Official Journal L 042 , 12/02/1987 P. 0048 - 0053
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 7 P. 0202
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 7 P. 0202
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-22 ta’ Dicembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (87/102/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku w Soċjali [3], Billi jezistu differenzi kbar fil-liġijiet ta’ l-Istati Membri fil-qasam tal-kreditu lill-konsumatur; Billi dawn id-differenzi fil-liġi jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn min jagħti l-kreditu fis-suq komuni; Billi dawn id-differenzi jillimitaw l-opportunitajiet li għandu l-konsumatur biex jikseb kreditu fi Stati Membri oħra; billi jaffettwaw il-volum u n-natura tal-kreditu mfittex, kif ukoll ix-xiri ta’ oġġetti u servizzi; Billi, bħala riżultat, dawn id-differenzi għandhom influwenża fuq il-moviment ħieles tal-merkanzija u tas-servizzi li jistgħu jinkisbu mill-konsumaturi bi kreditu u għalhekk jaffettwaw direttament it-tħaddim tas-suq komuni; Billi, minħabba li l-volum ta’ kreditu mogħti fil-Komunità lill-konsumaturi qed jikber, it-twaqqif ta’ suq komuni fil-kreditu tal-konusmatur jibbenefika bl-istess mod lill-konsumaturi, lil min jagħti l-kreditu, lill-manifatturi, lill-bejjiegħa bl-ingrossa u lill-bejjiegħa bl-imnut u lil min jipprovdi s-servizzi; Billi, l-programmi tal-Komunità Ekonomika Ewropea għal politika ta’ protezzjoni u iinformazzjoni għall-konsumatur [4] jiddisponi, inter alia, li l-konsumatur irid jitħares minn kundizzjonijiet ta’ kreditu mhux ġusti u li l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-kreditu lill-konsumatur trid tittieħed bħala prijorità; Billi d-differenzi fil-liġi u fil-prattika jirriżultaw fi protezzjoni tal-konsumatur fil-qasam tal-kreditu lill-konsumatur li mhix l-istess bejn Stat Membru u ieħor; Billi kien hemm ħafna tibdil f’dawn l-aħħar snin fit-tipi ta’ kreditu disponibbli lil u użati mill-konsumaturi; billi ħarġu u qed ikomplu jiżviluppaw forom ġodda ta’ kreditu lill-konsumatur; Billi l-konsumatur għandu jirċievi informazzjoni xierqa dwar il-kundizzjonijiet u l-prezz tal-kreditu u dwar l-obbligazzjonijiet tiegħu; billi din l-informazzjoni għandu jinsab fiha, inter alia, ir-rata perċentwali ta’ ħlas ta’ kull sena għall-kreditu, jew, jekk dan ma jistax isir, l-ammont totali li l-konsumatur irid iħallas għall-kreditu; billi, sakemm tittieħed deċiżjoni dwar xi metodu jew metodi tal-Komunità biex tiġi kkalkulata r-rata ta’ ħlas perċentwali ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jżommu l-metodi jew drawwiet li hemm bħal issa biex jikkalkulaw din ir-rata jew, jekk dan ma jistax isir, għandhom jistabbilixxu dispożizzjonijiet biex jindikaw in-nefqa totali tal-kreditu għall-konsumatur; Billi l-kundizzjonijiet tal-kreditu jistgħu jkunu ta’ żvantaġġ għall-konsumaturi; billi protezzjoni aħjar tal-konsumaturi tista’ tinkiseb billi jiġu adottati u mitluba xi kundizzjonijiet li għandhom japplikaw għall-forom kollha ta’ kreditu; Billi, wara li kkunsidraw il-karattru ta’ xi ftehim ta’ kreditu jew xi tipi ta’ transazzjonijiet, dawn il-ftehim jew transazzjonijiet għandhom jitħallew barra parzjalment jew għal kollox mill-qasam ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva; Billi għandu jkun possibbli li l-Istati Membri, b’konsutalzzjoni mal-Kummissjoni, jeżentaw mid-Direttiva xi forom ta’ kreditu ta’ natura mhux kummerċjali mogħtija taħt kundizzjonijiet partikolari; Billi d-drawwiet li jeżistu f’xi Stati Membri in konnessjoni ma’ xi atti awtentiċi magħmula quddiem nutar jew imħallef huma ta’ natura li tirrendi mhux meħtieġa l-applikazzjonijiet ta’ xi dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fil-każ ta’ atti ta’ din ix-xorta; billi għalhekk għandu jkun possibli li l-Istati Membri jeżentaw dawn l-atti minn dawk id-dispożizzjonijiet; Billi ftehim dwar kreditu għal somom finanzjarji kbar ħafna aktarx li jkunu differenti mill-ftehim tas-soltu ta’ kreditu lill-konsumatur; Billi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għal ftehim fuq somom żgħar ħafna jistgħu joħolqu piżijiet mhux meħtieġa kemm fuq il-konsumaturi kif ukoll fuq min ikun qed jagħti l-kreditu; billi għalhekk, il-ftehim li jkun ’il fuq jew taħt xi limiti finanzjarji speċifiċi għandhom jitħallew barra minn din id-Direttiva; Billi l-provvista ta’ informazzjoni dwar il-prezz tal-kreditu fl-irreklamar u fil-post tan-negozju tal-kreditur jew tas-sensar tal-kreditu jista’ jħaffef il-possibilta tal-konsumatur li jqabbel offerti differenti; Billi l-protezzjoni tal-konsumatur titjieb aktar jekk il-ftehim dwar il-kreditu jsiru bil-miktub u jkunu jinsabu fihom dettalji minimi dwar il-kundizzjonijiet kontrattwali; Billi, fil-każ ta’ xi kreditu mogħti għax-xiri ta’ xi oġġetti, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-kundizzjonijiet li fihom il-merkanzija jistgħu jittieħdu lura, b’mod partikulari jekk il-konsumatur ma tax il-kunsens tiegħu; billi malli jittieħdu lura l-kont ta’ bejn il-partijiet għandu jsir b’mod li jiżgura li t-teħid lura ma jġibx stagħnar mhux iġġustifikat; Billi l-konsumatur għandu jitħalla jissodisfa l-obbligazzjonijiet tiegħu qabel id-data ta’ l-għeluq; billi l-konsumatur għandu mbagħad ikun intitolat għal tnaqqis ġust fl-ispiża totali tal-kreditu; Billi l-għotja tad-drittijiet tal-kreditur li joħorġu minn ftehim ta’ kreditu m’għandhomx jitħallew idgħajfu l-pożizzjoni tal-konsumatur; Billi dawk l-Istati Membri li jippermettu lill-konsumaturi li jużaw kambjali, ċedoli jew ċekkijiet in konnessjoni ma’ ftehim ta’ kreditu għandhom jiżguraw li l-konsumatur huwa protettt b’mod xieraq meta juża mezzi bħal dawn; Billi, f’dak li għandhu x’jaqsam ma’ oġġetti u servizzi li l-konsumatur ikkuntratta biex jixtri fuq kreditu, il-konsumatur għandu, għallanqas fiċ-ċirkostanzi mfissra hawn taħt, ikollu xi drittijiet rigward min ikun qed jagħti l-kreditu li huma miżjuda mad-dirttijiet tiegħu kuntrattwali normali kontrih u kontra min ikun qed jipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi; billi ċ-ċirkostanzi msemmija aktar’ il fuq huma dawk fejn min qed jagħti l-kreditu u min qed jipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi jkollhom ftehim minn qabel li skontu l-kreditu jsir disponibbli biss minn dik il-persuna li tkun qiegħda tagħti l-kreditu lil min qed jixtri mingħand dik il-persuna li tipprovdi għall-iskop li tippermetti lill-konsumatur li jikseb il-merkanzija jew is-servizzi mingħand dan ta’ l-aħħar; Billi l-ECU huwa skond kif iddefinit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3180/78 [5], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 2626/84 [6]; billi l-Istati Membri għandhom ikunu liberi sa ċertu punt limitat li jżidu jew inaqqsu sa l-eqreb numru sħiħ fil-munita nazzjonali l-ammonti li joħorġu mill-bdil ta’ l-ammonti ta’ din id-Direttiva mniżżla f’ECU; billi l-ammonti f’din id-Direttiva għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid kull tant żmien fid-dawl tat-tendenzi ekonomiċi u monetarji fil-Komunità, u, jekk ikun meħtieġ, jiġu riveduti; Billi għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri miżuri xierqa biex jawtorizzaw lill-persuni li qed joffru l-kreditu jew li qed joffru biex jirranġaw ftehim ta’ kreditu jew biex jispezzjonaw jew jimmonitorjaw l-attiviatjiet ta’ persuni li jkunu qed jagħtu kreditu jew jirranġaw għall-kreditu jew biex jippermettu lill-konsumaturi li jilmentaw dwar ftehim fuq kreditu jew fuq kundizzjonijiet ta’ kreditu; Billi l-ftehim fuq kreditu m’għandhomx jidderogaw, għad-detriment tal-konsumatur, mid-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew li jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet tagħha; billi dawk id-dispożizzjonijiet m’għandhomx jiġu evitati bħala riżultat tal-mod kif ikunu fformulati l-ftehim; Billi, din id-Direttiva tipprovdi għal ċertu ammont ta’ approssimazzjoni fil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattiv ta’ l-Istati Membri dwar kreditu lill-konsumatur u għal ċertu livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur, l-Istati Membri m’għandhomx ma jitħallewx milli jżommu jew jadottaw miżuri aktar iebsa biex jipproteġu lill-konsumatur, b’konsiderazzjoni xierqa għall-obbligazzjonijiet tagħhom skond it-Trattat; Billi, mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1995, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill rapport dwar it-tħaddim ta’ din id-Direttiva, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 1. Din id-Direttiva tapplika għal ftehim ta’ kreditu. 2. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva: (a) "konsumatur" ifisser persuna naturali li, fi transazzjonijiet li jaqgħu taħt din id-Direttiva, qed taġixxi għal skopijiet li jistgħu jitqiesu barra mill-kummerċ jew professjoni tiegħu; (b) "kreditur" ifisser xi persuna naturali jew legali li tagħti kreditu bħala parti mill-kummerċ, negozju jew professjoni tiegħu, jew xi grupp ta’ persuni bħal dawn; (ċ) "ftehim ta’ kreditu" jfisser ftehim li bih xi kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti lil xi konsumatur xi kreditu fil-forma ta’ ħlas bin-nifs, self jew xi ftehim finanzjarju ieħor bħal dawn. Il-ftehim għall-provvista fuq bażi kontinwa ta’ xi servizz jew xi servizz importanti, meta l-konsumatur ikollu d-dritt li jħallas għalihom, sakemm iddum il-provvista tagħhom, permezz ta’ rati, m’humiex meqjusa bħala ftehim ta’ kreditu għall-iskop ta’ din id-Direttiva; (d) "prezz totali tal-kreditu għall-konsumatur" ifisser l-infiq kollu inkluż l-interessi u l-infieq ieħor konnessi direttament mal-ftehim fuq il-kreditu, stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet jew drawwiet li jeżistu fi, jew li jridu jitwaqqfu mill-Istati Membri. (e) "rata ta’ ħlas perċentawli annwali" tfisser il-prezz totali tal-kreditu għall-konsumatur imniżżel bħala persentaġġ annwali ta’ l-ammont tal-kreditu mogħti u kkalkulata skond il-metodi li jeżistu fl-Istati Membri. Artikolu 2 1. Din id-Direttiva ma tgħoddx għal: (a) ftehim dwar kreditu jew ftehim li jwegħdu li jagħtu kreditu: - li huma maħsuba prinċipalment għall-iskop li jinkisbu jew jinżammu xi drittijiet ta’ proprjetà fuq l-art jew f’xi bini eżistenti jew ippjanat, - li huma maħsuba għall-iskop li jirrinovaw jew itejbu l-bini stess; (b) ftehim ta’ kiri ħlief meta dawn jiddisponu li t-titolu fl-aħħar jgħaddi lill-kerrej; (ċ) kreditu mogħti jew disponibbli mingħajr ħlas ta’ interessi jew kull ħlas ieħor; (d) ftehim ta’ kreditu li taħthom ma jitħallsu ebda interessi sakemm il-konsumatur jaqbel li jħallas lura l-kreditu f’pagament wieħed; (e) kreditu f’forma ta’ ħlas minn quddiem fuq kont kurrenti mogħti minn xi istituzzjoni ta’ kreditu jew finanżjarja li mhumiex fuq kontijiet ta’ karta ta’ kreditu. B’danakollu, id-diposizzjonijiet ta’ l-Artkolu 6 jgħoddu għal dawn il-krediti; (f) ftehim ta’ kreditu li jinvolvu ammonti ta’ anqas minn 200 ECU jew aktar minn 20000 ECU; (g) ftehim ta’ kreditu li taħthom il-konsumatur huwa mitlub li jħallas lura l-kreditu: - jew, fi żmien ta’ mhux aktar minn tliet xhur, - jew, b’ massimu ta’ erba’ pagamenti fi żmien li ma jaqbiżx it-12-il-xahar. 2. Stat Membru jista’, b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jeżenta mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva xi tipi ta’ kreditu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin: - huma mogħtija b’rati ta’ ħlas aktar baxxi minn dawk li jkun hemm fis-suq, u - mhumiex offruti lill-pubbliku inġenerali. 3. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 u ta’ l-Artikoli 6 u 12 ma jgħoddux għal ftehim ta’ kreditu jew ftehim li jwegħdu li jingħata kreditu, assikurati b’ipoteka fuq proprjetà immobbli, sa fejn dawn ma jkunux imħollija barra minn din id-Direttiva skond il-paragrafu 1 (a) ta’ dan l-Artikolu. 4. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 6 u 12 il-ftehim ta’ kreditu fil-forma ta’ att awtentiku ffirmat quddiem nutar jew imħallef. Artikolu 3 Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE ta’ l-10 ta’ Settembru 1984 konnessa ma’ l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi [7], u r-regoli u l-prinċipji li japplikaw għar-reklamar mhux ġust, kull riklam, jew kull offerta li tintwera f’postijiet kummerċjali, li fihom xi persuna toffri kreditu jew toffri li tirranġa xi ftehim ta’ kreditu u li fihom huma indikati xi rata ta’ interessi jew xi figuri konnessi mal-prezz tal-kreditu. għandu jinkludi wkoll prospett tar-rata ta’ ħlas perċentawali ta’ kull sena, permezz ta’ eżempju rappreżentattiv jekk ebda mezz ieħor ma jkun prattikabbli. Artikolu 4 1. Il-ftethm ta’ kreditu għandhom isiru bil-miktub. Il-konsumatur għandu jirċievi kopja tal-ftehim miktub. 2. Il-ftehim miktub għandu jinkludi: (a) dikjarazzjoni tar-rata perċentwali ta’ ħlas ta’ kull sena; (b) dikjarazzjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tiġi emendata r-rata ta’ ħlas perċentwali ta’ kull sena. F’każi meta ma jkunx possibbli li tiġi ddikjarata r-rata perċentwali ta’ ħlas ta’ kull sena, il-konsumatur irid jingħata informazzjoni xierqa fil-ftehim miktub. Din l-informazzjoni għandha tinkludi għallanqas l-informazzjoni li hemm imniżżla fit-tieni taqsima ta’ l-Artikolu 6(1). 3. Barra minn dan il-ftehim miktub għandu jinkludi l-klawsoli l-oħra essenzjali tal-kuntratt. Bħala eżempju, l-Anness ta’ din id-Direttiva tinstab fih lista tal-klawsoli li l-Istati Membri jistgħu jitolbu li jiddaħħlu fil-ftehim miktub bħala essenzjali. Artikolu 5 B’deroga mill-Artikoli 3 u 4 (2), u sakemm tittieħed deċiżjoni dwar id-dħul ta’ metodu jew metodi biex tiġi kkalkulata r-rata perċentwali ta’ kull sena ta’ ħlas tal-Komunità, dawk l-Istati Membri li, fil-ħin tan-notifika ta’ din id-Direttiva, ma jitolbux li r-rata perċentwali ta’ kull sena ta’ ħlas trid tidher jew li għandhom xi metodu stabbilit biex tiġi kkalkulata, għandhom għallanqas jitolbu li n-nefqa totali tal-konsumatur għall-kreditu tiġi indikata. Artikolu 6 1. Minkejja l-esklużjoni skond l-Artikolu 2(1)(e), meta jkun hemm xi ftehim bejn xi istituzzjoni ta’ kreditu jew xi istituzzjoni finanzjaraja u xi konsumatur għall-għotja ta’ kreditu fil-forma ta’ ħlas minn quddiem, li ma jkunx fuq kontijiet ta’ karta ta’ kreditu, il-konsumatur irid jiġi infurmat waqt jew qabel ma jintgħalaq il-ftehim: - bil-limitu tal-kreditu, jekk ikun hemm, - bir-rata ta’ interessi ta’ kull sena u l-ħlasijiet li japplikaw mill-ħin li jintgħalaq il-ftehim u l-kundizzjonijiet li taħthom dawn jistgħu jiġu emendati, - bil-proċedura biex jintemm il-ftehim. Din l-informazzjoni trid tiġi kkonfermata bil-miktub. 2. Barra minn dan, waqt il-perjodu tal-ftehim, il-konsumatur għandu jiġi nfurmat b’kull tibdil fir-rata ta’ interessi ta’ kull sena jew bl-imposti rilevanti fiż-żmien li fih iseħħu. Din l-informazzjoni tista’ tingħata fid-dikjarazzjoni tal-kont jew f’xi mod ieħor li jkun aċċettabbli għall-Istati Membri. 3. Fl-Istati Membri fejn huwa permess taċitament li jittieħdu aktar flus milli jkun hemm fil-bank, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumatur jiġi infurmat bir-rata ta’ interessi ta’ kull sena u bil-ħlasijiet li japplikaw u b’kull emenda ta’ dawn, meta s-self jestendi għal aktar minn perjodu ta’ tliet xhur. Artikolu 7 Fil-każ ta’ xi kreditu mogħti għax-xiri ta’ xi oġġetti, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet biex jittieħdu lura l-merkanzija, b’mod partikulari jekk il-konsumatur ma jkunx ta l-kunsens tiegħu. Barra minn hekk iridu jiżguraw li meta l-kreditur jerġa’ jieħu lura l-merkanzija l-kont ta’ bejn il-partijiet irid isir b’mod li jiġi żgurat li t-teħid lura ma jinvolvix xi stagħnar mhux iġġustifikat. Artikolu 8 Il-konsumatur ikun intitolat li jaqdi l-obbligazzjonijiet tiegħu fil-ftehim ta’ kreditu qabel iż-żmien iffissat fil-ftehim. F’dan il-każ, in konformità mar-regoli stabbiliti mill-Istati Membri, il-konsumatur ikun intitolat għal tnaqqis ġust fin-nefqa totali tal-kreditu. Artikolu 9 Meta d-drittijiet tal-kreditur skond il-ftehim tal-kreditu jingħataw lil xi terza persuna, il-konsumatur ikun intitolat jargumenta kontra dik it-terza persuna kull difiża li kienet disponibbli għalih kontra l-kreditur oriġinali, inkluża xi ħaġa li tagħmel tajjeb fejn din hija permessa fl-Istat Membru kkonċernat. Artikolu 10 L-Istati Membri li, in konnessjoni ma’ ftehim ta’ kreditu, jippermettu lill-konsumatur: (a) li jagħmel ħlas permezz ta’ kambjali inklużi ċedoli; (b) li jagħti garanzija permezz ta’ kambjali inklużi ċedoli u ċekkijiet, għandhom jiżguraw li l-konsumatur huwa mħares b’mod xieraq meta jkun qed juża dawn l-istrumenti f’ dawk il-modi. Artikolu 11 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-eżiztenza ta’ ftehim ta’ kreditu m’għandu jaffettwa bl-ebda mod id-drittijeit tal-konsumatur kontra min jipprovdi xi oġġetti jew servizzi mixtrija permezz ta’ ftehim bħal dan f’każijiet meta l-merkanzija jew is-servizzi ma jiġux ipprovduti jew b’xi mod ieħor m’humiex konformi mal-kuntratt tal-provvista. 2. Fejn: (a) biex jixtri xi oġġetti jew jikseb xi servizzi l-konsumatur jidħol f’xi ftehim ta’ kreditu ma’ xi persuna li ma tkunx dik li tipprovdihom; u (b) min ikun qed jagħti l-kreditu u min jipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi għandhom xi ftehim minn qabel li taħtu l-kreditu huwa disponibbli biss minn dik il-persuna li qiegħda tagħti l-kreditu lil min qed jixtri mingħand dik il-persuna li qiegħda tipprovdi għax-xiri tal-merkanzija jew tas-servizzi mingħand dik il-persuna li tipprovdihom; u (ċ) l-konsumatur imsemmi fis-subparagrafu (a) jikseb il-kreditu tiegħu skond dak il-ftehim li kien jeżisti minn qabel; u (d) l-merkanzija u s-servizzi li jaqgħu taħt il-ftehim ta’ kreditu m’humiex ipprovduti, jew parti tagħhom biss hija pprovduta, jew mhumiex konformi mal-kuntratt biex jiġu pprovduti; u (e) l-konsumatur ħa r-rimedji tiegħu kontra min jipprovdi iżda ma rnexxilux jikseb is-sodisfazzjon li għandu dritt għalih, il-konsumatur ikollu d-dritt li jieħu r-rimedji kontra min jagħti l-kreditu. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sa fejn u taħt liema kundizzjonijiet dawn ir-rimedji jistgħu jiġu eżerċitati. 3. Il-paragrafu 2 ma jgħoddx meta t-transazzjoni individwali in kwistjoni tkun għal somma ta’ anqas minn dik ekwivalenti għal 200 ECU. Artikolu 12 1. L-Istati Membri għandhom: (a) jiżguraw li l-persuni li jkunu qed joffru l-kreditu jew li jkunu qed jirranġaw xi ftehim ta’ kreditu jiksbu l-awtorizzazzjoni uffiċjali biex jagħmlu dan, jew speċifikament jew bħala fornituri ta’ oġġetti u servizzi; jew (b) jiżguraw li l-persuni li jkunu qed jagħtu l-kreditur jew li jkunu qed jirranġaw biex jingħata l-kreditu jaqgħu taħt ispezzjonar jew monitoraġġ ta’ l-attivitatijiet tagħhom minn xi istituzzjoni jew korp uffiċjali; jew (ċ) jinkoraġġixxu t-twaqqif ta’ korpi xierqa biex jilqgħu lmenti dwar ftehim ta’ kreditu jew kundizzjonijiet ta’ kreditu u biex jipprovdu l-informazzjoni rilevanti jew biex jagħtu pariri lill-konsumaturi inkonnessjoni magħhom. 2. L-Istati Membri jistgħu jiddisponu li l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a) ma tkunx mitluba meta l-persuni li jkunu qed joffru biex jagħlqu jew jirranġaw xi ftehim ta’ kreditu jissodisfaw id-definizzjoni ta’ l-Artikolu 1 ta’ l-ewwel Direttiva tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 1977 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi konnessi mal-bidu u t tkomplija tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu [8] u huma awtorizzati skond id-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva. Meta l-persuni li qed jagħtu l-kreditu jew qed jirranġaw biex jingħata l-kreditu ġew awtorizzati kemm speċifikament, skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1(a) kif ukoll skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva msemmija qabel, iżda l-awtorizzazzjoni ta’ l-aħħar ġiet irtirata aktar tard, l-awtorità kompetenti responsabbli għall-ħruġ ta’ l-awtorizzazzjoni speċifika biex jingħata l-kreditu skond il-paragrafu 1(a) trid tiġi informata u trid tiddeċidi jekk il-persuni interessati jistgħux ikomplu jagħtu kreditu jew jirranġaw biex jingħata l-kreditu, jew jekk l-awtorizzazzjoni speċifika mogħtija skond il-paragarfu 1(a) għandhiex tiġi rtirata. Artikolu 13 1. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, l-ECU għandu jiġi ddefinit skond ir-Regolament (KEE) Nru 3180/78, kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2626/84. L-ekwivalenti fil-munita nazzjonali fil-bidu għandha tiġi kkalkulata bir-rata li jkun hemm fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu jżidu jew inaqqsu sa l-eqreb numru sħiħ l-ammonti fil-munita nazzjonali li jirriżultaw mill-konverzjoni ta’ l-ammonti f’ECU sakemm din iż-żieda jew tnaqqis ma jaqbżux l-10 ECU. 2. Kull ħames snin, u għall-ewwel darba fl-1995, il-Kunsill, fuq proposta mingħand il-Kummissjoni, għandu jeżamina u, jekk ikun meħtieġ, jirrivedi l-ammonti f’din id-Direttiva, fid-dawl tat-tendenzi ekonomiċi u monetarji fil-Komunità. Artikolu 14 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti ta’ kreditu ma jidderogawx, bi ħsara għall-konsumatur, mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li timplimenta jew tikkorrispondi ma’ din id-Direttiva. 2. Barra minn dan l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw biex jimplimentaw din id-direttiva ma jiġux evitati bħala riżultat tal-mod kif l-arranġamenti jiġu fformulati, b’mod partikolari bil-mezz li bih l-ammont tal-kreditu jitqassam fuq ħafna ftehim. Artikolu 15 Din id-Direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet aktar iebsa biex jipproteġu lill-konsumaturi li jkunu konsistenti ma’ l-obbligazzjonijiet tagħhom skond it-Trattat. Artikolu 16 1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1990 u għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni fil-pront. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet ewliena tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam li jaqa’ taħt din id-Direttiva. Artikolu 17 Mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1995 il-Kummissjoni trid tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar it-tħaddim ta’ din id-Direttiva. Artikolu 18 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fit-22 ta’ Diċembru 1986. Għall-Kunsill Il-President G. Shaw [1] ĠU C 80, tas-27.3.1979, p. 4 uĠU C 183, ta’ l-10.7.1984, p. 4. [2] ĠU C 242, tat-12.9.1983, p. 10. [3] ĠU C 113, tas-7.5.1980, p. 22. [4] ĠU C 92, tal-25.4.1975, p. 1 uĠU C 133, tat-3.6.1981, p. 1. [5] ĠU L 379, tat-30.12.1978, p. 1. [6] ĠU L 247, tas-16.9.1984, p. 1. [7] ĠU L 250, tad-19.9.1984, p. 17. [8] ĠU L 322, tas-17.12.1977, p. 30. -------------------------------------------------- ANNESS LISTA TAT-TERMINI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4(3) 1. Arranġamenti ta’ kreditu biex jiffinanzjaw il-provvista ta’ oġġetti u servizzi partikolari: (i) deskrizzjoni tal-merkanzija jew servizzi li jaqgħu taħt il-ftehim; (ii) il-prezz fi flus kontanti u l-prezz li jrid jitħallas skond il-ftehim ta’ kreditu; (iii) l-ammont tad-depożitu, jekk ikun hemm, in-numru u l-ammont ta’ rati u d-dati meta jagħlqu, jew il-metodu biex jiġi aċċertat xi wieħed minn dawn jekk ma jkunx magħruf fil-ħin li jingħaqad il-ftehim; (iv) indikazzjoni li l-konsumatur ikun intitolat, kif hemm ipprovdut fl-Artikolu 8, għal tnaqqis jekk iħallas kmieni; (v) ta’ min tkun il-merkanzija (jekk id-dritt tal-proprjetà ma jgħaddix mill-ewwel għand il-konsumaur) u l-kundizzjonijiet li bihom il-konsumatur isir il-proprjetarju tagħhom; (vi) deskrizzjoni ta’ l-assigurazzjoni mitluba, jekk ikun hemm; (vii) iż-żmien ta’ tregwa, jekk ikun hemm; (viii) indikazzjoni ta’ l-assigurazzjoni (jiet) mitluba, jekk ikun hemm, u, meta l-għażla ta’ min jassigura mhix imħollija lill-konsumatur, indikazzjoni ta’ kemm dina tqum. 2. Ftehim ta’ kreditu mħaddma b’karti ta’ kreditu: (i) l-ammont tal-limitu tal-kreditu, jekk ikun hemm; (ii) il-kundizzjonijiet biex jitħallas lura jew il-mezzi biex jiġu stabbiliti; (iii) iż-żmien ta’ tregwa, jekk ikun hemm. 3. Ftehim ta’ kreditu mħaddma b’kontijiet kontinwi li mhumiex koperti minn din id-Direttiva b’xi mod ieħor: (i) l-ammont tal-limitu tal-kreditu, jekk ikun hemm, jew il-metodu biex jiġi stabbilit; (ii) il-kundizzjonijiet biex jintuża jew jitħallas lura; (iii) iż-żmien ta’ tregwa, jekk ikun hemm. 4. Ftehim ieħor ta’ krediditu li jaqgħu taħt din id-Direttiva: (i) l-ammont tal-limitu tal-kreditu, jekk ikun hemm; (ii) indikazzjoni tas-sigurtà mitluba, jekk ikun hemm; (iii) il-kundizzjonijiet biex jitħallas lura; (iv) iż-żmien ta’ tregwa, jekk ikun hemm; (v) indikazzjoni li l-konsumaur ikollu d-dritt, skond kif ipprovdut fl-Artikolu 8, għal tnaqqis jekk iħallas kmieni. --------------------------------------------------