Official Journal L 050 , 19/02/1987 P. 0013 - 0014
Finnish special edition: Chapter 4 Volume 2 P. 0176
Swedish special edition: Chapter 4 Volume 2 P. 0176
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 493/87 tat-18 ta' Frar 1987 li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġu rrimedjati xi ħsarat ikkawżati mit-twaqqif ta' ċertu sajd IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2057/82 tad-29 ta' Gunju 1982 li jistabbilixxi ċerti miżuri ta' kontroll fl-attivitajiet tas-sajd [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 4027/86 [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tiegħu, Billi huwa meħtieġ li jiġi żgurat illi l-Istati Membri jkunu konxji minn dawk il-każijiet fejn huwa pprojbit sajd fuq TAC, kwota, allokazzjoni jew sehem tal-ħażna jew grupp ta' ħażniet ikkonċernati; Billi huwa meħtieġ tagħrif dwar il-qabdiet kif ukoll għarfien ta' bdil ta' kwoti magħmulha sabiex tiġi stabbilita l-ħsara mġarrba minn xi Stat Membru; Billi dawk il-każijiet fejn il-ħsara mġarrba minn xi Stat Membru ma ġietx irrimedjata għandhom jgħaddu quddiem il-Kumitat ta' Ġestjoni tar-Riżorsi tas-Sajd; Billi l-miżuri adottati bil-għan li tiġi rrimedjata l-ħsara mġarrba għandhom jispeċifikaw l-ammont ta' ħsara mġarrba u l-ammont ta' sajd żejjed u t-tnaqqis konsegwenti u ż-żjidiet mal-kwota, allokazzjoni jew sehem; Billi l-miżuri li għalihom jipprovdi dan ir-regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni tar-Riżorsi tas-Sajd, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 1. Meta l-Kummissjoni tavża lill-Istati Membri, skond l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2057/82, bil-possibbiltà li tingħalaq għas-sajd medda ta' baħar fejn jinqabad il-ħut fi kwantitajiet kbar minħabba li jkunu qed jonqsu t-TAC, kwota, allokazzjoni jew sehem disponibbli lill-Komunità, din għandha wkoll tgħarrafhom dwar il-qabdiet l-aktar reċenti fil-pussess tagħha u dwar jekk japplikawx jew jidhru li jkunu qed japplikaw id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 10(4) ta' l-imsemmi Regolament. 2. Kemm jista' jkun malajr u f'kull każ mhux aktar tard minn 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni li jagħlaq medda ta' baħar fejn jinqabad il-ħut fi kwantitajiet kbar, l-Istati Membri kkonċernati għandhom javżaw lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ħażna jew grupp ta' ħażniet ikkonċernati, figuri għall-iżbarkar li għalihom jirreferi l-Artikolu 9 u t-tagħrif riċevut skond l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (KEE) Nru 2057/82. Il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istati Membri kollha kemm jista' jkun malajr b'dawn il-figuri u b'dan it-tagħrif, li għandu jkun meqjus definittiv għall-iskopjiet ta' dan ir-Regolament. 3. Meta l-ħsara mġarrba minn xi Stat Membru titneħħa kollha kemm hi jew parti minnha b'azzjoni skond l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 170/83 [3] ("bdil ta' kwota"), l-avviż minn qabel tal-bdil tal-kwota mogħti lill-Kummissjoni skond dak l-Artikolu għandu juri wkoll f'tunnellati metriċi l-ammont ta' ħsara mneħħija. Artikolu 2 1. F' każijiet fejn il-ħsara mġarrba minn xi Stat Membru ma titneħħiex għal kollox permezz ta' bdil ta' kwota jew b'xi azzjoni oħra, il-Kummissjoni għandha, mill-aktar fis possibbli u dejjem fi żmien 15-il ġurnata wara li tirċievi l-figuri u t-tagħrif imsemmija fl-Artikolu 1(2), tirreferi l-każ lill-Kumitat ta' Ġestjoni tar-Riżorsi tas-Sajd u tibgħat abbozz ta' miżura bil-għan li tirrimedja l-ħsara kkawżata. 2. L-abbozz tal-miżuri għandu jkun fih: (a) liema Stat Membru jkun sofra l-ħsara ("l-Istat Membru ppreġudikat") u l-ammont ta' ħsara (kif imnaqqsa b'xi bdil ta' kwoti); (b) liema Stati Membri jkunu qabżu l-kwota tagħhom ('l-Istati Membri li qabżu l-kwota') u l-ammonti ta' qbiż ta' kwota (kif imnaqqas bil-bdil ta' kwota); (ċ) it-tnaqqis li għandu jsir mill-kwoti ta' l-Istati Membri li jkunu qabżu l-kwota; (d) iż-żjidiet li għandhom isiru mal-kwota ta' l-Istati Membri ppreġudikati; (e) id-data jew dati li fihom iseħħu ż-żjidiet jew it-tnaqqis. 3. Meta jkun hemm aktar minn Stat Membru wieħed li qabeż il-kwota l-Kummissjoni għandha tieħu in konsiderazzjoni l-ammonti rispettivi ta' qbiż ta' kwota sabiex tistabbilixxi t-tnaqqis li għandu jsir. Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Gurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Magħmul fi Brussel, fit-18 ta' Frar 1987. Għall-Kummissjoni António Cardoso E Cunha Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 220, 29.7.1982, pġ. 1. [2] ĠU L 376, 31.12.1986, pġ. 4. [3] ĠU L 24, 27.1.1983, pġ. 1. --------------------------------------------------