31987R3367



Official Journal L 321 , 11/11/1987 P. 0003 - 0005


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3367/87

tad-9 ta' Novembru 1987

dwar l-applikazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda ta' l-istatistiċi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1736/75 dwar l-istatistiċi tal-kummerċ barrani tal-Komunità u l-istatistiċi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri tagħha

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar it-tariffa u n-nomenklatura statistika dwar it-Tariffa Doganali Komuni [3] stabbiliet nomenklatura ta' prodotti magħrufa bħala "Nomenklatura Magħquda" (NM) li, inter alia, tħares il-ħtiġiet tas-sistema tal-Komunità ta' statistiċi ta' kummerċ barrani; billi n-Nomenklatura Magħquda hija applikata mill-Komunità u l-Istati Membri għal dawn l-istatistiċi;

Billi jkun irrakkomandat, b'mod partikolari minħabba raġunijiet għall-paragun, li l-istatistiċi tal-kummerċ barrani tal-Komunità u l-istatistiċi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri jinġabru bl-użu ta' l-istess nomenklatura; billi huwa għalhekk meħtieġ li l-Komunità u l-Istati Membri tagħha wkoll japplikaw in-Nomenklatura Magħquda għall-istatistiċi ta' l-aħħar;

Billi l-applikazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda kemm għall-istatistiċi tal-kummerċ barrani tal-Komunità kif ukoll għall-istatistiċi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri ġġib null ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1445/72 ta' l-24 ta'April 1972 dwar in-nomenklatura tal-prodotti għall-istatistiċi tal-kummerċ barrani tal-Komunità u l-istatistiċi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri (NIMEXE) [4]; billi l-imsemmi Regolament għandu għalhekk jitħassar;

Billi t-tħassir tar-Regolament (KEE) Nru 1445/72 irid ikun akkumpanjat mill-adattamenti ta' ċerti dispożizzjonijiet fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1736/75 ta'l-24 ta' Ġunju 1975 dwar l-istatistiċi tal-kummerċ barrani tal-Komunità u l-istatistiċi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri [5], kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KEE) Nru 3396/84 [6];

Billi jkun xieraq li l-Istati Membri jitħallew joħolqu subdiviżjonijiet ta' statistika nazzjonali;

Billi jkun xieraq li jittieħdu passi fl-istess ħin biex jitniżżlu l-obbligi ta' l-Istati Membri dwar it-taqsimiet, skond it-tariffi doganali integrati tal-Komunitajiet Ewropej (TARIC) stabbiliti taħt ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87, ta' l-istatistiċi li jwasslu lill-Kummissjoni dwar l-importi tagħhom minn pajjiżi li mhumiex membri,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. In-Nomenklatura Magħquda (NM) introdotta mir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 għandha tkun applikata mill-Komunità u l-Istati Membri għall-istatistiċi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.

2. L-Istati Membri jistgħu, taħt is-sottotitoli tan-NM, fis-sens ta' l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jintroduċu s-subdiviżjonijiet skond il-ħtiġiet ta' l-istatistika nazzjonali. Huma għandhom, b'konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2793/86 tat-22 ta' Lulju 1986 li jniżżel il-kodiċi li għandhom jintużaw fil-forom imniżżla fir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 678/85, (KEE) Nru 1900/85 u (KEE) Nru 222/77 [7], jakkumpanjaw dawn is-subdiviżjonijiet b'numri ta' kodiċi li jidentifikawhom permezz tad-disa' numru riservat għal dak l-iskop.

Artikolu 2

Ir-Regolament (KEE) Nru 1736/75 huwa hawnhekk emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 5 jinbidel b'dan li ġej:

"L-Artikolu 5

1. Fil-mezzi ta' l-informazzjoni statistikali, il-prodotti għandhom ikunu deskritti skond id-deskrizzjoni mniżżla fid-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ tal-prodotti b'tali mod li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, jistgħu jkunu kklassifikati faċilment u b'mod preċiż taħt is-sottotitolu xieraq tan-Nomenklatura Magħquda (NM) introdotta mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 [8].

2. Il-prodotti jistgħu jkunu deskritti skond il-paragrafu 1, anki meta regolamenti oħra tal-Komunità jeħtieġu li jkunu deskritti fl-istess waqt skond nomenklaturi oħra.

3. Għal kull tip ta' prodott, il-kodiċi ta' tmien numri mniżżel fin-Nomenklatura Magħquda jrid jingħata."

(2) Fl-Artikolu 7(1), "Għal kull intestatura ta' NIMEXE," tinbidel bi: "Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, għal kull sottotitolu tan-NM,".

(3) Fl-Artikolu 11(a) it-tieni inċiż, "fil-Kapitolu 99 ta' NIMEXE" jinbidel bi: "fil-Kapitolu 97 tan-Nomenklatura Magħquda".

4. L-Artikolu 34 jinbidel b'dan li ġej:

"L-Artikolu 34

Id-data riferuta fl-Artikolu 22(1) tinġabar:

(a) fil-każ ta' esporti lejn pajjiżi li mhumiex membri u ta' kummerċ bejn Stati Membri, fuq il-bażi tas-sottotitoli tan-NM fil-verżjoni kurrenti tan-Nomenklatura Magħquda, skond l-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87;

(b) fil-każ ta' l-importi minn pajjiżi li mhumiex membri, fuq il-bażi tas-sottotitoli tat-TARIC, kif definit fl-Artikolu 2 ta' l-imsemmi Regolament, bl-użu għal dan l-iskop tal-kodiċi riferuti fl-Artikolu 3(3) u (4) ta' l-imsemmi Regolament.

Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jgħoddu mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5(4) u 13 tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87."

5. L-Artikolu 36 jinbidel b'dan li ġej:

"L-Artikolu 36

Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej in-nomenklatura tal-pajjiż għall-istatistiċi tal-kummerċ barrani tal-Komunità u l-istatistiċi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri fil-verżjoni li tkun tapplika fl-1 ta' Jannar ta' kull sena, kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet li ttieħdu skond l-Artikolu 41."

6. L-Artikolu 38(1) u (2) jinbidlu b'dan li ġej:

"1. L-Istati Membri għandhom iwasslu lll-Kummissjoni mingħajr dewmien, u mhux aktar tard minn sitt ġimgħat mill-aħħar tax-xahar tar-riferenza, ir-riżultati kumulattivi tax-xahar ta' l-istatistiċi tal-kummerċ barrani tagħhom. Dawn ir-riżultati għandhom jagħtu d-data mniżżla taħt l-Artikolu 22(1), miġbura skond l-Artikolu 34.

Madankollu, ir-riżultati miġbura bl-użu tal-kodiċi riferuti fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 jistgħu jintbagħtu fi prospett separat u jitħejjew minn dipartiment nazzjonali differenti minn dak li jħejji r-riżultati bl-użu tal-kodiċi riferuti fl-Artikolu 3(3) ta' l-imsemmi Regolament.

2. Dan li ġej, għandu jkun irregolat, kif ikun hemm bżonn, skond il-proċedura riferuta fl-Artikolu 41:

- arranġament ta' twassil, inkluż — għall-prospett separat imħejji skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 – il-perjodu ta' riferenza, il-perjodiċità, l-intervall ta' twassil u, fejn ikun il-każ, il-kondizzjonijiet għat-tħejjija tagħhom għal skopijiet ta' twassil,

- il-fornitura ta' riżultati speċifiċi."

7. Fl-Artikolu 39(3)(a), "it-tabelli analitiċi bbażati fuq NIMEXE" tinbidel bi "it-tabelli analitiċi bbażati fuq in-Nomenklatura Magħquda".

8. L-Artikoli 40 u 41 jinbidlu b'dan li ġej:

"L-Artikolu 40

1. Kumitat tal-metodoloġija ta' l-istatistiċi tal-kummerċ barrani tal-Komunità u l-istatistiċi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, imsejjaħ "il-Kumitat ta' l-Istatistiċi tal-Kummerċ Barrani", minn hawn ‘il quddiem msejjaħ "il-kumitat", għandu jkun stabbilit, magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Il-kumitat għandu jħejji r-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

3. Il-kumitat għandu jeżamina kull mistoqsija dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li titqajjem mill-president tagħha, jew fuq l-inizzjattiva tiegħu jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta' Stat Membru.

Artikolu 41

1. Id-dispożizzjonijiet meħtieġa għandhom ikunu adottati skond il-proċedura mniżżla fil-paragrafi li ġejjin għal:

(a) l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament,

(b) l-aġġornament kull sena tan-nomenklatura tal-pajjiż għall-istatistiċi tal-kummerċ barrani tal-Komunità u l-istatistiċi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.

2. Il-president għandu jibgħat lill-Kumitat abbozz ta' kull miżura li għandha tittieħed. Il-kumitat għandu jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar dan l-abbozz fil-limitu taż-żmien li l-president jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha titwassal bil-maġġoranza pprovduta fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill jintalab jieħu fuq proposta mill-Kummissjoni. Meta l-votazzjoni ssir fil-kumitat, il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri għandhom ikunu peżati fil-mod stipulat fl-imsemmi Artikolu. Il-president m'għandux jivvota.

3. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri b'effett immedjat. Iżda, jekk dawn il-miżuri mhumiex skond l-opinjoni espressa mill-kumitat, il-Kummissjoni għandha tikkomunikahom mill-ewwel lill-Kunsill. Fit-tali każijiet, il-Kummissjoni għandha tipposponi l-applikazzjoni tal-miżuri li hija ddeċidiet fuqhom għal tliet xhur mid-data tal-komunikazzjoni.

4. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fil-limitu ta' żmien ipprovdut fil-paragrafu 3."

Artikolu 3

Ir-Regolament (KEE) Nru 1445/72 huwa hawnhekk imħassar.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1988.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, fl-1 ta' Novembru 1987.

F'isem il-Kunsill

Il-President

B. Haakonsen

[1] ĠU C 185, tal-15.7.1987, p. 4.

[2] Opinjoni li twasslet fis-16 ta' Ottubru 1987 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 256, tas-7.9.1987, p. 1

[4] ĠU L 161, tas-17.7.1972, p. 1.

[5] ĠU L 183, ta' l-14.7.1975, p. 3

[6] ĠU L 314, ta' l-4.12.1984, p. 10.

[7] ĠU L 263, tal-15.9.1986, p. 74.

[8] ĠU L 256, tas-7.9.1987, p. 1.

--------------------------------------------------