31989L0130



Official Journal L 049 , 21/02/1989 P. 0026 - 0028
Finnish special edition: Chapter 1 Volume 2 P. 0103
Swedish special edition: Chapter 1 Volume 2 P. 0103


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-13 ta' Frar 1989

dwar l-armoniżżazzjoni u il-kumpilazzjoni tal-prodott nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq

(89/130/KEE, Euratom)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 88/376/KEE/Euratom tal-24 ta' Ġunju 1988 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummisjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi l-ħolqien ta' riżors proprju addizzjonali għall-Komunitajiet, ibbażat fuq il-prodott nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq (minn issa 'il quddiem imsejħa il-PGN ps) ta' l-Istati Membri, jagħmilha neċessarja li tiġi msaħħa l-komparabilità u l-affidabilità ta' dan l-aggregat;

Billi t-twettiq tas-suq intern iżżid il-ħtieġa għal data komparabbli internazzjonalment dwar l-aggregat tal-GNPmp u l-komponenti tiegħu; billi din id-data hija wkoll strument analitiku importanti għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika;

Billi d-data tal-GNPmp għandha tkun komparabbli fil-kunċett u fil-prattika u fir-rappreżentanza ta' l-ekonomiji ta' l-Istati Membri:

Billi il-GNPmp jista' jkun komparabbli fil-kunċett biss jekk jiġu mħarsa d-definizzjonijiet rilevanti u r-regoli tal-kontabilità tas-Sistema Ewropea ta' Kontijiet Ekonomiċi Integrati (ESA);

Billi l-komparabbiltà tal-GNPmp fil-prattika tiddipendi fuq il-proċeduri ta' stima li jintużaw, u fuq id-data bażika disponibbli; billi l-kopertura mtejba ta' GNPmp tippresupponi l-iżvilupp ta' bażijiet statistiċi u proċeduri ta' stima;

Billi għandha titwaqqaf proċedura biex tivverifika u tagħmel stima tal-komparabbiltà u ta' kemm ikun rappreżentattiv il-GNPmp; billi, għal dan il-għan għandu jitwaqqaf Kumitat li fi ħdanu l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw mill-qrib,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

TITOLU 1

Definizzjoni tal-prodott gross nazzjonali bi prezzijiet tas-suq

Artikolu 1

Il-GNPmp għandu jiġi definit b'mod konsistenti mas-Sistema Ewropea ta' Kontijiet Ekonomiċi Integrati (ESA) fis-seħħ.

Il-GNPmp għandu jiġi ikkalkulat billi jingħaddu mal-prodott gross domestiku bi prezzijiet tas-suq (GNPmp, il-kodiċi ESA: N 1) il-kumpens ta' l-impjegati (R 10) u l-proprjetà u d-dħul intraprenditorjali (R 40) li jkun riċevut mill-kumplament tad-dinja u minnhom jitnaqqsu l-flussi korrispondenti mħallsa lill-bqija tad-dinja.

Artikolu 2

Il-GNPmp jirrappreżenta r-riżutat finali ta' l-attività produttiva għal kull unità ta' produzzjoni residenti. Il-GDPmp jista' jiġi ippreżentat b'riferenza għall-ESA minn tliet aspetti.

1. In-naħa tal-output

Il-GDPmp (N 1) huwa d-differenza bejn l-output ta' oġġetti u s-servizzi (P 10) u l-konsum intermedjarju (P 20) biż-żieda tal-VAT fuq il-prodotti (R 21) u t-taxxi netti marbuta ma' oġġetti impurtati (ħlief għat-taxxa bil-valur miżjud (VAT)) (R 29).

2. In-naħa tan-nefqa

Il-GDPmp (N 1) huwa s-somma tal-konsum finali (P 30) fit-territorju ekonomiku minn familji u istituzzjonijiet privati li ma jagħmlux profitt u l-gvern ġenerali, il-formazzjoni grossa ta' kapital fiss (P 41), il-bidla fil-ħażniet (P 42), u d-differenza bejn l-esportazzjonijiet (P 50) u l-importazzjonijiet (P 60).

3. In-naħa tad-dħul

Il-GDPmp (N 1) huwa s-somma tal-kumpens mogħti lill-impjegati (R 10), is-surplus gross ta' l-operat ta' l-ekonomija (N 2), u t-taxxi marbuta mal-produzzjoni u l-impportazzjonijiet (R 20) bit-tnaqqis tas-sussidji (R 30).

TITOLU II

Id-dispożizzjonijiet dwar il-metodu biex jiġi kkalkulat il-GNPmp u kif għandhom jintbagħtu d-data tal-GNPmp

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jistabilixxu il-GNPmp skond l-Artikolu 1 fil-kuntest tal-proċeduri tal-kontabilità nazzjonali.

2. Qabel l-1 ta' Ottubru ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni (l-Uffiċju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, SOEC), fil-kuntest tal-proċeduri ta' kontabilità nazzjonali, il-figuri għall-GNPmp aggregat u l-komponenti tiegħu skond id-definizzjonijiet ESA imsemmija fl-Artikoli 1 u 2. L-Istati Membri għandhom jagħtu wkoll l-informazzjoni meħtieġa biex juru kif intlaħaq l-aggregat. Il-figuri mogħtija għandhom ikopru s-sena ta' qabel u kull bidla li saret fil-figuri tas-snin finanzjarji ta' qabel.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni (SOEC), skond l-arranġamenti stabbiliti minn din ta' l-aħħar wara konsultazzjoni mal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 6, progressivament u l-aktar tard 18-il xahar minn notifika ta' din id-Direttiva, inventarju tal-proċeduri u ta' l-istatistiċi bażiċi li ntużaw biex ġie kkalkulat il-GNPmp u l-komponenti tiegħu.

Artikolu 5

Meta jikkomunikaw id- data prevista fl-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni (SOEC) b' kull tibdil fil-proċeduri ta' l-istatistiċi bażiċi li ntużaw.

TITOLU III

Dispożizzjonijiet dwar kontrolli fuq il-kalkolu tal-GNPmp

Artikolu 6

1. Il-Kummissjoni għandha tingħata għajnuna minn kumitat magħmul mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppresedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu lill-kumitat. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz, f'limitu ta' żmien li l-President jista' jistabilixxi skond l-urġenza tal-kwestjoni. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Eonomika Ewropea fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun mitlub jadotta fuq proposta tal-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-kumitat għandhom ikunu ppeżati skond kif stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

3. Iżda, jekk dawn il-miżuri ma jkunux jaqblu ma' l-opinjoni tal-kumitat, għandhom jitwasslu mill-Kummissjoni lill-Kunsill minnufih. F'dak il-każ:

- il-Kummissjoni għandha tiddifferixxi l-applikazzjoni tal-miżuri li tkun iddeċidiet għal perijodu li għandu jiġi stabbilit f'kull att li jiġi adottat mill-Kunsill, iżda li ma jista' f'ebda każ jaqbeż it-tliet xhur mid-data li fih kien komunikat,

- il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fil-limiti taż-żmien imsemmija fl-inċiż ta' qabel.

Artikolu 7

Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 6 għandu jeżamina l-kwistjonijiet imqajma mill-President tiegħu, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta' xi Stat Membru, konnessi ma' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma':

(a) l-konformità ta' kull sena mad-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 u 2;

(b) l-eżami ta' kull sena tad-data mibgħuta skond l-Artikolu 3 u l-informazzjoni mibgħuta skond l-Artikoli 4 u 5 dwar is-sorsi ta' l-istatistika u l-proċeduri biex ġie kkalkulat il-GNPmp u l-komponenti tiegħu.

Għandu jittratta wkoll kwistjonijiet konnessi mar-reviżjoni tad-data dwar il-GNPmp u l-problema ta' kemm ikun komplet il-GNPmp.

Għandu, jekk ikun meħtieġ, jissuġġerixxi lill-Kummissjoni l-miżuri biex jagħmlu d- data aktar kumparabbli u rappreżentattiva.

TITOLU IV

Dispożizzjonijiet finanzjarji

Artikolu 8

Għall-ewwel ftit snin ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jirċievu kontribut finanzjarju mill-Komunità għar-rigward tax-xogħol biex jittejbu l-komparabbiltà u r-rappreżentattività tad-data tal-GNPmp. L-ammont li jitqies meħtieġ għal kontribut bħal dan għandu jkun ta' 6 miljun ECU.

TITOLU V

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva l-aktar tard fi żmien 12-il xahar min-notifika tagħha [3].

Artikolu 10

Qabel l-aħħar ta' l-1991, il-Kummissjoni għandha, meta d-Deċiżjoni 88/376/KEE/Euratom tkun riveduta, tissottometti rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, it-13 ta' Frar 1989.

Għall-Kunsill

Il-President

C. Solchaga Catalan

[1] ĠU L 185, tal-15.7.1988, p. 24.

[2] ĠU C 187, tat-18.7.1988, p. 142.

[3] Din id-Direttiva ġiet notifikata lil-Istati Membri fis-16 ta' Frar 1989.

--------------------------------------------------