31989L0370



Official Journal L 163 , 14/06/1989 P. 0037 - 0037


Id-Direttiva tal-Kunsill 89/370/KEE

tat-8 ta’ Ġunju 1989 li temenda d-Direttiva 83/129/KEE

li tirrigwarda l-importazzjoni tal-ġlud ta’ ċerti friegħ tal-foki u ta’ prodotti ġejjin minnhom fl-Istati Membri

(89/370/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 83/129/KEE [1], kif emendata bid-Direttiva 85/444/KEE [2], u partikolarment l-Artikolu 2 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi d-Direttiva 83/129/KEE tgħid illi l-Istati Membri għandhom jieħdu jew jibqgħu jżommu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-prodotti elenkati fl-Anness tagħha ma jiġux importati kummerċjalment fit-territorji tagħhom;

Billi d-Direttiva 83/129/KEE tiskadi fl-1 ta’ Ottubru 1989;

Billi l-Parlament Ewropew adotta dikjarazzjoni bil-miktub li titlob estensjoni indefinita tad-Direttiva 83/129/KEE;

Billi l-konsegwenzi negattivi mistennija bl-iskadenza tad-Direttiva 83/129/KEE għandhom jiġu evitati, fl-interess tal-partijiet kollha interessati;

Billi estensjoni tad-Direttiva 83/129/KEE hija miżura kumplimentarja ta’ ħtieġa għall-miżura tal-Gvern Kanadiż li jtemm il-kaċċa kummerċjali kollha tal-foki friegħ tal-pil abjad u tal-foki ta’ daharhom ikhal;

Billi jeżistu dubji u dejjem jiżdiedu rigward l-effetti tal-kaċċa mhux tradizzjonali għall-konservazzjoni tal-foki arpa fl-Atlantiku tal-Lvant, fil-Baħar Barents u fil-Baħar l-Abjad fejn, b’żieda mal-kaċċa, jiġu wkoll affettwati mit-tnaqqis ta’ l-ispeċi tal-ħut tal-priża u mit-tħabbil fix-xbieki matul il-kosta Norveġiża;

Billi l-Kummisjoni bagħtet rapport lill-Kunsill fis-26 ta’ Awissu 1983, segwit b’rapport supplimentari fl-14 ta’ Ġunju 1985;

Billi l-Kummissjoni bagħtet rapport ieħor lill-Kunsill fl-24 ta’ Marzu 1988;

Billi d-Direttiva 83/129/KEE għandha tiġi emendata sabiex tibqa’ tapplika sine die,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 83/129/KEE huwa hawnhekk mibdul b’dan li ġej:

"L-Artikolu 2

Din id-Direttiva għandha tibda tapplika mill-1 ta’ Ottubru 1983."

Artikolu 2

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Ġunju 1989.

Għall-Kunsill

Il-President

J. L. Saenz Cosculluela

[1] ĠU L 91, tad-9.4.1983, p. 30.

[2] ĠU L 259, ta’ l-1.10.1985, p. 70.

--------------------------------------------------