31988L0388



Official Journal L 184 , 15/07/1988 P. 0061 - 0066
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 17 P. 0077
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 17 P. 0077


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-22 ta’ Ġunju 1988

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taħwir għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel u mal-materjali mis-sors għall-produzzjoni tagħhom

(88/388/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod speċjali l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

B’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku [3],

Billi d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali li għandhom x’jaqsmu mat-taħwir ifixklu l-moviment liberu ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel u jistgħu joħolqu kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux egwali, li jaffettwaw direttament il-mod kif jiġi stabbilit jew il-mod kif jaħdem is-suq komuni;

Billi l-approssimazzjoni ta’ dawn il-liġijiet hija meħtieġa jekk irid jinkiseb il-moviment liberu ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel;

Billi l-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mat-taħwir għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel għandhom iqisu primarjament il-ħtiġiet tas-saħħa tal-bniedem iżda wkoll, fil-limitu meħtieġ għall-protezzjoni tas-saħħa, il-ħtiġiet ekonomiċi u tekniċi;

Billi l-ewwel pass għandu jkun li jiġu stabbiliti f’Direttiva qafas id-dispożizzjonijiet dwar il-kriterji ġenerali tas-safa, id-definizzjonijiet, it-tikkettjar, u l-prinċipji li fuqhom jistgħu sUssegwentement jiġu eliminati d-differenzi legali;

Billi, fuq il-bażi ta’ l-inventarju jew il-materjali u s-sustanzi mis-sors użati fit-tħejjija tat-taħwir stabbiliti mill-Kummissjoni skond id-Deċiżjoni 88/389/KEE [4], il-Kunsill għandu jadotta fi stadju aktar tard, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 100a tat-Trattat, id-dispożizzjonijiet approprjati li jirrigwardaw kategoriji individwali ta’ taħwir u ta’ materjali mis-sors u kull miżura meħtieġa li tirrigwarda l-użu u l-metodi tagħhom tal-produzzjoni;

Billi skond il-parir xjentifiku u tekniku l-iktar riċenti għandhom jiġu limitati għall-oġġetti ta’ l-ikel ċerti komponenti fuq il-materji prima mill-ħaxix ta’ l-ikel jew mill-annimali użati fit-tħejjijiet tat-taħwir;

Billi għandhom jiġu stabbiliti l-kriterji speċifiċi tas-safa għal taħwir mogħti, il-kriterji mikrobijoloġiċi għat-taħwir, il-metodi ta’ l-analiżi u ta’ kif jittieħdu l-kampjuni tat-taħwir u tas-sustanzi elenkati fl-Annessi ġewwa u fuq l-oġġetti ta’ l-ikel;

Billi, jekk l-użu f’taħwira ta’ sustanza jew ta’ materjal awtorizzat fuq il-bażi ta’ din id-Direttiva jew tad-dispożizzjonijiet adottati fi stadju aktar tard jew il-preżenza ta’ waħda mis-sustanzi elenkati fl-Anness II jidhru li jikkostitwixxu riskju għas-saħħa, l-Istati Membri għandhom jiġu awtorizzati li jissospendu jew jillimitaw dan l-użu, jew inaqqsu l-ammonti massimi pprovduti, sakemm tittieħed deċiżjoni fil-livell Komunitarju;

Billi t-tfassil tal-lista tas-sustanzi jew tal-materjali awtorizzati bħala addittivi meħtieġa għall-ħażna u l-użu tat-taħwir bħala solventi u dilwiti tat-taħwir, u bħala għajnuniet għall-ipproċessar, u l-mod kif jiġu stabbiliti l-kriterji speċifiċi tas-safa tat-taħwir, il-proċedura dwar kif jittieħdu kampjuni u l-metodi ta’ l-analiżi tat-taħwiriet fuq jew ġewwa l-oġġetti ta’ l-ikel u l-verifika tal-limiti massimi stabbiliti fl-Annessi jikkostitwixxu miżuri tekniċi ta’ implimentazzjoni; billi sabiex il-proċedura tiġi ssimplifikata u mgħaġġla, l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri għandhom jiġu fdati f’idejn il-Kummissjoni;

Billi, huwa mixtieq illi fil-każijiet kollha fejn il-Kunsill jagħti l-poter lill-Kummissjoni sabiex timplimenta regoli li għandhom x’jaqsmu mat-taħwir għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel, għandha ssir dispożizzjoni għal proċedura li tistabbilixxi l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti ta’ l-Oġġetti ta’ l-ikel stabbilit bid-Deċiżjoni 69/414/KEE [5];

Billi, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li, fin-nuqqas ta’ Direttivi speċifiċi dwar it-taħwir, japplikaw għal ċerti tipi ta’ taħwir, il-ħtiġiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu applikati hekk illi jawtorizzaw, sentejn wara l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, il-kummerċ u l-użu tat-taħwir li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u li jipprojbixxu, tliet snin wara l-adozzjoni tagħha, il-kummerċ u l-użu tat-taħwir li ma jikkonformawx magħha,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. Din id-Direttiva għandha tapplika għat-"taħwir" użat jew maħsub biex jintuża ġewwa jew fuq l-oġġetti ta’ l-ikel biex jagħti r-riħa u/jew it-togħma, u għall-materjali mis-sors użati għall-produzzjoni tat-taħwir.

2. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a) "taħwir" ifisser is-sustanzi li jagħtu t-togħma, it-tħejjijiet tat-taħwir, il-proċessar tat-taħwir, it-taħwir bil-fumigazzjoni jew it-taħlitiet tagħhom;

(b) "sustanza tat-taħwir" ifisser sustanza kimika ddefinita bil-proprjetajiet tat-taħwir li tinkiseb:

(i) bil-proċessi fiżiċi approprjati (inklużi d-distillazzjoni u l-estrazzjoni tas-solvent) jew bi proċessi enżimatiċi jew bi proċessi mikrobijoloġiċi mill-materjali li joriġinaw mill-ħaxix ta’ l-ikel jew mill-annimali kemm fl-istat nej jew wara l-ipproċessar għall-konsum mill-bniedem permezz tal-proċessi tradizzjonali tat-tħejjija ta’ l-ikel (inklużi t-tnixxif, il-kiwi u l-fermentazzjoni),

(ii) b’sintesi kimika jew iżolat permezz ta’ proċessi kimiċi u li jkun kimikament identiku għas-sustanza li tinsab preżenti b’mod naturali f’materjal li joriġina mill-ħaxix ta’ l-ikel jew mill-annimali kif deskritt fil-(i),

(iii) b’sintesi kimika iżda li mhux kimikament identika għal sustanza li tinsab preżenti b’mod naturali f’materjal ta’ orġini mill-ħaxix ta’ l-ikel jew mill-annimali kif deskritt fil-(i),

(ċ) "tħejjija tat-taħwir" tfisser prodott, għajr is-sustanzi definiti fil-(b)(i), sewwa jekk ikkonċentrat u sewwa jekk le, bil-proprjetajiet tat-taħwir, li jinkiseb permezz tal-proċessi fiżiċi approprjati (inklużi id-distillazzjoni u l-estrazzjoni tas-solvent) jew proċessi enżimatiċi jew mikrobijologiċi minnn materjal li joriġina mill-ħaxix ta’ l-ikel jew mill-annimali, kemm fl-istat nej jew wara l-ipproċessar għall-konsum mill-bniedem permezz tal-proċessi tradizzjonali tat-tħejjija ta’ l-ikel (inkluż it-tnixxif, il-kiwi u l-fermentazzjoni);

(d) "proċess tat-taħwir" ifisser prodott miksub skond il-prattiki t-tajba tal-fabbrikazzjoni bis-sħana sa temperatura li ma taqbiżx il-180 °C għal perjodu taż-żmien ta’ mhux aktar minn 15-il minuta ta’ taħlita ta’ ingredjenti, li mhux bilfors ikun fiha l-proprjetajiet tat-taħwir, li mill-inqas wieħed minnhom ikun fih in-nitroġenu (amino) u l-ieħor ikun zokkor tat-tnaqqis;

(e) "taħwir bil-fumigazzjoni" ifisser estratt tad-duħħan użat fil-proċessi tradizzjonali tal-fumigazzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel.

3. It-taħwir jista’ jkun fih oġġetti ta’ l-ikel kif ukoll sustanzi oħra kif deskritt fl-Artikolu 6(1).

L-Artikolu 2

Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:

- is-sustanzi li jittieklu u l-prodotti maħsuba għall-konsum, bi jew mingħajr rikostituzzjoni,

- is-sustanzi li għandhom esklussivament togħma ħelwa, morra jew ta’ ta’ melħ,

- il-materjal ta’ oriġini mill-ħaxix ta’ l-ikel jew mill-annimali, li jkun fih inerenti proprjetajiet tat-taħwir, fejn dawn ma jintużawx bħala sorsi tat-taħwir.

L-Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi t-taħwir ma jkunx jista’ jitqiegħed fis-suq jew jintuża jekk ma jikkonformax mar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva.

L-Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi:

(a) - it-taħwir ma jkun fih l-ebda ammont jew sustanza fi kwantità perikoluża tossikoloġikament;

- bla ħsara għal kull eċċezzjoni pprovduta fil-kriterji speċifiċi tas-safa riferiti fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 6(2), dawn ma jkunx fihom aktar minn 3 mg/kg arseniku, 10 mg/kg ċomb, 1 mg/kg kadmju u l mg/kg merkurju;

(b) l-użu tat-taħwir ma jirriżultax, fil-preżenza fl-oġġetti ta’ l-ikel huma u jiġu kkunsmati, f’s-sustanzi mhux mixtieqa elenkati fl-Anness I fi kwantitajiet ikbar minn dawk speċifikati fih;

(ċ) l-użu tat-taħwir u ta’ ingredjenti oħra ta’ l-ikel bi proprjetajiet tat-taħwir ma jirriżultax fil-preżenza tas-sustanzi elenkati fl-Anness II, fi kwantitajiet akbar minn dawk speċifikati fih.

L-Artikolu 5

Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 100a tat-Trattat, għandu jadotta:

1. Dispożizzjonijiet approprjati li jirrigwardaw:

- is-sorsi tat-taħwir komposti mill-oġġetti ta’ l-ikel, u tal-ħwawar u l-ispeċi normalment meqjusa bħala ikel,

- is-sorsi tat-taħwir komposti mill-materji prima tal-ħaxix jew ta’ l-annimali mhux normalment meqjusa bħala ikel,

- is-sustanzi tat-taħwir miksuba permezz tal-proċessi fiżici approprjati jew permezz ta’ proċessi enżimatiċi jew mikrobijologiċi mill-materji prima tal-ħaxix ta’ l-ikel jew ta’ l-annimali,

- is-sustanzi tat-taħwir sintesizzati kimikament jew iżolati kimikament, identiċi għas-sustanzi tat-taħwir preżenti b’mod naturali fl-oġġetti ta’ l-ikel jew fil-ħwawar u l-ispeċi normalment meqjusa bħala ikel,

- is-sustanzi tat-taħwir sinsetizzati kimikament jew iżolati kimikament, identiċi għas-sustanzi tat-taħwir naturali preżenti fil-materji prima tal-ħaxix ta’ l-ikel jew ta’ l-annimali normalment mhux meqjusa bħala ikel,

- is-sustanzi tat-taħwir sintesizzati kimikament imħallta jew iżolati kimikament għajr dawk riferiti fir-raba’ u l-ħames inċiż,

- il-materjali mis-sors użati fil-produzzjoni tat-taħwir bil-fumigazzjoni jew tat-taħwir tal-proċess u l-kondizzjonijiet tar-reazzjoni li fuqhom ikunu mħejjija;

2. Kull dispożizzjoni speċjali li tista’ tkun meħtieġa, għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika jew għall-kummerċ, li tirrigwarda:

- l-użu u l-metodi tal-produzzjoni tat-taħwir, inklużi l-proċessi fiżiċi jew dawk enżimatiċi jew mikrobjiologiċi għall-produzzjoni tat-tħejjijiet tat-taħwir u tas-sustanzi tat-taħwir kif riferiti fl-Artikolu 1(2)(b) (i) u (ċ),

- il-kondizzjonijiet dwar l-użu tas-sustanzi u tal-materjali riferiti fl-Artikolu 6(1);

3. L-emendi li jirrigwardaw il-limiti massimi stabbiliti fl-Annessi.

L-Artikolu 6

Dan li ġej għandu jiġi adottat skond il-proċedura ddikjarata fl-Artikolu 10:

1. il-lista tas-sustanzi jew tal-materjali awtorizzati fil-Komunità bħala:

- addittivi meħtieġa għall-ħażna u l-użu tat-taħwir,

- il-prodotti użati sabiex iħollu u jiddilwu t-taħwir,

- l-addittivi meħtieġa għall-produzzjoni tat-taħwir (l-għajnuniet ta’ l-ipproċessar) fejn dawn l-addittivi ma jkunux koperti b’dispożizzjonijiet oħra Komunitarji;

2. fejn meħtieġa:

- il-metodi ta’ l-analiżi meħtieġa sabiex jivverifikaw il-konformità mal-livelli riferiti fl-Artikolu 4,

- il-proċedura sabiex jittieħdu l-kampjuni u l-metodi għall-analiżi kwalitattiva u, fejn approprjat, kwantitattiva tat-taħwir ġewwa jew fuq l-oġġetti ta’ l-ikel,

- il-kriterji speċifiċi tas-safa għal taħwir mogħti;

3. - il-kriterji mikrobijoloġiċi li japplikaw għat-taħwir,

- il-kriterji tad-denominazzjonijiet mogħtija lill-ismijiet iżjed speċifiċi riferiti fl-Artikolu 9(1)(b);

4. il-passi approprjati, li jridu jittieħdu sa l-1 ta’ Lulju 1990 sabiex jissupplimentaw din id-Direttiva b’regoli dwar it-tikkettjar tat-taħwir maħsub għall-bejgħ lill-aħħar konsumatur.

L-Artikolu 7

Id-dispożizzjonijiet li jista’ jkollhom effett fuq is-saħħa pubblika għandhom jiġu adottati biss wara li jiġi kkonsultat il-Kumitat Xjentifiku ta’ l-Ikel.

L-Artikolu 8

1. Meta, bħala riżultat ta’ tagħrif ġdid jew ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tat-tagħrif eżistenti magħmula minn meta tkun ġiet adottata din id-Direttiva jew waħda mid-Direttivi pprovvduti fl-Artikolu 5, Stat Membru jkollu x-xhieda ddettaljata:

- illi l-preżenza ta’ waħda mis-sustanzi elenkati fl-Annessi ma’ din id-Direttiva jew il-livelli massimi stabbiliti, filwaqt li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, jew

- illi l-użu ta’ taħwir, filwaqt li Jikkonforma mad-Direttiva relevanti jew ma’ din id-Direttiva, jew

- illi l-preżenza ta’ sustanza simili għal dawk riferiti fl-Annessi

jikkostitiwixxu periklu għas-saħħa tal-bniedem, dan l-Istat Membru jista’ jisspospendi jew jirrestrinġi temporanjament l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-kwistjoni fit-territorju tiegħu. Għandu jgħarraf minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’dan u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

2. Il-Kummissjoni għandha teżamina malajr kemm jista’ jkun ix-xħieda mogħtija mill-Istat Membru u tikkonsulta lill-Kumitat Permanenti ta’ l-Oġġetti ta’ l-Ikel, u mbagħad għandha tagħti l-opinjoni tagħha minnufih u tieħu l-miżuri approprjati, li jistgħu jieħdu l-post tal-miżuri riferiti fil-paragrafu 1.

3. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra illi l-emendi għal din id-Direttiva jew għal waħda mid-Direttivi riferiti fl-Artikolu 5 huma meħtieġa sabiex itaffu d-diffikultajiet imsemmija fil-paragrafu 1 u sabiex jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, għandha tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10, bil-ħsieb li tadotta dawn l-emendi; l-Istat Membru li jkun adotta miżuri preventivi jista’ f’dan il-każ iżommhom sakemm l-emendi jidħlu fis-seħħ.

L-Artikolu 9

1. It-taħwir mhux maħsub għall-bejgħ lill-aħħar konsumatur ma jistax jitqiegħed fis-suq jekk l-imballaġġ jew il-kontenituri tiegħu ma jġorrux it-tagħrif li ġej, li għandu jidher bla xkiel, jinqara b’mod ċar u ma jistax jitħassar:

(a) l-isem jew l-isem tan-negozju u l-indirizz tal-fabbrikant jew tal-packer, jew ta’ bejjiegħ stabbilit fil-Komunità;

(b) id-deskrizzjoni tal-bejgħ: jew il-kelma "taħwir" jew isem iktar speċifiku jew deskrizzjoni tat-taħwira.

L-Istati Membri jistgħu jżommu għal perjodu taż-żmien ta’ tliet snin wara l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, ismijiet iktar speċifiċi sabiex jiddenominaw it-taħwir kompost minn taħlitiet ta’ tħejjijiet tat-taħwir u tas-sustanzi tat-taħwir.

Qabel ma jiskadi dan il-perjodu taż-żmien, għandu jiġi deċiż skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 10 jekk dawn l-ismijiet għandhomx ikunu inklużi f’din id-Direttiva;

(ċ) jew id-dikjarazzjoni "għall-oġġetti ta’ l-ikel" jew referenza iktar speċifika għall-oġġett ta’ l-ikel li għalih ikun maħsub it-taħwir;

(d) lista fl-ordni dixxendenti skond il-piż tal-kategoriji tas-sustanzi tat-taħwir u tat-tħejjijiet tat-taħwir ikklassifikati kif ġej:

- is-sustanzi naturali tat-taħwir fil-każ tas-sustanzi tat-taħwir iddefiniti fl-Artikolu 1(2)(b)(i),

- is-sustanzi tat-taħwir identiċi għas-sustanzi naturali fil-każ tas-sustanzi tat-taħwir iddefiniti fl-Artikolu 1(2)(b) (ii),

- is-sustanzi artifiċjali tat-taħwir fil-każ tas-sustanzi tat-taħwir iddefiniti fl-Artikolu 1(2)(b)(iii),

- it-tħejjijiet tat-taħwir fil-każ tat-tħejjijiet iddefiniti fl-Artikolu 1(2)(ċ),

- it-taħwir tal-proċess fil-każ tat-taħwir iddefinit fl-Artikolu 1(2)(d),

- taħwir bil-fumigazzjoni fil-każ tat-taħwir iddefinit fl-Artikolu 1(2)(e),

(e) fil-każ ta’ taħlita ta’ taħwir mas-sustanzi jew mal-materjali l-oħra riferiti fl-ewwel u fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 6(1), lista fl-ordni dixxendnti skond il-piż fit-taħlita ta’:

- il-kategoriji tat-taħwir ikklassifikati fid-(d) ta’ dan il-paragrafu,

- l-ismijiet ta’ kull wieħed mis-sustanzi jew tal-materjali l-oħra jew, fejn approprjat, in-numru tagħhom tal-"KEE";

(f) indikazzjoni tal-kwantità massima ta’ kull wirħed mill-komponenti jew minn grupp ta’ komponenti bla ħsara għal-limitu kwantitattiv f’oġġett ta’ l-ikel jew għat-tagħrif approprjat li jgħin lix-xerrej sabiex jikkonforma mad-dispożizzjonijiet Komunitarji jew, fejn dawn ma jeżistux, mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għal dan l-oġġett ta’ l-ikel;

(g) indikazzjoni li tidentifika l-kunsinna;

(h) il-kwantità nominali espressa f’unitajiet tal-massa jew tal-volum.

2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1(d), il-kelma "naturali", jew kull kelma oħra li sostanzjalment ikollha l-istess tifsira, tista’ tintuża biss għal dak it-taħwir li fih il-komponent tat-taħwir jikkonsisti esklussivament minn sostanzi tat-taħwir kif imfissra fl-Artikolu (2)(b)(i) u/jew minn tħejjijiet tat-taħwir iddefiniti fl-Artikolu 1(2)(ċ).

Jekk id-deskrizzjoni tal-bejgħ tat-taħwir ikun fiha referenza għal oġġett ta’ l-ikel jew għas-sors tat-taħwir, il-kelma "naturali" jew kull kelma oħra li sostanzjalment ikollha l-istess tifsira, ma tistax tintuża għajr jekk il-komponent tat-taħwir ikun ġie iżolat permezz tal-proċessi fiżiċi approprjati, il-proċessi enżimatiċi jew mikrobijoloġiċi jew il-proċessi tradizzjonali tat-tħejjija ta’ l-ikel magħmula biss jew kważi biss mill-oġġett ta’ l-ikel jew mis-sors tat-taħwir interessati.

3. B’ deroga mill-paragrafu 1, it-tagħrif meħtieġ fil-paragrafu 1 (d), (e) u (f) jista’ sempliċement jidher fuq id-dokumenti kummerċjali li għandhom x’jaqsmu mal-kunsinna u li jridu jiġu forniti mal-kunsinna jew qabilha, sakemm l-indikazzjoni "maħsuba għall-fabbrikazzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel u mhux għall-bejgħ" tidher f’parti prominenti fuq il-pakkeġġ jew il-kontenitur tal-prodotti fil-kwistjoni.

4. L-Istati Membri għandhom iżommu lura milli jistabbilixxu ħtiġiet aktar iddettaljati minn dawk li hemm f’dan l-Artikolu li jirrigwardaw il-mod li bih iridu jiġu murija l-partikolaritajiet ipprovduti.

Il-partikolartajiet ipprovduti f’dan l-Artikolu għandhom jingħataw f’termini illi x-xerrejja jifhmuhom malajr għajr jekk ikunu ttieħdu miżuri oħra sabiex jiżguraw illi x-xerrej jiġi mgħarraf. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex iżżomm milli dawn l-indikazzjonijiet jidhru f’ilsna varji.

L-Artikolu 10

1. Meta tkun trid tiġi segwita l-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu, il-President għandu jirreferi l-materja lill-Kumitat Permanenti ta’ l-Oġġetti ta’ l-Ikel jew fuq inizjattiva tiegħu nnifsu jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fil-limitu taż-żmien li l-President jista’ jistabilixxi skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza kkwalifikata stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-President ma għandux jivvota.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba meta dawn ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat.

(b) Meta l-miżuri maħsuba ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew fin-nuqqas ta’ kull opinjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti minnufih lill-Kunsill proposta li jkollha x’taqsam mal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata.

Jekk, wara li jiskadu tliet xhur mid-data li fiha l-materja tkun ġiet referita lilu, il-Kunsill ma jkun ħa l-ebda miżura, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti.

L-Artikolu 11

1. Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għat-taħwir maħsub biex jintuża fl-oġġetti ta’ l-ikel, u għall-oġġetti ta’ l-ikel, importati fil-Komunità.

2. Din id-Direttiva la għandha tapplika għat-taħwir, u lanqas għall-oġġetti ta’ l-ikel, maħsuba għall-esportazzjoni ’l barra mill-Komunità.

L-Artikolu 12

1. L-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw raġunijiet dwar il-kompożizzjoni jew it-tikkettjar tat-taħwir jew dwar l-imġiba tagħhom fl-oġġetti ta’ l-ikel biex jipprojbiexxu, jirrestrinġu, jew ifixklu t-tqegħid fis-suq jew l-użu tat-taħwir li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva u mad-Direttivi rriferiti fl-Artikolu 5.

2. Il-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa d-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw fl-assenza tad-Direttivi riferiti fl-Artikolu 5.

L-Artikolu 13

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien 18-il xahar mill-adozzjoni tagħha. Għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni b’dan. Il-miżuri meħuda għandhom:

- jawtorizzaw, sentejn wara l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, it-tqegħid fis-suq u l-użu tat-taħwir li jikkonforma ma’ din id-Direttiva,

- jipprojbixxu, tliet snin wara l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, it-tqegħid fis-suq u l-użu tat-taħwir li ma jikkonformax ma’ din id-Direttiva,

2. Il-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li, fl-assenza tad-Direttivi riferiti fl-Artikolu 5, japplikaw għal ċerti gruppi ta’ taħwir jew jispeċifikaw l-oġġetti ta’ l-ikel li ġewwa fihom jew fuqhom jista’ jintuża t-taħwir li jikkonforma mad-Direttiva.

L-Artikolu 14

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Ġunju 1988.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Bangemann

[1] ĠU C 144, tat-13.6.1980, p. 9, uĠU C 103, ta’ l-24.4.1982, p. 7.

[2] ĠU C 66, tal-15.3.1982. p. 117 u d-Deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 1988 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

[3] ĠU C 138, tad-9.6.1981, p. 42.

[4] Ara paġna 67 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[5] ĠU L 291, tad-19.11.1969, p. 9.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

Il-limiti massimi għal ċerti sustanzi mhux mixtieqa preżenti fl-oġġetti ta’ l-ikel kif ikkunsmati b’riżultat ta’ l-użu ta’ taħwir

Is-sustanza | L-oġġetti ta’ l-ikel | Ix-xorb |

il-benzopirene 3,4 | 0,03 μg/kg | 0,03 μg/kg |

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Il-limiti massimi għal ċerti sustanzi miksuba mit-taħwir u minn ingredjenti oħra ta’ l-ikel bi proprjetajiet tat-taħwir preżenti fl-oġġetti ta’ l-ikel kif ikkunsmati u li fihom ikun intuża t-taħwir

Is-sustanzi | L-oġġetti ta’ l-ikel mg/kg | Ix-xorb mg/kg | L-eċċezzjonijiet u/jew ir-restrizzjonijiet speċjali |

L-aċidu agariku | 20 | 20 | 100 mg/kg fix-xorb alkoħoliku u fl-oġġetti ta’ l-ikel li jkun fihom il-faqqiegħ |

L-aloina | 0,1 | 0,1 | 50 mg/kg fix-xorb alkoħoliku |

Il-beta asarone | 0,1 | 0,1 | 1 mg/kg fix-xorb alkoħoliku u t-taħwir użati fl-ikel tat-tip snack |

Il-berberina | 0,1 | 0,1 | 10 mg/kg fix-xorb alkoħoliku |

Il-kumarin | 2 | 2 | 10 mg/kg f’ċerti tipi ta’ ħelu tal-karamelli 50 mg/kg fiċ-chewinggum 10 mg/kg fix-xorb alkoħoliku |

L-aċidu idroċjaniku | 1 | 1 | 50 mg/kg fil-qubbajt, il-marżipan jew is-sostituti tiegħu jew prodotti simili 1 mg/% fil-volum ta’ l-alkoħol fix-xorb alkoħoliku 5 mg/kg fi fil-frott bl-għadma fil-landi |

L-iperiċin | 0,1 | 0,1 | 10 mg/kg fix-xorb alkoħoliku l mg/kg fil-ħelu |

Il-pulegone | 25 | 100 | 250 mg/kg f’xorb tal-menta jew bit-taħwir tal-menta 350 mg/kg fil-ħelu tal-menta |

Il-kassin | 5 | 5 | 10 mg/kg fil-ħelu fl-għamla ta’ pastilja 50 mg/kg fix-xorb alkoħoliku |

Is-safrol u l-isosafrol | 1 | 1 | 2 mg/kg fix-xorb alkoħoliku li ma jkollux aktar minn 25 % fil-volum ta’ l-alkoħol 5 mg/kg fix-xorb alkoħoliku li ma jkollux aktar minn 25 % fil-volum ta’ l-alkoħol 15 mg/kg fl-oġġetti ta’ l-ikel li jkollhom in-nuċimuskata jew il-qoxra ta’ barra tan-nuċimuskata |

Is-santonin | 0,1 | 0,1 | 1 mg/kg fix-xorb alkoħoliku li jkollu aktar minn 25 % fil-volum ta’ l-alkoħol |

It-tujone (alfa u beta) | 0,5 | 0,5 | 5 mg/kg fix-xorb alkoħoliku li ma jkollux aktar minn 25 % fil-volum ta’ l-alkoħol 10 mg/kg fix-xorb alkoħoliku li jkollu aktar minn 25 % fil-volum ta’ alkoħol 25 mg/kg fl-oġġetti ta’ l-ikel li jkun fihom tħejjijiet ibbażati fuq is-salvja 35 mg/kg fix-xorb morr |

--------------------------------------------------