31987R1307



Official Journal L 124 , 13/05/1987 P. 0006 - 0006
Finnish special edition: Chapter 1 Volume 2 P. 0071
Swedish special edition: Chapter 1 Volume 2 P. 0071


Ir-Regolament tal-Kunsill (EURATOM, KEFA, KEE) Nru 1307/87

tal-11 ta' Mejju 1987

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEFA, KEE, Euratom) Nru 300/76 li jistabbilixxi l-kategoriji ta' uffiċjali intitolati għal allowances għal xogħol bix-xift, u r-rati u l-kondizzjonijiet tagħhom.

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Komunitajiet Ewropej kif stabbiliti fir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 [1], kif l-aħħar emendati bir-Regolament (Euratom, KEFA, KEE) Nru 793/87 [2], u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 56a tagħhom,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni wara li ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal,

Billi sabiex il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ikun imqassam sat-termini perentorji stabbiliti, il-faċilitajiet għat-trasmissjoni tal-Ġurnal għandhom ikunu disponibbli b'mod permanenti; billi, għal ġimgħa waħda kull ħames ġimgħat, il-persunal responsabbli mid-distribuzzjoni jaħdem bil-lejl, inklużi s-Sibtijiet, il-Ħdud u l-festi pubbliċi;

Billi r-Regolament (KEFA, KEE, Euratom) Nru 300/76 [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 3856/86 [4], għandu għaldaqstant jiġi estiż sabiex ikopri dan il-persunal,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KEFA, KEE, Euratom) Nru 300/76 huwa hawnhekk emendat kif ġej:

(1) It-taqsima ta' l-ewwel subparagrafu li tiġi wara l-kliem "servizz tat-telex", u qabel l-inċiżi, għandha tkun sostitwita b'dan li ġej: "jew involuti fit-trasmissjoni tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li jaħdem xogħol bix-xift fis-sens ta' l-Artikolu 56a tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jkun intitolat għal allowance ta:"

(2) L-inċiż li ġej għandu inserit wara l-ewwel inċiż:

- "Bfrs 12, 641 meta d-dipartiment jaħdem fuq bażi ta' żewġ xiftijiet, u wieħed minnhom bil-lejl, inklużi s-Sibtijiet, il-Ħdud u l-festi pubbliċi;"

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Huwa għandu japplika fl-ewwel jum tax-xahar ta' wara dak li fih jidħol fis-seħħ.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-11 ta' Mejju 1987.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Eyskens

[1] ĠU L 56, ta' l-4.3.1968, p. 1.

[2] ĠU L 79, tal-21.3.1987, p. 1.

[3] ĠU L 38, tat-13.2.1976, p. 1.

[4] ĠU L 359, tad-19.12.1986, p. 5.

--------------------------------------------------