31988R3893



Official Journal L 346 , 15/12/1988 P. 0032 - 0033
Finnish special edition: Chapter 2 Volume 6 P. 0247
Swedish special edition: Chapter 2 Volume 6 P. 0247


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3893/88

ta' l-14 ta' Diċembru 1988

li jemenda Regolament (KEE) Nru 2290/83 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 50 sa 59 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83 li jistabbilixxi sistema tal-Komunità dwar eżenzjoni mid-dazji doganali

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83 tat-28 ta' Marzu li jistabbilixxi sistema tal-Komunità ta' eżenzjoni mid-dazji doganali [1], skond l-aħħar emendi permezz tar-Regolament (KEE) Nru 1315/88 [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 143 tiegħu,

Billi l-Artikoli 63a u 63b tar-Regolament (KEE) Nru 918/83 introduċew fuq kull bażi definittiva fis-sistema tal-Komunità ta' ħelsien mid-dazji doganali id-dispożizzjonijiet mhux tassattivi li kienu jinsabu fl-Artikoli 137 u 138 ta' dak ir-Regolament għar-rigward ta' strumenti u apparat użati f'riċerka medika, li tistabbilixxi dijanjożi medika jew dwar it-trattament mediku;

Billi dawk id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni jistgħu sa ċertu mod ikunu bbażati fuq dawk tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru No 2290/83 [3], skond kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1745/85 [4]; billi jkun għalhekk jidher xieraq li jiġu trattati s-sitwazzjonijiet analogi f'dokument wieħed, permezz ta' emenda li testendi l-għan tar-Regolament (KEE) Nru 2290/83;

Billi l-esperjenza prattika tal-proċedura stabbilita fid-dispożizzjonijiet preżenti turi li għandhom isiru ċerti adattamenti;

Billi l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar Arranġamenti ta' eżenzjoni mid-dazji doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 2290/83 hu b'dan emendat kif ġej:

1. It-titolu hu sostitwit b'dan li ġej:

"Ir-Regolament tal-Kummissjoni 2290/83 tad-29 ta' Lulju 1983 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 50 sa 59 u l-Artikoli 63a u 63b tar-Regolament tal-Kunsill 918/83 li jwaqqaf kull sistema tal-Komunità dwar ħelsien minn dazji doganali"

.

2. L-Artikolu 1 hu mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 50 sa 59 u l-Artikoli 63a u 63b tar-Regolament (KEE) Nru 918/83, minn hawn 'il quddiem riferut magħruf bħala r-"Regolament bażiku"."

3. Fl-Artikolu 7(2) it-tieni subparagrafu hu mibdul b'dan li ġej:

"Fil-frattemp ta' kull deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta' dħula għal ħelsien minn dazju skond dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza l-importazzjoni proviżorja bil-ħelsien mid-dazji ta' importazzjoni ta' l-istrument jew apparat inkwistjoni, bla ħsara għal kull obbligazzjoni mill-intrapriża jew organizzazjoni li lilhom l-oġġetti jkunu kkonsenjati li jħallsu d-dazji ta' importazzjoni rilevanti jekk id-dħul mingħajr il-ħlas tad-dazji ta' importazzjoni ma jiġux awtorizzati."

4. Is-sentenza li ġejja hi magħduda ma' l-Artikolu 7(7):

"Il-perijodu jista', madankollu, jiġi estiż, kemm-il darba il-perijodu ma jaqbiżx b'kollox disa' xhur, meta l-Kummissjoni tikkunsidra il-ħtieġa li jkollha aktar informazzjoni mill-Istat Membru sabiex tasal għal kull deċiżjoni. F'dan il-każ il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba qabel ma jiskadi l-perijodu inizjali ta' sitt xhur."

5. It-Titolu Va li ġej hu mdaħħal:

"IT-TITOLU Va

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI DWAR ID-DĦUL MINGĦAJR DAZJI TA' IMPORTAZZJONI TA' STRUMENTI JEW APPARAT MEDIKU TAĦT L-ARTIKOLI 63a u 63b TAR-REGOLAMENT BAŻIKU

L-Artikolu 15a

1. Sabiex jinkiseb dħul mingħajr il-ħlas ta' dazji ta' importazzjoni ta' strumenti jew apparat taħt l-Artikoli 63a u 63b tar-Regolament bażiku, il-kap ta' l-impriża jew organizzazzjoni li lilhom l-oġġetti jkunu kkonsenjati, jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, għandu jissotometti kull applikazzjoni lill-awtorità komptenti ta' l-Istat Membru li fih l-impriża jew organizzazzjoni tkun qiegħda.

2. L-applikazzjoni li għaliha hemm riferenza fil-paragrafu 1 għandha jkollha l-informazzjoni li ġejja dwar l-istrument jew apparat inkwistjoni:

(a) id-deskrizzjoni kummerċjali preċiża ta' l-istrument jew apparat użat mill-fabbrikant, u l-klassifikazzjoni preżunta fin-nomenklatura tat-tariffa;

(b) l-isem jew l-isem kummerċjali u indirizz tal-fabbrikant u, jekk disponibbli, tal-fornitur;

(ċ) il-pajjiż ta' oriġini ta' l-istrument jew apparat;

(d) il-post fejn l-istrument jew l-apparat ikun ser jintuża;

(e) l-użu li jkun ser isir mill-istrument jew apparat.

3. Fil-każ ta' rigal, l-applikazzjoni għandha tinkludi wkoll:

(a) l-isem tal-kumpannija isem u indirizz tad-donatur;

(b) kull dikjarazzjoni mill-applikant fis-sens li:

(i) id-donazzjoni ta' l-istrument jew apparat inkwistjoni ma jaħbix xi intenzjoni kummerċjali da parti tad-donatur;

(ii) id-donatur bl-ebda mod ma jkun assoċjat mal-fabbrikant ta' l-istrumenti jew apparat li għalihom jintalab id-dħul mingħajr il-ħlas ta' dazju.

L-Artikolu 15b

1. Meta l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru tkun qed tikkunsidra li tagħti dħul mingħajr il-ħlas ta' dazju fuq apparat jew strumenti kif imfissra fl-Artikolu 63a tar-Regolament bażiku, din għandha tikkonsulta lill-Istati Membri l-oħra biex jiġi assigurat jekk apparat jew strumenti ekwivalenti jkunux fabbrikati fil-Komunità.

2. Jekk ma tingħata l-ebda risposta mill-awtorità li qiegħda tiġi kkonsultata fi żmien erba' xhur, din għandha tikkunsidra li ma hemm l-ebda strumenti ekwivalenti għal dawk li għalihom qiegħed jintalab dħul mingħajr il-ħlas ta' dazju li qed jiġu ffabbrikati fl-Istati Membri kkonsultati.

3. Meta l-perijodu ta' erba' xhur ma jkunx biżżejjed għall-awtorità konsultata, dik l-awtorità għandha tinforma lill-awtorità li tkun qed tiġi tikkonsulta u fl-istess ħin tiddikjara l-perijodu li fih risposta finali tista' tkun mistennija minnha. Dak il-perijodu m'għandux, iżda, jeċċedi xahrejn oħra.

4. Meta mat-tmiem tal-proċedura ta' konsultazzjoni prevista fil-paragrafi 1 sa 3, l-awtorità li titlob konsultazzjoni ssib li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 63a(1) (a), (b) u (ċ) tar-Regolament bażiku jkunu onorati din għandha tagħti l-għajnuna. Inkella din għandha tirrifjutha.

L-Artikolu 15ċ

Meta l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fih l-impriża jew korp li lilha jkunu kkonsenjati l-oġġetti ma tkunx tista' tieħu deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 15b, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(2) sa (7) għar-rigward ta' dħul ta' strumenti xjentifiċi u apparat mingħajr il-ħlas ta' dazju għandha tapplika mutatis mutandis.

L-Artikolu 15d

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 15a sa 15c japplikaw mutatis mutandis għal spare parts, komponenti, aċċessorji speċifiċi u għodda li jintużaw għal manutenzjoni, iċċekkjar, kalibrazzjoni jew tiswija ta' strumenti jew apparat li jkunu daħlu mingħajr il-ħlas ta' dazju b'mod konformi ma' l-Artikolu 63a(2) (a) u (b) tar-Regolament bażiku.

L-Artikolu 15e

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 għandhom japplikaw, mutatis mutandis."

6. L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 16(1) hu ssostitwit b'dan li ġej:

"Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni lista ta' l-istrumenti, apparat, spare parts, komponenti, aċċessorji u għodda li l-prezz jew il-valur tagħhom għal finijiet ta' dwana jeċċedu ECU 5000 u li dwarhom ikun awtorizza jew irrifjuta dħul mingħajr il-ħlas ta' dazju taħt l-Artikolu 7(1), 14(1) jew 15b(4)."

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1989.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-14 ta' Diċembru 1988.

Għall-Kummissjoni

Cockfield

Viċi-President

[1] ĠU L 105, tat-23.4.1983, p. 1.

[2] ĠU L 123, tas-17.5.1988, p. 2.

[3] ĠU L 220, tal-11.8.1983, p. 20.

[4] ĠU L 167, tas-27.6.1985, p. 21.

--------------------------------------------------