31988L0409



Official Journal L 194 , 22/07/1988 P. 0028 - 0029
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 27 P. 0029
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 27 P. 0029


Id-Direttiva tal-Kunsill

tal-15 ta’ Ġunju 1988

li tistabbilixxi regoli dwar is-saħħa li jgħoddu għall-laħam intenzjonat għas-suq domestiku u l-livelli tad-drittijiet li għandhom jitħallsu, skond id-Direttiva 85/73/KEE, dwar l-ispezzjoni ta’ dak il-laħam

(88/409/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3]

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ ta’ laħam frisk fil-Komunità [4], kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KEE) Nru 3805/87 [5], tippreskrivi dwar ispezzjonijiet tas-saħħa u kontrolli rigward laħam frisk intenzjonat għal kummerċ fi ħdan il-Komunità,

Billi huwa xieraq li jibdew isiru l-istess ispezzjonijiet rigward laħam frisk intenzjonat għall-kummerċ fis-suq intern ta’ kull Stat Membru biex jiġI garantit il-moviment ħieles ġewwa l-Komunità kif ukoll biex jiġi evitat tgħawwiġ fil-kompetittività ta’ prodotti li huma soġġetti għall-organizzazzjoni komuni tas-suq, waqt li fl-istess ħin jiġu garantiti kondizzjonijiet uniformi ta’ protezzjoni tas-saħħa lil konsumaturi;

Billi skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/73/KEE tad-29 ta’ Jannar 1985 dwar l-iffinanzjament ta’ ispezzjonijiet tas-saħħa u kontrolli fuq laħam frisk u laħam tat-tjur [6] il-livelli tad-drittijiet li għandhom jinġabru għal laħam frisk ġej minn biċċeriji li mhumiex approvati taħt id-Direttiva 64/433/KEE ma jistgħux jiġu stabbiliti ħlief in konnessjoni ma’ l-adozzjoni ta’ regoli ta’ ispezzjoni għal dak il-laħam;

Billi, in vista ta’ l-estensjoni tar-regoli ta’ ispezzjoni stabbiliti fid-Direttiva 64/433/KEE għall-annimali kollha maqtula għas-suq lokali u għall-obbligu li dan il-laħam ikun suġġett għall-kontrolli msemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 85/358/KEE tas-16 ta’ Lulju 1985 li tissupplimenta d-Direttiva 81/602/KEE li tirrigwarda l-projbizzjoni li ċerti sustanzi jkollhom azzjoni ormonali u li ċerti sustanzi jkollhom azzjoni tirostatika [7] u in vista tad-Direttiva tal-Kunsill 86/469/KEE tas-16 ta’ Settembru 1986 li tirrigwarda l-eżami ta’ annimali u laħam frisk għall-preżenza ta’ residwi [8] huwa xieraq li jiġu adottati, għal laħam intenzjonat għall-konsum lokali, l-istess livelli ta’ drittijiet bħal dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/408/KEE tal-15 ta’ Ġunju 1988 dwar il-livelli ta’ drittijiet li għandhom jitħallsu għall-ispezzjonijiet tas-saħħa u kontrolli ta’ laħam frisk skond id-Direttiva 85/73/KEE [9];

Billi, madankollu, mhuwiex opportun f’dan l-istadju li tiġi regolata, fuq livell komunitarju, l-materja dwar il-qatla għall-bżonnijiet personali tal-bidwi;

Billi, minħabba fid-diffikultajiet inerenti fil-karatteristiċi ġeografiċi partikolari tat-territorju tagħħa, għandu jingħata perjodu ulterjuri ta’ sentejn biex jippermetti lir-Repubblika Ellenika tapplika r-regoli ta’ ispezzjoni u tintroduċi l-makkinarju neċessarju biex jinġabru d-drittijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ ispezzjonijiet u kontrolli,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva tippreskrivi, mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti li għandhom jiġu adottati skond l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 71/118/KEE tal-15 ta’ Frar 1971 dwar il-problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ fil-laħam tat-tjur frisk [10], kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KEE) Nru 3805/87, ir-regoli dwar l-ispezzjoni tas-saħħa u l-livelli tad-drittijiet dwar is-saħħa li jgħoddu għal-laħam intenzjonat għas-suq domestiku fl-Istati Membri.

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva jgħoddu t-tifsiriet mogħtija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 64/433/KEE.

Din id-Direttiva ma taffettwax regoli nazzjonali dwar il-qatla ta’ annimal għall-bżonnijiet personali tal-bidwi, sakemm dawn ir-regoli jippreskrivu garanziji biex jiġi verifikat li l-laħam mill-annimal ma jinbiegħx għall-konsum pubbliku.

Artikolu 2

Mill-1 ta’ Jannar 1990 l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li, sad-data speċifikata fl-Artikolu 6 sa l-aktar tard, il-laħam frisk kollu prodott fit-territorju tagħhom għat-tqegħid fis-suq jiġi spezzjonat skond ir-regoli ta’ ispezzjoni preskritti fil-Kapitolu V, il-punti 25, 26 u 27, fil-Kapitoli VI, VII u VIII, u fil-Kapitolu IX fit-tieni, fil-ħames u fis-sitt inċiżi tal-punt 47, ta’ l-Anness I tad-Direttiva 64/433/KEE. Dan il-laħam ma jistax ikollu l-marka tas-saħħa preskritta fil-Kapitolu X ta’ dak l-Anness jekk ma jkunx konformi mal-ħtiġiet l-oħra ta’ l-imsemmija Direttiva.

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli VI, VIII u tal-Kapitolu IX, il-punt 47 ta’ l-Anness I tad-Direttiva 64/433/KEE ma jgħoddux għal operazzjonijiet li jinvolvu l-ħażna u t-tqattigħ fi kwantitajiet żgħar fil-post minn fejn jinbiegħu lill-konsumatur aħħari.

Artikolu 3

L-artikolu li ġej għandu jiżdied fid-Direttiva 85/73/KEE:

"L-Artikolu 2a

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispejjeż li jintnefqu għall-kontrolli msemmija fl-Artikoli 6, 8 u 9 tad-Direttiva 86/469/KEE jiġu addebitati fuq id-drittijiet speċifikati fl-Artikolu 1."

Artikolu 4

Il-livell tad-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 88/408/KEE għandhom jgħoddu rigward laħam frisk prodott u spezzjonat skond l-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva u rigward laħam imsemmi fl-Arikolu 16a tad-Direttiva 71/118/KEE.

Artikolu 5

1. Qabel l-1 ta’ Ottubru 1989 il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi dwar il-kondizzjoni li taħthom jistgħu jiġu estiżi l-ħtiġiet tad-Direttiva 64/433/KEE għal stabbilimenti jew biċċeriji li mhumiex approvati taħt id-Direttiva msemmija, għandu, għal dawk il-finijiet, jirrevedi l-kriterji preskritti b’mod partikolari fl-Artikolu 3(1)(A) (d) u fl-Artikolu 5 ta’ dik id-Direttiva biex jiġi projbit il-kummerċ f’ċertu laħam u għandu jadotta r-regoli minimi dwar l-iġjene u l-ispezzjon li għandhom jiġu osservati minn biċċerija li hi intenzjonata tirrestrinġi l-produzzjoni tagħha għas-suq lokali.

2. Sa l-istess data u skond l-istess proċedura, dan li ġej għandu jiġi adottat għal laħam li hu bħalissa intenzjonat għas-suq lokali biss:

- regoli ta’ ispezzjoni tas-saħħa ġodda għal qabel u għal wara l-qatla ta’ laħam tat-tjur

- dispożizzjonijiet dwar il-kwalifiki professjonali ta’ assistenti spetturi, it-taħriġ meħtieġ u x-xogħlijiet li għandhom iwettqu.

Artikolu 6

L-Istati membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li huma neċessarji biex ikun hemm konformità ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar, 1991. Huma għandhom minnufih javżaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Iżda r-Repubblika Ellenika jkollha perjodu ta’ sentejn addizzjonali biex tikkonforma ruħha ma’ dan.

Artikolu 7

Din id-direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Ġunju 1988.

Għall-Kunsill

Il-President

I. Kiechle

[1] ĠU C 302, tas-27.11.1986, p. 4 u ĠU C 298, tas-7.11.1987, p. 4.

[2] ĠU C 281, tad-19.10.1987, p. 202.

[3] ĠU C 83, tat-30.3.1987, p. 2.

[4] ĠU C 121, tad-29.7.1964, p. 2012/64.

[5] ĠU L 357, tad-19.12.1987, p. 1.

[6] ĠU L 32, tal-5.2.1985, p. 14.

[7] ĠU L 191, tat-23.7.1985, p. 46.

[8] ĠU L 275, tas-26.9.1986, p. 36.

[9] Ara l-paġna 24 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[10] ĠU L 55, tat-8.3.1971, p. 23.

--------------------------------------------------