31989L0108



Official Journal L 040 , 11/02/1989 P. 0034 - 0037
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 9 P. 0049
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 9 P. 0049


ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

tal-21 ta' Diċembru, 1988

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' oġġetti ta' l-ikel iffriżati malajr għal konsum mill-bniedem

(89/108/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

B'koperazzjoni mal-Parlament Ewropew ([1])

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ([2]),

Billi l-manifattura ta' u l-kummerċ f'oġġetti ta' l-ikel iffriżati malajr maħsuba għal konsum mill-bniedem (minn hawn 'il quddiem imsejħa bħala oġġetti ta' l-ikel iffriżati malajr') qed jassumu importanza dejjem akbar fil-Komunità;

Billi d-differenzi bejn liġijiet nazzjonali marbuta ma' oġġetti ta' l-ikel iffriżati malajr ifixklu l-moviment liberu tagħhom; billi huma jistgħu joħolqu kondizzjonijiet mhux ugwali ta' kompetizzjoni u għalhekk ikollhom effett dirett fuq l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq komuni;

Billi huwa għalhekk meħtieġ li jkunu approssimati dawn il-liġijiet;

Billi għal dak il-għan ir-regoli tal-Komunità għandhom jingħataw kamp ta' applikazzjoni mill-aktar vast possibbli, li jestendi fuq l-oġġetti kollha ta' l-ikel iffriżati malajr maħsuba għal konsum mill-bniedem u li jinkludu mhux biss prodotti mingħajr aktar ipproċessar maħsuba biex jitwasslu ultimament lill-konsumatur u lil ristoranti, sptarijiet, lil canteens u fornituri ta' ikel lill-massa bħal dawn, imma wkoll prodotti li jridu jiġu pproċessati jew imħejjija aktar;

Billi, iżda, dawn ir-regoli jistgħu ma japplikawx għal prodotti mhux offruti għal bejgħ bħala oġġetti ta' l-ikel iffriżati malajr;

Billi huwa f'kull każ xieraq li jkunu stabbiliti l-prinċipji ġenerali li kull oġġett ta' l-ikel iffriżat malajr għandu jissodisfa;

Billi fi stadju aktar tard dispożizzjonijiet speċjali iżjed mill-prinċipji ġenerali jistgħu, fejn meħtieġ, ikunu adottati għal ċerti kategoriji ta' oġġetti ta' l-ikel iffriżati malajr, bi qbil mal-proċedura applikabbli għal kull waħda minn dawn il-kategoriji;

Billi l-fini ta' iffriżar malajr huwa li jippriserva l-karatteristiċi intrinsiċi ta' l-oġġetti ta' l-ikel bi proċess ta' iffriżar malajr; billi huwa meħtieġ li tintlaħaq temperatura ta' -18 °C jew inqas f'kull punt tal-prodott;

Billi f'temperatura ta' -18 °C tkun sospiża kull attività mikrobioloġika li x'aktarx tgħarraq il-kwalità ta' oġġett ta' l-ikel; billi huwa għalhekk meħtieġ li tinżamm ta' l-inqas dik it-temperatura, bla ħsara għal ċerta tolleranza teknika inevitabbli, matul il-ħażna u d-distribuzzjoni ta' oġġetti ta' l-ikel iffriżati malajr qabel il-bejgħ tagħhom lill-konsumatur ta' l-aħħar;

Billi għal raġunijiet tekniċi ċerti żidiet ta' temperatura huma inevitabbli u jistgħu għalhekk ikunu ttollerati kemm-il darba ma jagħmlux ħsara lill-kwalità tal-prodotti, li tista' tkun żgurata b'konformità b'ħażna tajba u prattika tajba ta' distribuzzjoni, filwaqt li jingħata kas b'mod partikolari tal-livell xieraq ta' rotazzjoni tal-ħażna;

Billi l-prestazzjoni ta' ċertu tagħmir tekniku fil-preżent użat fid-distribuzzjoni lokali ta' oġġetti ta' l-ikel iffriżati malajr mhijiex kapaċi li tiżgura f'kull każ konformità sħiħa mal-limiti ta' temperatura imposti f'din id-Direttiva, u huwa għalhekk meħtieġ li tkun ipprovduta sistema transitorja li tippermetti li l-materjal eżistenti jintuża għat-tul ta' żmien normali tiegħu;

Billi din id-Direttiva teħtieġ biss tiddikjara l-miri li għandhom jintlaħqu kemm fir-rigward ta' tagħmir użat għall-proċess ta' iffriżar malajr u kemm għat-temperaturi li għandhom jitħarsu fl-istallazzjonijiet u tagħmir tal-ħażna, tal-manipulazzjoni, trasport u distribuzzjoni;

Billi huwa kompitu ta' l-Istati Membri li jiżguraw permezz ta' verifiki uffiċjali li t-tagħmir użat huwa kapaċi li jilħaq dawn il-miri;

Billi ċċekkjar bħal dan jirrendi żejda kull sistema ta' ċertifikar uffiċjali għal finijiet ta' kummerċ;

Billi huwa mixtieq li tkun ipprovduta l-possibilità ta' l-użu ta' fluwidi krijoġeniċi f'kuntatt dirett ma' oġġetti ta' l-ikel iffriżati malajr; billi għalhekk dawn il-fluwidi għandhom ikunu inerti b'mod suffiċjenti biex ma jgħaddux lill-oġġetti ta' l-ikel ebda kostitwent fi kwantitajiet li jistgħu jikkostitwixxi f'periklu għas-saħħa tal-bniedem, jew li jagħtu lok għal bidla inaċċettabbli fil-komposizzjoni ta' l-oġġetti ta' l-ikel, jew li jgħarrqu l-karatteristiċi organolettiċi tagħhom;

Billi biex tintlaħaq din il-mira huwa meħtieġ li tkun adottata lista ta' dawn is-sustanzi u li jkunu stabbiliti kriterji għall-purità tagħhom u kondizzjonijiet għall-użu tagħhom;

Billi oġġetti ta' l-ikel iffriżati malajr maħsuba għall-konsumatur aħħari u għar-ristoranti, sptarijiet, għal canteens u min bħal dawn iforni ikel lill-massa huma soġġetti, safejn huwa kkonċernat l-ittekkjar tagħhom,, għar-regoli stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE tat-18 ta' Diċembru, 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri marbuta ma' l-ittikkettjar, preżentazzjoni u r-reklamar ta' oġġetti ta' l-ikel għal bejgħ lill-konsumatur aħħari([3]), kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 86/197/KEE([4]); billi d-Direttiva preżenti għandha għalhekk tistabbilixxi biss il-partikolaritajiet li huma speċifiċi għal oġġetti ta' l-ikel ta' iffriżar malajr;

Billi, biex ikun iffaċilitat il-kummerċ, għandhom ikunu adottati wkoll regoli għall-ittikkettjar ta' oġġetti ta' l-ikel iffriżati malajr li mhux maħsuba li jitqassmu fl-istat iffriżat lill-konsumatur aħħari jew lil ristoranti, sptarijiet, lil canteens u u min bħal dawn iforni ikel lill-massa;

Billi, biex tkun issimplifikata u mħeffa l-proċedura, il-Kummissjoni għandha tkun assenjata l-ħidma li tadotta miżuri ta' natura teknika;

Billi, fil-każijiet kollha li fihom il-Kunsill jagħti setgħa lill-Kummissjoni biex timplimenta r-regoli stabbiliti għal oġġetti ta' l-ikel, għandha tkun stabbilita proċedura li tistabbilixxi koperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar l-Oġġetti ta' l-Ikel stqbbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 69/414/KEE([5]),

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal ikel iffriżat malajr maħsub għal konsum mill-bniedem, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ bħala oġġetti ta' l-ikel iffriżati malajr'.

2. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva oġġetti ta' l-ikel iffriżati malajr' ifissru oġġetti ta' l-ikel

- li jkunu għaddew minn proċess ta' iffriżar xieraq magħruf bħala iffriżar ta' malajr' minn fejn iż-żona ta' kristillazzjoni massima tinqabeż kemm jista' jkun malajr, skond it-tip ta' prodott, u t-temperatura li tirriżulta tal-prodott (wara stabbilizzazzjoni termali) tinżamm kontinwament f'livell ta' -18 °C jew inqas f'kull punt tiegħu, u

- li huma mibjugħa b'tali mod li jindikaw li għandhom din il-karatteristika.

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, ġelat u ġelati oħra li jittieklu m'għandhomx jitqiesu bħala oġġetti ta' l-ikel iffriżati malajr.

3. Din id-Direttiva għandha mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet tal-Komunità marbuta ma':

(a) l-organizzazzjoni komuni ta' swieq fis-setturi ta' l-agrikoltura u s-sajd;

(b) iġjene veterinarja.

Artikolu 2

Il-prodotti biss definiti f'Artikolu 1(2) jistgħu jġibu l-ismijiet li hemm provduti f'Artikoli 8 u 9.

Artikolu 3

1. Materji prima wżati fil-manifattura ta' oġġetti ta' l-ikel iffriżati malajr għandhom ikunu ta' kwalità tajba, ġenwina u merkantibbli u jkunu tal-livell meħtieġ ta' freskezza

2. Preparazzjoni u ffriżar malajr ta' prodotti għandhom isiru bla telf ta' żmien, bl-użu ta' tagħmir tekniku xieraq, sabiex ikunu imnaqqas għall-minimu kull bdil kimiku, biokimiku u mikrobioloġiku.

Artikolu 4

Il-mezzi krijoġeniċi awtorizzati, bl-esklużjoni ta' l-oħrajn kollha, għall-użu f'kuntatt dirett ma' oġġetti ta' l-ikel iffriżati malajr għandhom ikunu li ġejjin:

- arja,

- nitroġenu,

- dijossidu karboniku.

B'deroga mill-ewwel paragrafu, Stati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ sal-31 ta' Diċembru 1992 liġijiet nazzjonali li jawtorizzaw l-użu ta' dichlorodifluoromethane (R 12) bħala mezz krijoġeniku.

Il-kriterji ta' purità li għandhom ikunu sodisfatti minn dawn il-mezzi krijoġeniċi għandhom ikunu determinati, safejn ikun meħtieġ, bi qbil mal-proċedura stabbilita f'Artikolu 12.

Artikolu 5

1. It-temperatura ta' oġġetti ta' l-ikel iffriżati malajr għandha tkun stabbli u miżmuma, f'kull punt tal-prodott, f'temperatura ta' -18 °C jew inqas, b'varjazzjonijiet qosra 'l fuq possibbli ta' mhux aktar minn 3 °C matul it-trasport.

2. Iżda, tolleranzi fit-temperatura tal-prodott bi qbil ma' prattika tajba ta' ħażna u distribuzzjoni għandhom ikunu permessi matul id-distribuzzoni lokali u f'armarji tal-wiri ta' ħwienet bl-imnut bla ħsara għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) dawn it-tolleranzi ma għandhomx jaqbżu it-3 °C;

(b) huma jistgħu, madankollu jilħqu 6 °C f'armarji tal-wiri ta' ħwienet bl-imnut, jekk u sal-punt li l-Istati Membri hekk jiddeċiedu. F'dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jagħżlu t-temperatura fid-dawl tal-ħażna jew rotazzjoni tal-prodott fil-kummerċ bl-imnut. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda u r-raġunijiet għal dawk il-miżuri.

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi t-toleranza li għaliha hemm provdut fis-subparagrafu ta' qabel fid-dawl ta' żviluppi tekniċi u għandha tagħmel proposti lill-Kunsill jekk xieraq qabel l-1 ta' Jannar 1993.

3. Għal perjodu ta' tmien snin min-notifika ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu, għal ditribuzzjoni lokali, jawtorizzaw toleranzi sa 6 °C.

Artikolu 6

1. L-Istati Membri għandhom:

(a) jiżguraw li t-tagħmir użat għal iffriżar ta' malajr, ħażna, trasport, distribuzzjoni lokali u wiri f'armarji ta' ħwienet bl-imnut ikun tali li tkun garantita l-konformità mal-ħtiġiet ta' din id-Direttiva:

(b) jagħmlu ċċekkjar uffiċjali bit-teħid ta' kampjuni fuq it-temperatura ta' oġġetti ta' l-ikel iffriżati malajr.

2. Stati Membri ma għandhomx jitolbu li, bħala preliminarju għal jew matul il-marketing ta' oġġetti ta' l-ikel iffriżati malajr, li l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 tkun attesta permezz ta' ċertifikat uffiċjali.

Artikolu 7

Oġġetti ta' l-ikel iffriżati malajr maħsuba għall-konsumatur aħħari għandhom ikunu ppakkjati mill-manifattur jew pakkjatur f'imballaġġi minn qabel adatt li jħarishom minn kontaminazzjoni mikrobika jew ta' forom oħra esterni ta' kontaminazzjoni u kontra l-ixxuttar.

Artikolu 8

1. Id-Direttiva 79/112/KEE għandha tapplika għal prodotti koperti b'din id-Direttiva u hi maħsuba biex tkun fornuta mingħajr aktar ipproċessar lill-konsumatur aħħari u lil ristoranti, sptarijiet, lil canteens u min bħal dawn iforni ikel lill-massa bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) waħda jew aktar minn li ġejjin għandha tiżdied ma' l-isem tal-bejgħ:

bid-Daniż: dybfrossen',

bil-Ġermaniż: tiefgefroren' jew Tiefkuehlkost' jew tiefgekuehlt' jew gefrostet',

bl-Ispanjol: ultracongelado' jew congelado rapidamente',

bil-Grieg: " " vagy " " vagy "-",

bl-Ingliż: quick-frozen',

bil-Franċiż: surgélé',

bit-Taljan: surgelato',

bl-Olandiż: diepvries',

bil-Portugiż: ultracongelado'.

(b) b'żieda mad-data ta' żmien minimu ta' kemm idum, għandu jkun indikat il-perjodu li matulu prodotti ffriżati malajr jistgħu jinħażnu mix-xerrej u t-temperatura ta' ħażna u/jew it-tagħmir ta' ħażna meħtieġ:

(ċ) l-ittikkettjar ta' kull oġġett ta' l-ikel iffriżat malajr għandu jinkludi riferenza li minnha jista' jkun magħruf il-lott;

(d) it-tikketta ta' kull oġġett ta' l-ikel iffriżat malajr għandu jkollha messaġġ ċar tat-tip tiffriżax mill-ġdid wara li tiddiffrostja'.

Artikolu 9

1. L-ittikkettjar tal-prodotti definiti f'Artikolu 1(2) li m'humiex maħsuba biex jinbiegħu lill-konsumatur aħħari jew lil ristoranti, sptarijiet, lil canteen jew min bħal dawn iforni ikel lill-massa għandu jkollu biss id-dettalji obbligatorji li ġejjin:

(a) l-isem tal-bejgħ ssuplimentat skond Artikolu 8(1) ta' din id-Direttiva;

(b) il-kwantità netta espressa f'unitajiet ta' massa;

(ċ) riferenza li biha l-lott ikun jista' jiġi identifikat;

(d) l-isem jew l-isem tan-negozju u l-indirizz tal-manifattur jew pakkjatur, jew ta' bejjiegħ stabbilit fil-Komunità.

2. Id-dettalji previsti fil-paragrafu 1 għandhom jidhru fuq l-imballaġġ, kontenitur jew fit-tgeżwira, jew fuq tikketta mehmuża magħhom.

3. Dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa ebda dispożizzjoni metroloġika tal-Komunità li tkun aktar dettaljata jew aktar komprensiva.

Artikolu 10

Stati membri ma jistgħux, għal raġunijiet marbuta ma' l-ispeċifikazzjonijiet tal-manifattura, preżentazzjoni jew tikkettjar, jipprojbixxu jew jirristrinġu l-marketing ta' xi prodott definit f'Artikolu 1 (2) li jikkomforma ma' din id-Direttiva u, ma' miżuri meħuda għall-applikazzjoni tagħha.

Artikolu 11

Il-proċeduri ta' teħid ta' kampjuni għal oġġetti ta' l-ikel iffriżati malajr, il-proċeduri ta' monitoraġġ tat-temperaturi tagħhom u tal-monitoraġġ ta' temperaturi fil-mezzi ta' trasport tal-magazzinaġġ u ħażna għandhom ikunu deċiżi bi qbil mal-proċedura stabbilita f'Artikolu 12, qabel it-tmiem tal-perjodu ta' 24 xahar wara n-notifika ta' din id-Direttiva.

Artikolu 12

1. Fejn il-proċedura prevista f'dan l-Artikolu hija invokata, il-każ għandu jkun riferut lill-Kumitat Permanenti dwar l-Oġġetti ta' l-Ikel, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ bħala l-kumitat', mill-president tiegħu, li jaġixxi jew b'inizjattiva tiegħu stess jew b'talba tar-rappreżentant ta' xi Stat Membru.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jiġu adottati. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fil-limitu ta' żmien li jkun deċiż mill-president b'qies għall-urġenza tal-każ. Huwa għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata, kif stabbilit f'Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-president ma għandux jivvota.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti fejn dawn ikunu f'konformità ma' l-opinjoni tal-kumitat;

(b) fejn il-miżuri proposti ma jkunux f'komformità ma' l-opinjoni tal-kumitat jew fejn ma tingħata ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill mingħajr dewmien proposta rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata;

(ċ) jekk, ma' l-iskadenza ta' perjodu ta' tliet xhur mid-data li fiha l-każ ikun inġieb quddiem il-Kunsill, dan ta' l-aħħar ikun naqas milli jieħu xi miżura, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti.

Artikolu 13

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufiħ jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan. Il-miżuri meħuda għandhom:

- jippermettu mhux aktar tard minn 18-il xahar wara n-notifika ([6]) tad-Direttiva l-kummerċ fi prodotti li jikkonformaw ma' din id-Direttiva,

- jipprojbixxu mhux aktar tard minn 24 xahar wara n-notifika tad-Direttiva l-kummerċ fi prodotti li ma jikkonformawx ma' din id-Direttiva

2. Fir-rigward ta' armarji tal-wiri ta' ħwienet bl-imnut, għal perjodu ta' tmien snin wara n-notifika ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ il-liġijiet li japplikaw fid-data ta' meta din id-Direttiva tidħol fis-seħħ.

F'dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, waqt li jiddikjaraw ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħhom.

Artikolu 14

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmulha fi Brussel, fil-21 ta' Diċembru 1988.

Għall-Kunsill

Il-President

V. PAPANDREOU

Proofread by Stephen Zammit

[1] ĠU C 175, tal-15.7.1985, p. 296 u ĠU C 12, 16. 1989.

[2] ĠU C 104, tal-25.4.1985, p. 17.

[3] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 1.

[4] ĠU L 144, tad-29.5.1986, p. 38.

[5] ĠU L 291, tad-19.11.1969, p. 9.

[6] Din id-Direttiva ġiet notifikata lill-Istati Membri fl-10 ta' Jannar 1989.