sentenza introduttorja tinbidel b’: "Il-programm ta’ taħriġ li jwassal għall-għoti ta’ diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali bħala infermiera responsabbli għall-kura ġenerali għandu jikkonsisti miż-żewġ partijiet u mill-inqas mis-suġġetti elenkati hawn taħt. L-istruzzjoni f’wieħed jew aktar minn dawn is-suġġetti tista tingħata bħala parti minn, jew f’assoċjazzjoni ma’, korsijiet oħrajn"; (b) l-intestaturi tal-partijiet A u B huma emendati kif ġej: - fil-verżjoni Spanjola, "A. Enseñanza teórica y técnica" tinbidel bi "A. Enseñanza teórica" u "B. Enseñanzas de enfermería clínica" tinbidel bi "B. Enseñanza clínica", - fil-verżjoni Daniża, "A. Teoretisk og teknisk undervisning" tinbidel bi "A. Teoretisk undervisning", - fil-verżjoni Ġermaniża, "A. Theoretischer und technischer Unterricht" tinbidel bi "A. Theoretischer Unterricht" u "B. Klinisch-praktische Krankenpflege-Ausbildung" tinbidel bi "B. Klinische Unterweisung", - fil-verżjoni Griega, "A. Θεωρητικη και πρακτικη διδασκαλια" tinbidel bi "A. Θεωρητικη διδασκαλια" u "B. Κλινικη διδασκαλια του νοσοκομου" tinbidel bi "B. Κλινικη διδασκαλια", - fil-verżjoni Ingliża, "A. Theoretical and technical instruction" tinbidel bi "A. Theoretical instruction", - fil-verżjoni Franċiża, "A. Enseignement théorique et technique" tinbidel bi "A. Enseignement théorique" u "B. Enseignement infirmier clinique" huma sostitwiti bi "B. Enseignement clinique", - fil-verżjoni Taljana, "A. Insegnamento teorico e tecnico" tinbidel bi "A. Insegnamento teorico" u "B. Insegnamento infermieristico clinico" huma sostitwiti bi "B. Insegnamento clinico", - fil-verżjoni Olandiża, "A. Theoretisch en technisch onderwijs" tinbidel bi "A. Theoretisch onderwijs", - fil-verżjoni Portugiża, "A. Ensino teórico e técnico" tinbidel bi "A. Ensino teórico" u "B. Ensino clínico da enfermagem" tinbidel bi "B. Ensino clínico". L-Artikolu 3 Korsijiet ta’ taħriġ għal infermiera responsabbli għall-kura ġenerali li bdew qabel it-13 ta’ Ottubru 1991 taħt l-iskema preċedenti skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 77/453/KEE jistgħu jiġu konklużi skond dik l-iskema. L-Artikolu 4 L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-13 ta’ Ottubru 1991. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom. L-Artikolu 5 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Ottubru 1989. Għall-Kunsill Il-President F. Doubin [1] ĠU C 20, tas-26.1.1988, p. 10 u ĠU C 322, tal-15.12.1988, p. 22. [2] ĠU C 235, tat-12.9.1988, p. 68 u ĠU C 256, tad-9.10.1989. [3] ĠU C 134, ta’ l-24.5.1988, p. 27. [4] ĠU L 176, tal-15.7.1977, p. 8. [5] ĠU L 176, tal-15.7.1977, p. 1. [6] ĠU L 341, tat-23.11.1989, p. 19. [7] ĠU L 167, tat-30.6.1975, p. 1. --------------------------------------------------