31987R3976



Official Journal L 374 , 31/12/1987 P. 0009 - 0011


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3976/87

ta' l-14 ta' Diċembru 1987

dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' akkordji u prattiċi miftiehma fis-settur tat-trasport bl-ajru

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 87 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3975/87 [4] jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru; billi r-Regolament Nru 17 tal-Kunsill [5] jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli għall-akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma barra dawk li għandhom x'jaqsmu direttament mal-provvista ta' servizzi ta' trasport bl-ajru;

Billi l-Artikolu 85(1) tat-Trattat jista' jiġi ddikjarat inapplikabbli għal ċerti kategoriji ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 85(3);

Billi għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet komuni għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) permezz ta' Regolament skond l-Artikolu 87; billi, skond l-Artikolu 87(2)(b), Regolament bħal dan irid jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3), billi jqis il-ħtieġa li tiġi żgurata s-sorveljanza effettiva, min-naħa l-waħda, u li tiġi simplifikata l-amministrazzjoni kemm jista' jkun, min-naħa l-oħra; billi, skond l-Artikolu 87(2)(d), Regolament bħal dan huwa meħtieġ sabiex jiddefinixxi l-funzjonijiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja;

Billi s-settur tat-trasport bl-ajru kien sallum il-ġurnata irregolat minn struttura ta' ftehim internazzjonali, ftehim bilaterali bejn l-Istati u akkordji bilaterali u multilaterali bejn it-trasportaturi bl-ajru; billi t-tibdiliet meħtieġa għal din is-sistema regolatorja internazzjonali sabiex tiġi żgurata żieda fil-kompetizzjoni għandhom isiru bil-mod sabiex jingħata żmien sabiex is-settur tat-trasport bl-ajru jkun jista' jaddatta;

Billi l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa għal din ir-raġuni li tiddikjara permess ta' Regolament li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(1) ma japplikawx għal ċerti kategoriji ta' akkordji bejn impriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta' impriżi u prattiċi miftiehma;

Billi għandu jiġi stabbilit taħt liema kondizzjonijiet speċifiċi u f'liema ċirkostanzi l-Kummissjoni tista teżerċita setgħat bħal dawn f'relazzjoni mill-qrib u kostanti ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri;

Billi huwa mixtieq, partikolarment, li jingħataw eżenzjonijiet ġenerali għal ċerti kategoriji ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma; billi dawn l-eżenzjonijiet għandhom jingħataw għal perjodu limitat li matulu t-trasportaturi bl-ajru jkunu jistgħu jaddattaw ruħhom għal ambjent aktar kompetittiv; billi l-Kummissjoni, f'relazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, għandhom ikunu jistgħu jiddefinixxu b'mod preċiż l-iskop ta' dawn l-eżenzjonijiet u l-kondizzjonijiet marbuta magħhom;

Billi ma jista' jkun hemm l-ebda eżenzjoni jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 85(3) ma jiġux sodisfatti; billi l-Kummissjoni għandha għalhekk ikollha s-setgħa li tieħu l-miżuri xierqa meta akkordju jkun jidher li għandu effetti inkompatibbli ma' l-Artikolu 85(3); billi l-Kummissjoni għandha għaldaqstant ikollha s-setgħa li fl-ewwel lok tindirizza rakkomandazzjonijiet lill-partijiet u fit-tieni lok li tieħu deċiżjonijiet;

Billi dan ir-Regolament ma jippreġudikax l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 90 tat-Trattat;

Billi l-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern, fil-laqgħa tagħhom f'Ġunju ta' l-1986, ftiehmu li s-suq intern tat-trasport bl-ajru għandu jkun komplut sa l-1992 skond azzjonijiet tal-Komunitá li jwasslu għat-tisħiħ ta' l-għaqda soċjali u ekonomika tagħha; billi d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, flimkien ma dawk tad-Direttiva tal-Kunsill 87/601/KEE ta' l-14 ta' Diċembru 1987 dwar it-tariffi għas-servizzi tat-trasport bl-ajru bejn l-Istati Membri [6] u dawk tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/602/KEE ta' l- 14 ta' Diċembru 1987 dwar il-qsim tal-kapaċità tal-passiġġieri bejn it-trasportaturi bl-ajru fuq servizzi ta' l-ajru skedati bejn Stati Membri u dwar l-aċċess għat-trasportaturi bl-ajru għar-rotot tas-servizzi ta' l-ajru skedati bejn l-Istati Membri [7], huma l-ewwel pass f'din id-direzzjoni u l-Kunsill għalhekk għandu, sabiex jilħaq l-iskop stabbilit mill-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern, jadotta miżuri ulterjuri ta' liberalizzazjoni fit-tmiem ta' perjodu inizjali ta' tliet snin,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport internazzjonali bl-ajru bejn l-ajruporti tal-Komunità.

L-Artikolu 2

1. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3975/87 u skond l-Artikolu 85(3) tat-Trattat, il-Kummissjoni tista', permess ta' regolament tiddikjara li l-Artikolu 85(1) m'għandux japplika għal kategoriji ta' akkordji bejn impriżi, deċiżjonijiet ta' assoċjazzjonijiet ta' impriżi u prattiċi miftiehma.

2. Il-Kummissjoni tista', b'mod partikolari tadotta dawn ir-Regolamenti fir-rigward ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li għandhom bħala l-għan tagħhom xi wieħed mis-segwenti:

- l-ippjanar u l-koordinazzjoni konġunti tal-kapaċità li għandha tiġi pprovduta fuq servizzi ta' l-ajru skedati, sa fejn dan jgħin sabiex jiżgura servizzi fil-ħinijiet l-anqas okkupati tal-ġurnata jew matul perjodi anqas okkupati jew fuq rotot anqas okkupati, sakemm kwalunkwe sieħeb ikun jista' jirtira mingħajr penali minn dawk il-akkordji, deċiżjoni jew prattiċi miftiehma, u ma jkunx meħtieġ jagħti aktar minn tliet xhur notifika ta' l-intenzjoni tiegħu li ma jipparteċipax fl-imsemmi ppjanar u koordinazzjoni konġunti għal staġuni fil-ġejjieni,

- il-qsim tad-dħul minn servizzi ta' l-ajru skedati, sakemm it-trasferiment ma jaqbiżx il-1 % tad-dħul li jrid jinqasam u li jkun ġie gwadanjat f'rotta partikolari mis-sieħeb li jkun qiegħed jitrasferixxi, l-ebda spejjez ma jkunu maqsuma jew aċċettati mis-sieħeb li jkun qed jittrasferixxi u t-trasferiment isir b'kumpens għat-telf li jkun ġarrab is-sieħeb li jkun qed jirċievi fl-iskedar ta' titjiriet f'ħinijiet anqas okkupati tal-ġurnata jew matul perjodi anqas okkupati.

- il-konsultazzjoni għall-preparazzjoni komuni ta' proposti fuq tariffi, prezzijiet ta' biljetti u kondizzjonijiet għall-ġarr ta' passiġġieri u bagalji fuq servizzi skedati, bil-kondizzjoni li l-kosultazzjonijiet fuq din il-kwistjoni jkunu voluntarji, li t-trasportaturi bl-ajru ma jkunux marbuta bir-riżultati tagħhom u li l-Kummissjoni u l-Istati Membri li t-trasportaturi bl-ajru tagħhom ikunu kkonċernati jipparteċipaw bħala osservaturi f'kull waħda minn dawn il-konsultazzjonijiet,

- l-allokazzjoni ta' slots f'ajruporti u l-iskedar fl-ajruporti, bil-kondizzjoni li t-trasportaturi bl-ajru konċernati jkunu ntitolati li jipparteċipaw f'arranġamenti bħal dawn, li l-proċeduri nazzjonali u multilaterali għal arranġament bħal dawn ikunu trasparenti u li dawn jikkonsidraw kull regola ta' restrizzjoni u distribuzzjoni definiti minn awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali u d-drittijiet li t-trasportaturi bl-ajru jistgħu jkunu akkwistaw storikament,

- ix-xiri, l-iżvilupp u t-tħaddim ta' sistemi ta' riservazzjoni kompjuterizzata komuni fir-rigward ta' l-iskedar tal-ħin, ir-riservazzjoni u l-qtugħ ta' biljetti minn impriżi tat-trasport bl-ajru, bil-kondizzjoni li t-trasportaturi bl-ajru ta' Stati Membri jkollhom aċċess għal sistemi bħal dawn bl-istess kondizzjonijiet, li t-trasportaturi jkollhom is-servizzi tagħhom imniżżla fuq bażi non-diskriminatorja u anke li kwalunkwe parteċipant ikun jista' jirtira mis-sistema malli tingħata notifika raġonevoli,

- servizzi fuq l-art, tekniċi u operattivi fl-ajruporti, bħall-aircraft push back, il-provvista ta' karburanti, tindif u sigurtà,

- kontroll tal-passiġġieri, il-posta, t-tagħbija u l-bagalji fl-ajruport,

- servizzi għall-provvista ta' ikel u xorb waqt it-titjira.

3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, regolamenti tal-Kummissjoni bħal dawn għandhom jiddefinixxu u jispjegaw il-kategoriji ta' akkordji, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma li japplikaw għalihom u għandhom jispeċifikaw b'mod partikolari:

(a) ir-restrizzjonijiet jew il-klawsoli li jistgħu, jew ma jistgħux, jidhru fl-akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma;

(b) il-klawsoli li għandhom jitniżżlu fil-akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma, jew kwalunkwe kondizzjonijiet oħra li għandhom ikunu ssodisfati.

L-Artikolu 3

Kull regolament adottat mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 2 għandu jiskadi fil-31 ta' Jannar 1991.

L-Artikolu 4

Ir-Regolamenti adottati skond l-Artikolu 2 għandhom jinkludu dispożizzjoni li biha huma japplikaw b'effett retroattiv għal akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li kienu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dawn ir-Regolamenti.

L-Artikolu 5

Qabel ma tadotta regolament, il-Kummissjoni għandha tippubblika abbozz ta' dan u tistieden lill-persuni u l-organizzazjonijiet kollha konċernati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom f'dak il-limitu ta' żmien raġjonevoli, li ma jkunx anqas minn xahar, li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi.

L-Artikolu 6

Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Akkordji u l-Pożizzjonijiet Dominanti fit-Trasport bl-Ajru stabbilit mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KEE) Nru 3975/87 qabel ma tippubblika abbozz ta' Regolament u qabel ma tadotta Regolament.

L-Artikolu 7

1. Meta l-persuni konċernati jkunu qegħdin jiksru kondizzjoni jew obbligazzjoni li hija marbuta ma' eżenzjoni mogħtija minn Regolament adottat skond l-Artikolu 2, il-Kummissjoni tista', sabiex twaqqaf il-ksur:

- tindirizza rakkomandazzjonijiet lill-persuni konċernati, u

- fil-każ tan-nuqqas minn dawn il-persuni li josservaw dawk ir-rakkomandazzjonijiet, u skond il-gravità tal-ksur konċernat, tadotta deċiżjoni li jew tipprojbilhom milli jwettqu, jew teħtieġ li huma jwettqu, atti speċifiċi jew, waqt li tirtira l-benefiċċju ta' l-eżenzjoni ġenerali li dawn gawdew, tagħtihom eżenzjoni individwali skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3975/87 jew tirtira l-benefiċċju ta' l-eżenzjoni ġenerali li dawn gawdew.

2. Meta l-Kummissjoni, jew fuq l-inizzjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta' Stat Membru jew ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jippretendu li għandhom interess leġittimu, ssib li f'xi każ partikolari akkordju, deċiżjoni jew prattiċi miftiehma li għalihom tapplika eżenzjoni ġenerali mogħtija minn regolament adottat skond l-Artikolu 2(2), madanakollu jkollhom effetti li huma inkompatibbli ma' l-Artikolu 85(3) jew li huma projbiti mill-Artikolu 86, din tista' tirtira l-benefiċċji ta' l-eżenzjoni ġenerali għal dawk il-akkordji, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma u tieħu, skond l-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 3975/87, il-miżuri xierqa kollha bl-iskop li ttemm dan il-ksur.

3. Qabel ma tieħu deċiżjoni taħt il-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista' tindirizza rakkomandazzjonijiet għat-temma tal-ksur lill-persuni konċernati.

L-Artikolu 8

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar ir-reviżjoni ta' dan ir-Regolament sat-30 ta' Ġunju 1990 fuq il-bażi ta' proposta tal-Kummissjoni li għandha tiġi sottomessa sa l-1 ta' Novembru 1989.

L-Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1988.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-14 ta' Diċembru 1987.

Għall-Kunsill

Il-President.

U. Ellemann-Jensen

[1] ĠU C 182, tad-9.7.1984, p. 3.

[2] ĠU C 262, ta' l-14.10.1985, p. 44; ĠU C 190, ta' l-20.7.1987, p. 182 u ĠU C 345, tal-21. 12.1987.

[3] ĠU C 303, tal-25.11.1985, p. 31 u ĠU C 333, tad-29.12.1986, p. 27.

[4] ĠU L 374, ta' l-14.12.1987, p. 1.

[5] ĠU 13, tal-21.2.1962, p. 204/62.

[6] ĠU L 374, ta' l-14.12.1987, p. 12.

[7] ĠU L 374, ta' l-14.12.1987, p. 19.

--------------------------------------------------