31988L0220



Official Journal L 100 , 19/04/1988 P. 0031 - 0032
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0173
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0173


Id-Direttiva Tal-Kunsill

tat-22 ta’ Marzu 1988

li temenda, fir-rigward tal-politiċi ta’ l-investiment ta’ ċerti UCITS, id-Direttiva 85/611/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi għal investimenti kollettivi f’titoli trasferibbli (UCITS)

(88/220/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 57(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

F’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Artikolu 22(1) u (2) tad-Direttiva 85/611/KEE [4] jillimita l-investiment ta’ assi UCITS f’titoli trasferibbli mill-istess kumpannija li toħroġhom għal 5 %, limitu li jista’, jekk meħtieġ, jiżdied għal 10 %;

Billi dak il-limitu jimponi problemi speċjali għal UCITS stabbiliti fid-Danimarka f’każijiet meta huma jkunu jixtiequ jinvestu proporzjon apprezzabbli ta’ l-assi tagħhom fis-suq domestiku tal-bonds, ladarba dak is-suq huwa ddominat b’bonds ta’ kreditu ta’ ipoteki u n-numru ta’ istituzzjonijiet li joħorġu dawn il-bonds huwa żgħir ħafna;

Billi dawk il-bonds ta’ kreditu ta’ ipoteki huma soġġetti fid-Danimarka għal regoli u sorveljanza speċjali maħsuba biex tipproteġi lil titolari u huma trattati taħt il-liġi Daniża bħala ekwivalenti għal bonds maħruġa jew garantiti mill-Istat;

Billi l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 85/611/KEE jidderoga minn paragrafi 1 u 2 ta’ dak l-Artikolu fil-każ ta’ bonds maħruġa jew garantiti minn Stat Membru u jawtorizza lil UCITS biex jinvestu partikolarment sa 35 % ta’ l-assi tagħhom f’dawn il-bonds;

Billi deroga simili, imma ta’ estent aktar limitat hija ġġustifikata fir-rigward ta’ bonds tas-settur privat li, anki fl-assenza ta’ garanzija ta’ Stat, madanakollu joffru garanziji speċjali lill-investitur taħt ir-regoli speċifiċi applikabbli għalihom; billi huwa għalhekk neċessarju li din id-deroga tiġi estiża għat-totalità ta’ dawn il-bonds li konġuntement jissodisfaw kriterji fissi, waqt li l-Istati Membri jitħallew iħejju l-lista ta’ bonds li lilhom ikollhom l-intenzjoni, meta approprjat, jagħtu deroga, u li jipprovdu għal proċedura biex l-Istati Membri l-oħrajn identiċi għal dak previst fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 85/611/KEE jiġu infurmati,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

"4. L-Istati Membri jistgħu jgħollu l-limitu stabbilit fil-paragrafu 1 għal massimu ta’ 25 % fil każ ta’ ċerti bonds meta dawn jinħarġu minn istituzzjoni ta’ kreditu li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru u tkun soġġetta skond il-liġi għal sorveljanza pubblika speċjali ddisinjata biex tipproteġi lil titolari tal-bonds. B’mod partikolari, somom li jirriżultaw mill-ħruġ ta’ dawn il-bonds għandhom jiġu investiti in konformità mal-liġi f’assi li, tul il-perjodu kollu tal-validità ta’ dawn il-bonds, ikunu jistgħu ikopru pretensjonijiet marbuta mal-bonds u li, fil-każ ta’ nuqqas min- naħa ta’ dak li jkun ħariġhom, ikunu użati fuq bażi ta’ prijorità għar-rimbors tal-prinċipal u l-ħlas ta’ l-imgħaxijiet akkumulati.

Meta UCITS tinvesti aktar minn 5 % ta’ l-assi tagħha fil-bonds imsemmija fl-ewwel subparagrafu u maħruġa minn persuna/kumpannija waħda, il-valur totali ta’ dawn l-investimenti ma jistax jeċċedi 80 % tal-valur ta’ l-assi ta’ l-UCITS.

Kif stabbilit fl-Artikolu 20 (1), l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni lista tal-kategorija msemmija qabel ta’ bonds flimkien mal-kategoriji ta’ dawk awtorizzati li joħorġuhom skond il-liġijiet u l-arranġamenti ta’ sorveljanza msemmija fl-ewwel subparagrafu, biex joħorġu bonds li jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fuq. Notifika li tispeċifika l-istatus tal-ġaranziji offerti għandha tkun mehmuża ma’ dawn il-listi. Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(2) għandha tapplika.

5. It-titoli trasferibbli msemmija fil-paragrafi 3 u 4 m’għandux jittieħed kont tagħhom għall-iskop li jiġi applikat il-limitu ta’ 40 % imsemmi fil-paragrafu 2.

Il-limiti previsti fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 ma jistgħux ikunu kombinati, u għalhekk investimenti f’titoli trasferibbli maħruġa mill-istess korp imwettqa skond il-paragrafi 1, 2, 3 u 4 m’għandhom taħt l-ebda ċirkostanza jeċċedu f’total 35 % ta’ l-assi ta’ UCITS."

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-istess dati bħal dawk previsti fid-Direttiva 85/611/KEE. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-22 ta’ Marzu 1988.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Bangemann

[1] ĠU C 155, tal-21.6.1986, p. 4.

[2] L-Opinjoni ppubblikata fil-ĠU Nru C 125, tal-11.5.1987, p. 162 u d-Deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Frar 1988 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 333, tad-29.12.1986, p. 10.

[4] ĠU L 375, tal-31.12.1985, p. 3.

--------------------------------------------------