31987R3252



Official Journal L 314 , 04/11/1987 P. 0017 - 0019
Finnish special edition: Chapter 4 Volume 3 P. 0059
Swedish special edition: Chapter 4 Volume 3 P. 0059


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3252/87

tad-19 ta' Ottubru 1987

dwar il-kordinament u l-promozzjoni fir-riċerka fil-qasam tas-sajd

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 101/76 (2) jippreskrivi li, bl-għan li jikkordina l-politika strutturali ta' l-Istati Membri fil-qasam tas-sajd, għandhom jiġu adottati miżuri li jikkordinaw il-politika tagħhom fuq ir-riċerka u l-assistenza xjentifika u teknika f'dan is-settur skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 43 [2] tat-Trattat;

Billi żvillupi riċenti li jaffettwaw il-qasam tas-sajd, partikolarment l-estensjoni taż-żoni tas-sajd għal 200 mil, u t-twaqqif ta' sistema tal-Komunità għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-risorsi tas-sajd, intensifikaw il-ħtieġa għall-kordinament effettiv tar-riċerka bioloġika, teknoloġika u ekonomika fis-settur tas-sajd tal-Komunità, sabiex jiġi ffaċilitat l-adattament tal-flottot komunitarji għall-kondizzjonijiet ġodda tas-sajd;

Billi l-introduzzjoni ta' miżuri li jippermettu għal kordinament effettiv tar-riċerka fis-sajd fi ħdan il-Komunità jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 101/76 li għandu x'jaqsam mar-riċerka fis-sajd jiġu supplimentati, b'mod partikolari b'arranġamenti għall-iskambju sistematiku ta' informazzjoni xjentifika, ekonomika u finanzjarja fuq riċerka fis-sajd fil-Komunità u l-kordinament ta' dik ir-riċerka f'oqsma li x'aktarx jaffettwaw l-adattament ta' l-industrija tas-sajd fil-Komunità;

Billi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/516/Euratom, KEE tat-28 ta' Settembru 1987 dwar il-qafas tal-programm għall-attivitajiet komunitarji fil-qasam tar-riċerka u l-iżvillup teknoloġiku (1987 sa l-1991) [3] jipprovdi partikolarment għall-implimentazzjoni ta' programmi ta' riċerka għal iżjed produttività, kwalità aħjar, u l-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd;

Billi l-kordinament u l-promozzjoni tar-riċerka jimplika li l-Komunità għandha tappoġġa u tissuplimenta xogħol magħmul mill-Istati Membri, aktar sabiex tilħaq il-ħtiġiet u l-bżonnijiet tal-politika komuni fuq s-sajd;

Billi għandu jsir provvediment għal dan il-għan għat-twaqqif ta' programmi ta' riċerka u kordinament ta' riċerka tal-Komunità, f'oqsma ta' importanza speċjali għal kisba ta' l-objettivi tal-politika komuni fuq is-sajd;

Billi l-Kumitat Permanenti għall-Industrija tas-Sajd (SCFI) u l-Kumitat Xjentifiku u Tekniku għas-Sajd (STCF) jipprovdi l-aħjar mezzi biex tiġi assistita u jingħata parir utli lill-Kummissjoni fl-eżekuzzjoni tal-ħidmiet fdati lilha fir-rigward tal-kordinament u l-promozzjoni tar-riċerka fuq is-sajd;

Billi x-xogħol ta' dawk il-Kumitati u dak tal-Kumitat tar-Riċerka Xjentifika u Teknika (CREST) gġandu jiġi kordinat;

Billi, sabiex ir-riżultati tar-riċerka li fihom il-Komunità tipparteċipa jiġu utillizzati, għandu jiġi żgurat li dawn ir-riżultati jiġu għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati fil-Komunità;

Billi għandu jsir provvediment għal kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal programmi ta' riċerka u kordinament tar-riċerka tal-Komunità,

ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Bil-għan li jinkisbu l-objettivi tal-politika komuni fis-sajd, ir-riċerka fuq is-sajd magħmula mill-Istati Membri għandha tiġi kordinata u promossa fil-livell komunitarju b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

2. Fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jitqiesu l-linji ġenerali tal-politika xjentifika u teknoloġika stabbiliti mill-Komunità.

It-TITOLU I

Informazzjoni u konsultazzjoni

Artikolu 2

Għandha tiġi stabbilita proċedura għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3 u 4.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni kull sena bin-natura u l-iskop ta' l-attivitajiet tar-riċerka fis-sajd meħuda jew ippjanati taħt l-awtorità tagħhom jew bl-assistenza finanzjarja tagħhom.

Għandhom jimpenjaw ruħhom li jinfurmaw lill-Kummissjoni fuq l-istess kondizzjonijiet ta' xogħol ta' riċerka li qiegħed isir jew ippjanat minn korpi oħra.

2. Il-Kummissjoni għandha żżomm inventarju permanenti ta' l-attivitajiet ta' riċerka imsemmijin fil-paragrafu 1.

3. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, u b'mod partikolari il-kondizzjonijiet li fuqhom l-informazzjoni miġbura tista' issir disponibbli għall-partijiet interessati għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 47 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4128/86 [4].

Artikolu 4

1. Il-Kummissjoni għandha żżomm taħt reviżjoni permanenti x-xejriet u l-iżvillup tar-riċerka fil-Komunità. Għal dan il-għan għandha tidħol f'konsultazzjonijiet ma' l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat Permanenti għall-Industrija tas-Sajd.

2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li x-xogħol ta' dak il-Kumitat u tal-Kumitat Xjentifiku u Tekniku tas-Sajd u l-Kumitat tar-Riċerka Xjentifika u Teknika huwa kkordinat.

IT-TITOLU II

Riċerka tal-Komunità u kordinament tal-programmi tar-riċerka

Artikolu 5

Fuq proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jadotta, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 43 tat-Trattat:

(a) programmi ta' riċerka tal-Komunità f'oqsma ta' importanza speċjali għall-politika tas-sajd komuni;

(b) programmi ta' kordinament ta' riċerka tal-Komunità mmirati sabiex ir-riżorsi użati jkunu organiżżati razjonalment, ir-riżultati jiġu użati b'mod effettiv u x-xogħol jitkompla skond l-objettivi tal-politika komuni fis-sajd.

Artikolu 6

1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-programmi ta' riċerka tal-Komunità huma mwettqa billi jiġu konklużi kuntratti ta' riċerka bi spejjez maqsuma ma ċentri u instituzzjonijiet ta' riċerka.

2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-programmi ta' riċerka kkordinata tal-Komunità jitwettqu billi jiġu organizzati seminars, konferenzi, żjajjar ta' studju, skambju ta' riċerkaturi u laqgħat ta' ħidma ma’ esperti xjentifiċi u bil-kollazzjoni, l-analiżi u l-pubblikazzjoni, fejn meħtieġ, tar-riżultati.

3. Għall-għanijiet ta' l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni tista’ titlob l-għajnuna ta' esperti ta' livell għoli.

4. Id-deciżjonijiet rigward l-eżekuzzjoni tal-programmi ta' riċerka tal-Komunità msemmija fil-paragrafu 1 u l-programmi ta' riċerka kkordinata għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 47 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4028/86.

IT-TITOLU III

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 7

Il-Komunità għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għall-eħekuzzjoni tar-riċerka u tal-programmi ta' riċerka kordinata komunitarji. Il-ħtiġiet finanzjarji stmati għal dan il-għan għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 5. L-appropriazzjonijiet xierqa għal kull sena finanzjarja għandhom jiġu ffissati kull sena fl-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 8

It-tixrid tar-riżultati tar-riċerki u tal-programmi tar-riċerka kkordinata komunitarji għandu jsir b'mod konformi mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2380/74 [5].

Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jibda’ jseħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fid-19 ta' Ottubru 1987.

Għall-Kunsill

Il-President

L. Tørnæs

[1] ĠU C 255, tat-13.10.1986, p. 239.

[2] ĠU L 20, tat-28.1.1976, p. 19.

[3] ĠU L 302, ta' l-24.10.1987, p. 1.

[4] ĠU L 376, tal-31.12.1986, p. 7.

[5] ĠU L 255, ta’ l-20.9.1974, p. 1.

--------------------------------------------------