31988L0667



Official Journal L 382 , 31/12/1988 P. 0046 - 0048
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 17 P. 0175
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 17 P. 0175


Id-Direttiva tal-Kunsill

tal-21 ta’ Diċembru 1988

li temenda għar-raba’ darba d-Direttiva 76/768/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kosmetiċi

(88/667/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

B’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-emendi suċċessivi magħmula għall-Annessi tad-Direttiva 76/768/KEE [4], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 88/233/KEE [5], jeħtieġu li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jkunu adattati;

Billi l-esperjenza miksuba mill-adozzjoni tad-Direttiva 76/768/KEE ‘l hawn uriet li d-dispożizzjonijiet dwar l-ittikkettjar għandhom jitjiebu u li l-perijodu stabbilit f’Artikolu 12(2) huwa inadekwat,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 76/768/KEE hija b’dan emendat kif ġej:

1. F’Artikolu 1, il-paragrafu 3 huwa mibdul b’dan li ġej:

"3. Prodotti kosmetiċi li jkun fihom waħda mis-sustanzi elenkati f’Anness V għandhom ikunu esklużi mill-iskop ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu jieħdu dawk il-miżuri li jqisu li huma meħtieġa fir-rigward ta’ dawk il-prodotti."

2. F’Artikolu 4, (ċ) u (d) għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

"(ċ) koloranti apparti minn dawk elenkati f’Anness IV, il-Parti 1, bl-eċċezzjoni tal-prodotti kosmetiċi li jkun fihom koloranti intiżi unikament biex jiżbgħu ix-xagħar;

(d) koloranti elenkati f’Anness IV, il-Parti 1, li mhux użati fil-kondizzjonijiet stabbiliti, bl-eċċezzjoni tal-prodotti kosmetiċi li jkun fihom koloranti intiżi unikament biex jiżbgħu ix-xagħar."

3. Artikolu 5 huwa mibdul b’dan li ġej:

"Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jippermettu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti kosmetiċi li jkun fihom:

(a) is-sustanzi elenkati f’Anness III, il-Parti 2, fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti, sad-dati fil-kolonna (g) ta’ dak l-Anness;

(b) il-koloranti elenkati f’Anness IV, il-Parti 2, fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti, sad-dati tad-dħul mogħtija f’dak l-Anness;

(ċ) il-preservattivi elenkati f’Anness VI, il-Parti 2, fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti, sad-dati mogħtija fil-kolonna (f) ta’ dak l-Anness. B’danakollu, uħud minn dawn is-sustanzi jistgħu jintużaw f’konċentrazzjonijiet oħra għal skopijiet speċifiċi apparenti mill-presentazzjoni tal-prodott;

(d) il-filtri UV elenkati fil-Parti 2 ta’ Anness VII, fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti, sad-dati mogħtija fil-kolonna (f) ta’ dak l-Anness.

F’dawn id-dati, dawn is-sustanzi koloranti, preservattivi u filtri UV għandhom:

- ikunu definittivament permissibbli, jew

- definittivament ipprojbiti (Anness II), jew

- imħollija għal perijodu definit speċifikat fil-Parti 2 ta’ Annessi III, IV, VI jew

- imħassra mill-Annessi kollha, fuq il-bażi tat-tagħrif xjentifiku disponibbli jew għax ma jkunux użati aktar."

4. Artikolu 6 huwa mibdul b’dan li ġej:

"Artikolu 6

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw li l-prodotti kosmetiċi jkunu jistgħu jiġu mqiegħda fis-suq biss jekk il-kontenitur u l-imballaġġ iġibu l-informazzjoni li ġejja f’karattri li ma jitħassrux, li jinqraw faċilment u li jidhru sew:

(a) l-isem jew l-istil u l-indirizz jew uffiċċju rreġistrat tal-manifattur jew tal-persuna responsabbli għat-tqeħid fis-suq tal-prodott kosmetiku li jkun stabbilit fil-Komunità. Din l-informazzjoni tista’ titqassar sakemm it-taqsira tagħmilha ġeneralment possibbli li tkun identifikata l-intrapriża. L-Istati membri jistgħu jinħtieġu li l-pajjiż ta’ oriġini jkun speċifikat għall-oġġetti manifatturati barra mill-Komunità;

(b) il-kontenut nominali fil-ħin ta’ l-imballaġġ, mogħti bil-piż jew bil-volum, ħlief fil-każ ta’ imballaġġ li jkun fih anqas minn ħames grammi jew ħames millilitri, kampjuni bla ħlas u pakketti ta’ applikazzjoni waħda; għal oġġetti imballati minn qabel normalment mibjugħa bħala għadd ta’ oġġetti, li għalihom id-dettalji tal-piż jew ta’ volum ma jkunux sinifikanti, il-kontenut mhux meħtieġ li jingħata kemm-il darba l-għadd ta’ l-oġġetti jkun jidher fuq l-imballaġġ. Din l-informazzjoni mhix meħtieġa li tingħata jekk l-għadd ta’ l-oġġetti ikun faċli li jidher minn barra jew jekk il-prodott normalment ikun jinbiegħ biss individwalment;

(ċ) id-data minima ta’ kemm iservi. Id-data minima ta’ kemm iservi il-prodott kosmetiku għandha tkun id-data sakemm dan il-prodott, maħżun f’kondizzjonijiet xierqa, ikompli jwettaq il-funzjoni inizjali tiegħu u, b’mod partikulari, jibqa’ konformi ma’ Artikolu 2.

Id-data minima ta’ kemm iservi għandha tkun indikata bil-kliem: "L-aħjar li jintuża qabel tmiem…" segwiti minn jew:

- id-data nnifisha, jew

- id-dettalji ta’ fejn tkun tidher id-data fuq l-ippakkjar.

Jekk ikun meħtieġ, din l-informazzjoni għandha tkun supplimentata b’indikazzjoni tal-kondizzjonijiet li għandhom ikunu sodisfatti biex jiggarantixxu t-tul ta’ żmien ta’ kemm iservu mistqarr.

Id-data għandha tkun espressa b’mod ċar u għandha tikkonsisti mix-xahar u s-sena f’dik l-ordni. L-indikazzjoni tad-data ta’ kemm iservi m’għandhiex tkun obbligatorja għall-prodotti kosmetiċi li t-tul ta’ żmien minimu ta’ kemm iservu tagħhom jeċċedi it-30 xahar;

(d) il-prekawzjonijiet partikulari li għandhom jiġu osservati waqt l-użu, u speċjalment dawk elenkati fil-kolonna "Kondizzjonijiet għall-użu u twissijiet li għandhom ikunu stampati fuq it-tikketta" f’Annessi III, IV, VI u VII, li għandhom jidhru fuq il-kontenitur u l-imballaġġ kif ukoll kull informazzjoni speċjali prekawzjonarja fuq il-prodotti kosmetiċi għal użu professjonali, b’mod partikulari fl-arranġament tax-xagħar. Meta dan ikun impossibbli għal raġunijiet prattiċi, din l-informazzjoni għandha tidher f’fuljett mehmuż, bl-informazzjoni mqassra fuq il-kontenitur u l-imballaġġ li jirreferi lill-konsumatur għall-informazzjoni speċifikata;

(e) in-numru tal-lott tal-manifattura jew ir-referenza għall-identifikazzjoni ta’ l-oġġetti. Meta dan ikun impossibbli għal raġunijiet prattiċi minħabba li l-prodotti kosmetiċi huma żgħar wisq, ikun biżżejjed jekk din l-informazzjoni tidher biss fuq l-imballaġġ.

2. Għall-prodotti kosmetiċi li mhumiex imballati minn qabel, li huma mballati waqt il-ħin tal-bejgħ fuq talba tax-xerrej, jew huma mballati minn qabel għall-bejgħ immedjat, l-Istati Membri għandhom jadottaw regoli dettaljati għall-indikazzjoni tal-partikularitajiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw li, fl-ittikkettjar, it-tqegħid għall-bejgħ u r-reklamar ta’ prodotti kosmetiċi, it-testi, l-ismijiet, it-trade marks, l-istampi u s-sinjali figurattivi jew sinjali oħrajn ma jintużawx biex jimplikaw li dawn il-prodotti għandhom karatteristiċi li m’għandhomx."

5. Artikolu 12(2) huwa mibdul bi:

"2. Il-Kummissjoni għandha malajr kemm jista’ jkun tikkonsulta ma’ l-Istati Membri konċernati, u wara dan tagħti l-opinjoni tagħha mingħajr dewmien u tieħu l-passi xierqa."

6. Anness III, il-Parti 2, isir Anness IV, il-Parti 1.

7. Anness IV, il-Parti 1, isir Anness III, il-Parti 2.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw li mill-1 ta’ Jannar 1992 la l-manifatturi u l-anqas l-importaturi stabbiliti fil-Komunità ma jqiegħdu fis-suq prodotti li t-tikkettjar tagħhom ma jkunx jissodisfa l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw li l-prodotti li hemm referenza għalihom fil-pargrafu 1 ma jkunux jistgħu aktar jinbiegħu jew mogħtija lill-konsumatur aħħari wara l-31 ta’ Diċembru 1993.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1989. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam regolat b’din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-21 ta’ Diċembru 1988.

Għall-Kunsill

Il-President

V. Papandreou

[1] ĠU L 86, ta’ l-1.4.1987, p. 3.

[2] ĠU L 122, tad-9.5.1988, p. 80 u d-Deċiżjoni ta’ l-14 Diċembru 1988 (li għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 319, tat-30.11.1987, p. 5.

[4] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 169.

[5] ĠU L 105, tas-26.4.1988, p. 11.

--------------------------------------------------