Official Journal L 186 , 30/06/1989 P. 0023 - 0026
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 19 P. 0047
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 19 P. 0047
Id-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Ġunju 1989 dwar il-kontroll uffiċjali ta’ oġġetti ta’ l-ikel (89/397/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], B’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Billi l-kummerċ ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel huwa wieħed mill-iżjed aspetti importanti tas-suq komuni; billi l-Istati Membri kollha għandhom jagħmlu kull sforz biex iħarsu l-interessi sanitarji u ekonomiċi taċ-ċittadini tagħhom; billi l-protezzjoni tas-saħħa għandha tingħata prijorità mingħajr kondizzjonijiet u billi, għalhekk, il-kontroll uffiċjali ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel għandu jiġi armonizzat u magħmul iżjed effettiv; Billi, madankollu, id-differenzi bejn il-leġislazzjonijiet nazzjonali dwar dan it-tip ta’ kontroll huma tali li jirrappreżentaw stakoli fil-moviment liberu tal-merkanzija; Billi huwa għalhekk neċessarju li jiġu approssimati dawn il-leġislazzjonijiet; Billi, l-ewwel nett, għandhom jiġu armonizzati il-prinċipji ġenerali li jirregolaw it-twettiq ta’ dan il-kontroll; Billi, dispożizzjonijiet speċifiċi, flimkien mal-prinċipji ġenerali, jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jiġu addottati sussegwentement; Billi s-suġġett ta’ din id-Direttiva hu l-verifikazzjoni tal-konformità ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel mal-leġislazzjoni dwar l-oġġetti ta’ l-ikel; billi dik il-leġislazzjoni fiha dispożizzjonijiet dwar is-saħħa, regoli dwar il-kompożizzjoni u regoli dwar il-kwalità maħsuba biex jipproteġu l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi kif ukoll dispożizzjonijiet dwar tagħrif għall-konsumatur u transizzjonijiet kummerċjali ġusti; Billi, flimkien ma’ l-oġġetti ta’ l-ikel, għandhom jiġu kkontrollati materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ dawk l-oġġetti ta’ l-ikel; Billi għall-finijiet ta’ l-ikkompletar tas-suq intern, l-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba biex jaqsmu l-fruntieri intra-Komunitarji għandhom jiġu spezzjonati bl-istess attenzjoni bħal ma jiġu dawk maħsuba għat-tqegħid fis-suq fl-Istat Membru ta’ produzzjoni; Billi l-ispezzjoni għandha għalhekk tiġi bbażata fil-prinċipju fuq id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ produzzjoni; billi, madankollu, dan il-prinċipju m’għandux jgħodd meta jkun ġie stabbilit għas-sodisfazzjoni ta’ l-awtorità li tispezzjona b’mezzi addatti, inkluża l-preżentazzjoni tad-dokumenti kummerċjali, illi l-prodott in kwistjoni huwa maħsub biex jiġi kkunsinnat lil Stat Membru ieħor u li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ f’dak l-Istat Membru; Billi, sabiex ikunu effettivi, l-ispezzjonijiet għandhom isiru regolarment; billi m’għandhomx ikunu limitati għas-suġġett, l-istadju jew il-mument li fih ikun konvenjenti li jiġu magħmula, u billi għandhom isiru bl-iżjed modi addatti sabiex tiġi garantita l-effettività tagħhom; Billi sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm evażjoni mill-proċeduri ta’ spezzjoni, huwa neċessarju li jiġi stipulat illi l-Istati Membri m’għandhomx jeskludu xi prodott milli ssirlu spezzjoni xierqa fuq il-bażi illi dan hu maħsub għall-esportazzjoni barra l-Komunità; Billi l-ispetturi għandhom jingħataw setgħat adegwati; Billi minkejja li, min-naħa l-waħda, l-impriżi m’għandhomx ikollhom id-dritt li jopponu għall-spezzjonijiet, min-naħa l-oħra d-drittijiet leġittimi tagħhom għandhom jiġu mħarsa, b’mod partikolari d-dritt tas-segretezza tal-manifattura u d-dritt ta’ l-appell; Billi l-awtoritajiet magħmula responsabbli għall-kontroll ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel jistgħu ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor; billi, huwa għalhekk mixtieq, li tiġi ppubblikata lista ta’ l-awtoritajiet kompetenti f’dan il-qasam f’kull Stat Membru, b’indikazzjoni tat-territorji li għalihom huma kompetenti, u tal-laboratorji approvati għall-analiżi li għandha titwettaq in konnessjoni ma’ dan il-kontroll; Billi l-kontrolli uffiċjali għandhom jikkontribwixxu effettivament għall-prevenzjoni tal-ksur tal-liġijiet dwar l-ikel; billi għal dak il-għan għandhom jiġu mfassla programmi fuq il-bażi ta’ kriterji xierqa; Billi, għalkemm huma primarjament l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-programmi tagħhom ta’ spezzjoni, huwa neċessarju, bil-għan li jiġi kkompletat u li jiffunzjona is-suq intern, li jsiru wkoll arranġamenti għal-programmi koordinati f’livell Komunitarju; Billi l-implimentazzjoni simultanja tal-programmi nazzjonali u tal-programmi koordinati tipprovdi l-esperjenza li fil-preżent hija nieqsa sew; billi, fid-dawl ta’ dik l-esperjenza, jista’ jirriżulta li jkun neċessarju li tiġi riveduta din id-Direttiva sabiex jittejjbu l-arranġamenti li tintroduċi; Billi l-Istati Membri għandhom jiġu mogħtija ċertu ammont ta’ libertà f’dak li jirrigwarda l-mezzi fil-prattika għat-twettiq ta’ l-ispezzjonijiet b’mod illi ma jfixklux sistemi ta’ valur ppruvat li jkunu l-iżjed addatti għas-sitwazzjoni partikolari f’kull Stat Membru, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 1. Din id-Direttiva għandha tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għat-twettiq tal-kontroll uffiċjali fuq l-oġġetti ta’ l-ikel. 2. Għall-fini ta’ din id-Direttiva "kontroll uffiċjali ta’ oġġetti ta’ l-ikel" - hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ "kontroll" – tfisser spezzjoni mill-awtoritajiet kompetenti għall-konformità: - ta’ oġġetti ta’ l-ikel, - ta’ addittivi ta’ l-ikel, vitamini, mluħa minerali, oligo-elementi, u addittivi oħra maħsuba li jinbigħu bħala tali, - tal-materjali u oġġetti maħsuba li jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti ta’ l-ikel, mad-dispożizzjonijiet immirati għall-prevenzjoni tar-riskji għas-saħħa pubblika, għall-garanzija ta’ transazzjonijiet kummerċjali ġusti jew għall-ħarsien ta’ l-interessi tal-konsumatur, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar tagħrif għall-konsumatur. 3. Din id-Direttiva għandha tgħodd mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet addottati fil-kuntest ta’ regoli Komunitarji iżjed speċifiċi. 4. Din id-Direttiva m’għandhix tapplika għall-kontroll metroloġiku. L-Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-kontroll isir skond din id-Direttiva. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-prodotti maħsuba għall-kunsinna lil Stat Membru ieħor jiġu spezzjonati bl-istess attenzjoni bħal ta’ dawk maħsuba għat-tqegħid fis-suq fit-territorju tagħhom. L-Artikolu 3 L-Istati Membri m’għandhomx jeskludu prodott mill-kontroll xieraq fuq il-bażi illi dan ikun maħsub għall-esportazzjoni barra l-Komunità. L-Artikolu 4 1. L-Ispezzjonijiet għandhom isiru: (a) regolarment; (b) fejn ikun suspett ta’ nuqqas ta’ konformità. 2. L-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu permezz ta’ mezzi proporzjonali għall-għan li għandu jiġi osservat. 3. L-ispezzjoni għandha tkopri l-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-manifattura, ta’ l-importazzjoni lejn il-Komunità, ta’ l-ipproċessar, tal-ħażna, tat-trasport, u tad-distribuzzjoni u l-kummerċ. 4. Bħala regola ġenerali l-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu mingħajr avviż minn qabel. 5. L-awtorità kompetenti għandha f’kull każ,tagħżel l-istadju jew stadji meqjusa bhala l-iżjed addatti għall-eżami minn dawk elenkati fil-paragrafu 3. L-Artikolu 5 Il-kontroll għandu jikkonsisti f’waħda jew iżjed mill-operazzjonijiet li ġejjin skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 9 u fid-dawl ta’ l-eżami li għandu jsir: 1. spezzjoni; 2. teħid ta’ kampjuni u analiżi; 3. spezzjoni ta’ l-iġjene ta’ l-impjegati; 4. eżami ta’ materjal bil-miktub u dokumentarju; 5. eżami ta’ xi sistemi ta’ verifikazzjoni stabbiliti mill-impriża u tar-riżultati miksuba. L-Artikolu 6 1. Dan li ġej għandu jkun suġġett għall-spezzjoni: (a) l-istat u l-użu li jsir fid-diversi stadji enumerati fl-Artikolu 4(3) taż-żona, tal-fond, ta’ l-uffiċċji, ta’ l-inħawi ta’ l-impjant, tal-mezzi ta’ trasport, tal-makkinarju u tat-tagħmir; (b) il-materja prima, l-ingredjenti, l-għajnuniet teknoloġiċi u l-prodotti l-oħra wżati fit-tħejjija u l-produzzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel; (ċ) il-prodotti nofshom imlestija; (d) il-prodotti lesti; (e) il-materjali u oġġetti maħsuba li jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti ta’ l-ikel; (f) il-prodotti ta’ tindif u ta’ manutenzjoni u proċessi u pestiċidi; (g) il-proċessi wżati għall-manifattura jew l-ipproċessar ta’ oġġetti ta’ l-ikel; (h) l-ittikkettjar u l-preżentazzjoni tal-prodotti ta’ l-ikel; (i) il-metodi ta’ priżervazzjoni. 2. L-operazzjonijiet enumerati fil-paragrafu 1 jistgħu, fejn ikun meħtieġ, jiġu supplimentati: - b’intervisti mal-kap ta’ l-impriza spezzjonata u mal-persuni li jaħdmu għal dik l-impriża, - bil-qari ta’ valuri rekordjati permezz ta’ strumenti tal-kejl stallati mill-impriża, - bi spezzjonijiet magħmula mill-awtorità kompetenti, bl-istrumenti tagħha stess, ta’ kejl meħud mill-istrumenti stallati mill-impriża. L-Artikolu 7 1. Il-kampjuni tal-prodotti enumerati fl-Artikolu 6(1)(b) sa (f) jistgħu jittieħdu għall-iskop ta’ l-analiżi. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw illi dawk li huma soġġetti għal spezzjoni jistgħu japplikaw għat-tieni opinjoni. 2. L-analiżi għandhom isiru minn laboratorji uffiċjali. L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu s-setgħa lil-laboratorji oħra biex jagħmlu dawn l-analiżi. L-Artikolu 8 Persuni li, waqt li jeserċitaw l-attività tagħhom, jiġu f’kuntatt, kemm direttament kif ukoll indirettament, mal-materjali u l-prodotti msemmija fl-Artikolu 6(1)(b) sa (f) għandhom jiġu suġġetti għall-ispezzjoni ta’ l-iġjene imsemmija fl-Artikolu5 (3). L-għan ta’ din l-ispezzjoni hu li jiġi vverifikati li l-istandards sanitarji dwar l-indafa personali u lbies huma rispettati. Din għandha titwettaq mingħajr preġudizzju għall-eżamijiet mediċi. L-Artikolu 9 1. L-ispetturi jistgħu jieħdu nota tal-materjal bil-miktub jew dokumentarju miżmum mill-persuni naturali u legali fl-istadji varji enumerati fl-Artikolu 4(3). 2. L-ispetturi jistgħu ukoll jagħmlu kopji jew jieħdu estratti ta’ materjal bil-miktub jew dokumentarju mibgħut lilhom għall-eżami. L-Artikolu 10 Fejn l-ispetturi jiskopru jew jissusspettaw xi irregolarità, dawn għandhom jieħdu l-miżuri rekwiżiti. L-Artikolu 11 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispetturi jkollhom id-dritt li jwettqu l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 6 sa 10. 2. L-Istati Membri għandhom jippreskrivu li l-persuni naturali jew legali konċernati għandhom jiġu obbligati li ssirilhom spezzjoni mwettqa skond din id-Direttiva kif ukoll li jgħinu lill-ispetturi fil-qadi tax-xogħol tagħhom. L-Artikolu 12 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġi żgurat illi l-persuni naturali jew legali li ssirilhom l-ispezzjoni ikollhom dritt ta’ appell kontra l-miżuri meħuda mill-awtorità kompetenti għall-iskop ta’ l-ispezzjoni. 2. Huma għandhom jippreskrivu li l-ispetturi għandhom jkunu marbuta bis-segriet professjonali. L-Artikolu 13 Biex jiġi żgurat li l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva tkun uniformi fl-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni għandha, fi żmien sena mill-addozzjoni tagħha, tagħmel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar: (a) il-livell preżenti ta’ taħriġ għall-ispetturi ta’ l-ikel fl-Istati Membri; (b) il-possibbiltà li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet Komunitarji dwar f’xiex għandu jikkonsisti t-taħriġ bażiku kif ukoll dak iżjed avvanzat ta’ l-ispetturi; (ċ) il-possibbiltà li jiġu stabbiliti standards ta’ kwalità Komunitarji għall-laboratorji kollha involuti fl-ispezzjoni u fit-teħid ta’ kampjuni taħt din id-Direttiva; (d) il-possibbiltà li jiġi stabbilit servizz ta’ spezzjoni Komunitarju, inklużi opportunitajiet ta’ skambju ta’ informazzjoni għall-istituzzjonijiet u għall-persuni kollha involuti fl-ispezzjonijiet. L-Artikolu 14 1. L-awtorità jew awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom ifasslu programmi bil-quddiem li jistabilixxu n-natura u l-frekwenza ta’ l-ispezzjonijiet li għandhom isiru regolarment skond l-Artikolu 4(1)(a) tul perjodu speċifiku. 2. Sa l-1 ta’ Mejju ta’ kull sena l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha neċessarja dwar l-implimentazzjoni matul is-sena ta’ qabel tal-programmi imsemmija fl-ewwel paragrafu, u għandhom jispeċifikaw: - il-kriterji applikati fit-tfassil ta’ dawn il-programmi, - in-numru u t-tip ta’ spezzjonijiet imwettqa, - in-numru u t-tip ta’ nuqqasijiet stabbiliti. 3. Sas-16 t’Ottubru ta’ kull sena, u għall-ewwel darba fl-1991, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Istati Membri, wara li tkun ikkonsultat magħhom fi ħdan l-istruttura tal-Kumitat Permanenti għall-Oġġetti ta’ l-Ikel, rakkomandazzjoni dwar programm koordinat ta’ spezzjonijiet għas-sena ta’ wara. Din ir-rakkomandazzjoni tista’ tiġi sussegwentement aġġustata kif meħtieġ matul l-implimentazzjoni tal-programm koordinat. Il-programm koordinat għandu jniżżel b’mod partikolari l-kriterji ta’ prijorità li għandhom jiġu applikati fl-implimentazzjoni tiegħu. L-informazzjoni li hemm provvediment għaliha fil-paragrafu 2 għandu jkun fiha taqsim speċjali, separat dwar l-implimentazzjoni tal-programm koordinat. 4. Ħames snin wara li tiġi nnotifikata din id-Direttiva il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, akkumpanjat, jekk ikun hemm bżonn, bi proposti addatti. L-Artikolu 15 Kull Stat Membru għandu jgħaddi lill-Kummissjoni l-ismijiet ta’: - l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti u sa fejn iwasslu r-responsabbiltà territorjali u l-funzjonijiet tagħhom, - il-laboratorji uffiċjali jew il-laboratorji awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti, li huma responsabbli biex jagħmlu l-analiżi in konnessjoni mal-kontroll. Dawn il-listi għandhom jiġu ppublikati fis-serje "C" tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-Artikolu 16 L-Istati Membri għandhom jaddottaw u jippubblikaw, mhux iżjed tard minn 12-il xahar wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iżjed tard minn 24 xahar wara n-notifikazzjoni tagħha [4]. Għandhom javżaw minnufih b’dan lill-Kummissjoni. L-Artikolu 17 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Ġunju 1989. Għall-Kunsill Il-President P. Solbes [1] ĠU C 20, tas-27.1.1987, p. 6, ĠU C 88, tal-5.4.1987, p. 14, ĠU C 131, tas-27.5.1989, p.6. [2] ĠU C 345, tal-21.12.1987, p. 80 u ĠU C 120, tas-16.1.1989. [3] ĠU C 347, tat-22.12.1987, p. 1. [4] Din id-Direttiva ġiet innotifikata lill-Istati Membri fl-20 ta’ Ġunju 1989. --------------------------------------------------