31987L0054

Id-Direttiva tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1986 dwar il-protezzjoni legali ta' topografiji ta' prodotti semikundutturi

Official Journal L 024 , 27/01/1987 P. 0036 - 0040
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 16 P. 0095
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 16 P. 0095
CS.ES Chapter 13 Volume 008 P. 231 - 235
ET.ES Chapter 13 Volume 008 P. 231 - 235
HU.ES Chapter 13 Volume 008 P. 231 - 235
LT.ES Chapter 13 Volume 008 P. 231 - 235
LV.ES Chapter 13 Volume 008 P. 231 - 235
MT.ES Chapter 13 Volume 008 P. 231 - 235
PL.ES Chapter 13 Volume 008 P. 231 - 235
SK.ES Chapter 13 Volume 008 P. 231 - 235
SL.ES Chapter 13 Volume 008 P. 231 - 235


Id-Direttiva tal-Kunsill

tas-16 ta' Diċembru 1986

dwar il-protezzjoni legali ta' topografiji ta' prodotti semikundutturi

(87/54/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi prodotti semikundutturi għandhom rwol aktar u aktar importanti f'medda vasta ta' industriji u t-teknoloġija semikunduttura tista' għalhekk tkun kunsidrata ta' importanza fundamentali għall-iżvilupp industrijali tal-Komunità;

Billi l-funzjonijiet ta' prodotti semikundutturi jiddependu fil-biċċa l-kbira mit-topografiji ta' prodotti bħal dawn u billi l-iżvilupp ta' topografiji bħal dawn jirrikjedi l-investiment ta' riżorsi konsiderevoli, umani, tekniċi u finanzjarji, filwaqt li topografiji ta' prodotti bħal dawn jistgħu jkunu kkuppjati bi frazzjoni tal-kost meħtieġ biex ikunu żviluppati indipendentement;

Billi topografiji ta' prodotti semikundutturi huma preżentement mhux protetti b'mod ċar fl-Istati Membri kollha minn leġislazzjoni eżistenti u protezzjoni bħal din, fejn teżisti, għandha attribwiti differenti;

Billi ċerti differenzi eżistenti fil-protezzjoni legali ta' prodotti semikundutturi offruti mil-liġijiet ta' l-Istati Membri għandhom ċerti effetti diretti u negattivi fuq il-funzjonament tas-suq komuni rigward prodotti semikundutturi u differenzi bħal dawn jistgħu tassew jikbru hekk kif Stati Membri jintroduċu leġislazzjoni ġdida fuq dan is-suġġett;

Billi differenzi eżistenti li għandhom effetti bħal dawn għandhom jitneħħew u dawk ġodda li għandhom effett negattiv fuq is-suq komuni jinżammu milli jfeġġu;

Billi, b'rabta ma' l-estensjoni ta' protezzjoni lil persuni barra mill-Komunità, l-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jaġixxu f'isimhom sa kemm deċiżjonijiet tal-Komunità ma jkunux ittieħdu f'perjodu limitat ta' żmien;

Billi l-kwadru legali tal-Komunità dwar il-protezzjoni ta' topografiji ta' prodotti semikundutturi jista', fl-ewwel istanza, ikun limitat għal ċerti prinċipji bażiċi minn dispożizzjonijiet li jispeċifikaw min u xhiex għandu jkun protett, id-drittijiet esklussivi li fuqhom għandhom ikunu jistgħu jserrħu persuni protetti biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu ċerti atti, eċċezzjonijiet għal dawn id-drittijiet u għal kemm żmien il-protezzjoni għandha ddum;

Billi affarijiet oħrajn jistgħu għalissa jkunu deċiżi bi qbil mal-liġi nazzjonali, b'mod partikolari, jekk reġistrazzjoni jew depożitu hux meħtieġ bħala kondizzjoni għal protezzjoni u, soġġett għal esklużjoni ta' liċenzji mogħtija għall-unika raġuni li ċertu perjodu ta' żmien inqabeż, jekk u fuq liema kondizzjonijiet liċenzi mhux volontarji jistgħu jingħataw rigward ta' topografiji protetti;

Billi protezzjoni ta' topografiji ta' prodotti semikundutturi bi qbil ma' din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' ċerti forom oħra ta' protezzjoni;

Billi miżuri oħra dwar il-protezzjoni legali ta' topografiji ta' prodotti semikundutturi fil-Komunità jistgħu jkunu kkunsidrati aktar tard, jekk meħtieġ, waqt li l-applikazzjoni ta' prinċipji bażiċi komuni mill-Istati Membri kollha bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva hija ta' neċessità urġenti,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU 1

Definizzjonijiet

Artikolu 1

1. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

(a) "prodott semikunduttur" ifisser il-forma finali jew intermedjarja ta' kull prodott:

(i) li jikkonsisti minn korp ta' materjal li jinkludi saff ta' materjal semikunduttur; u

(ii) li jkollu wieħed jew aktar saffi komposti minn materjal li jikkonduċi, isolanti jew li hu semikunduttur, bis-saffi jkunu rranġati bi qbil ma' mudell tri-demensjonarju deċiż minn qabel; u

(iii) intiż li jwettaq, esklussivament jew flimkien ma' funzjonijiet oħra, funzjoni elettronika;

(b) it-‘topografija' ta' prodott semikunduttur tfisser sensiela ta' immaġini relatati, iffissati jew kodifikati f'kull mod;

(i) li jirrappreżenta il-mudell tridimensjonali tas-saffi li minnhom hu magħmul prodott semikunduttur; u

(ii) f'liema sensiela, kull immaġini tirriproduċi il-wiċċ kollu jew part minnu tal-prodott semikonduttur fi kwalunkwe stadju tal-manifattura tiegħu;

(ċ) "sfruttament kummerċjali" tfisser il-bejgħ, kiri jew leasing jew kull metodu ieħor ta' distribuzzjoni kummerċjali, jew offerta għal dawn il-finijiet. Iżda, għall-finijiet ta' Artikoli 3(4), 4(1), 7(1), (3) u (4) "sfruttament kummerċjali" ma tinkludix sfruttament taħt kondizzjonijiet ta' kunfidenzjalità sal-punt li ebda distribuzzjoni oħra lil terzi persuni ma sseħħ, ħlief fejn sfruttament ta' topografijja jseħħ taħt kondizzjonijiet ta' kunfidenzjalità rikjesta minn miżura meħuda f'konformità ma' Artikolu 223(1)(b) tat-Trattat.

2. Il-Kunsill waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jemenda l-paragrafu 1 (a) (ii) u (ii) biex jadatta dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl ta' progress tekniku.

IL-KAPITOLU 2

Protezzjoni ta' topografiji ta' prodotti semikundutturi

Artikolu 2

1. L-Stati Membri għandhom jipproteġu t-topografiji ta' prodotti semikundutturi billi jadottaw dispożizzjonijiet leġislattivi li jagħtu drittijiet esklussivi bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

2. It-topografija ta' prodott semikunduttur għandha tkun protetta sakemm tissodisfa l-kondizzjonijiet li hi r-riżultat ta' l-isforz intellettwali tal-kreatur tagħha u mhix komuni fl-industrija tas-semikundutturi. Fejn it-topografija ta' prodott seminkunduttur tikkonsisti f'elementi li huma komuni fl-industrija tas-semikundutturi, hi għandha tkun protetta biss sal-punt li l-kombinazzjoni ta' elementi bħal dawn, meħuda globalment, jissodisfaw il-kondizzjonijiet hawn fuq imsemmija.

Artikolu 3

1. Bla ħsara għall-paragrafi 2 u 5, id-dritt għal protezzjoni għandu japplika favur persuni li jkunu dawk li ħolqu t-topografiji ta' prodotti semikundutturi.

2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li,

(a) fejn topografija hi maħluqa fil-kors ta' l-impieg ta' min joħloqha, id-dritt għal protezzjoni għandu japplika favur min iħaddem dak li jikkrea sakemm il-kondizzjonijiet ta' l-impieg ma jipprovdux il-kuntrarju;

(b) fejn topografija hi maħluqa taħt kuntratt għajr kuntratt ta' l-impjieg, id-dritt għal protezzjoni japplika favur parti għall-kuntratt minn min it-topografija tkun ġiet ikkummissjonata, sakemm il-kuntratt ma jipprovdix il-kuntrarju.

3. (a) Fir-rigward tal-persuni li għalihom jirreferi l-paragrafu 1, id-dritt għal protezzjoni għandu japplika favur persuni naturali li huma ċittadini ta' Stat Membru jew li jkollhom ir-residenza abbitwali fit-territorju ta' Stat Membru.

(b) Fejn Stat Membru jagħmel dispożizzjoni bi qbil mal-paragrafu 2, id-dritt għal protezzjoni japplika favur ta':

(i) persuni naturali li huma ċittadini ta' Stat Membru jew li jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju ta' Stat Membru;

(ii) kumpaniji jew persuni legali oħra li għandhom stabbiliment industrijali jew kummerċjali reali u effettiv fit-territorju ta' Stat Membru.

4. Fejn ma jeżisti ebda dritt għal protezzjoni bi qbil ma' dispożizzjonijiet oħra ta' dan l-Artikolu, id-dritt għal protezzjoni għandu japplika wkoll favur tal-persuni li għalihom jirreferi l-paragrafu 3 (b) (i) u (ii) li:

(a) jkunu sfruttaw kummerċjalment għall-ewwel darba fi Stati Membru topografija li ma tkunx għadha ġiet sfruttata xi mkien fid-dinja; u-

(b) li kienu esklussivament awtorizzati biex kummerċjalment jisfruttaw it-topografija mal-Komunità mill-persuna intitolata li tiddisponi minnha.

5. Id-dritt għal protezzjoni għandu japplika wkoll favur is-suċċessuri fit-titolu tal-persuni msemmija fil-paragrafi 1 sa 4.

6. Bla ħsara għall-paragrafu 7, Stati Membri jistgħu jinnegozjaw u jikkonkludu ftehim jew understandings ma' Stati terzi u Konvenzjonijiet multilaterali dwar il-protezzjoni legali ta' topografiji ta' prodotti semikundutturi filwaqt li jirrispettaw il-liġi tal-Komunità u b'mod partikolari r-regoli stabbiliti f'din id-Direttiva.

7. L-Istati Membri jistgħu jidħlu f'negozjati ma' Stati terzi bil-ħsieb li jestendu d-dritt għal protezzjoni lil persuni li ma jibbenefikawx mid-dritt għal protezzjoni skond id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Stati Membri li jidħlu f'negozjati bħal dawn għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni ta' dan.

Meta Stat Membru jixtieq li jestendi l-protezzjoni lil persuni li inkella ma jibbenefikawx mid-dritt għal protezzjoni skond id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jew li jikkonkludi ftehim jew understanding dwar l-estensjoni ta' protezzjoni ma' Stat mhux Membru huwa għandu jinnotifika lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra b'dan.

L-Istat Membru għandu jżomm sospiża l-estensjoni ta' protezzjoni jew il-konklużjoni tal-ftehim jew understanding għal xahar wieħed mid-data li fiha huwa jinnotifika lill-Kummissjoni. Iżda, jekk f'dak il-perjodu l-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru konċernat dwar l-intenzjoni tagħha li tissottometti proposta lill-Kunsill biex l-Istati Membri kollha jestendu protezzjoni fir-rigward tal-persuni jew ta' l-Istat mhux Membru kkonċernati, l-Istat Membru għandu jżomm sospiża l-estensjoni ta' protezzjoni jew il-konklużjoni tal-ftehim jew understanding għal perjodu ta' xahrejn mid-data tan-notifika mill-Istat Membru.

Fejn, qabel it-tmien ta' dan il-perjodu ta' xahrejn, il-Kummissjoni tissottometti proposta bħal din lill-Kunsill, l-Istat Membru għandu jżomm sospiża l-estensjoni ta' protezzjoni jew il-konklużjoni tal-ftehim jew understanding għal perjodu ieħor ta' erba' xhur mid-data li fiha tkun ġiet sottomessa l-proposta.

Fl-assenza ta' notifika mill-Kummissjoni jew proposta jew deċiżjoni tal-Kunsill fil-limiti taż-żmien stipulati hawn fuq, l-Istat Membru jista' jestendi protezzjoni jew jikkonkludi l-ftehim jew understanding.

Proposta mill-Kummissjoni biex testendi protezzjoni, kemm jekk hi magħmulha wara notifika minn Stat Membru jew le bi qbil mal-paragrafi preċedenti għandha tkun adottata mill-Kunsill waqt li jaġixxi b'maġġoranzza kwalifikata.

Deċiżjoni tal-Kunsill fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni ma għandhiex iżżomm Stat Membru milli jestendi protezzjoni lil persuni, flimkien ma' dawk li jibbenefikaw minn protezzjoni fl-Istati Membri kollha, li kienu inklużi fl-estenzjoni, ftehim jew understanding previsti kif innotifikat sakemm il-Kunsill b' maġġoranza kwalifikata ma jkunx iddeċieda mod ieħor.

8. Proposti tal-Kummissjoni u deċiżjonijiet tal-Kunsill skond il-paragrafu 7 għandhom ikunu ppubblikati għall-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 4

1. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-drittijiet esklussivi mogħtija f'konformità ma' l-Artikolu 2 ma għandhomx jibdew jeżistu jew ma għandhomx jibqgħu jgħoddu aktar għat-topografija ta' prodott semikunduttur jekk ma tintbagħatx applikazzjoni għal reġistrazzjoni kif suppost lil awtorità pubblika fi żmien sentejn mill-ewwel sfruttament kummerċjali tagħha. Stati Membri jistgħu jitolbu flimkien ma' reġistrazzjoni bħal din li materjal li jidentifika jew jagħti eżempju tat-topografija jew kull kombinazzjoni tagħha jkun ġie depożitat għand awtorità pubblika, kif ukoll dikjarazzjoni dwar id-data ta' l-ewwel sfruttament kummerċjali tat-topografija fejn isir qabel id-data ta' l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li materjal depożitat f'konformità mal-paragrafu 1 ma jkunx disponibbli għall-pubbliku fejn dan ikun sigriet kummerċjali. Din id-dispożizzjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-iżvelar ta' materjal bħal dan skond ordni ta' qorti jew awtorità oħra kompetenti lil persuni involuti f'litigazzjoni li tikkonċerna l-validità jew ksur tad-drittijiet esklussivi li għalihom jirreferi Artikolu 2.

3. L-Istati Membri jistgħu jitolbu li trasferimenti ta' drittijiet f'topografiji protetti jkunu reġistrati.

4. L-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw reġistrazzjoni u depożitu bi qbil mal-paragrafi 1 u 3 għall-pagament ta' ħlas li ma jaqbiżx l-ispejjeż amministrattivi tagħhom.

5. Ma għandhomx ikunu aċċettati kondizzjonijiet li jippreskrivu t-twettiq ta' formalitajiet addizzjonali biex tinkiseb jew tinżamm protezzjoni.

6. L-Istati Membri li jirrikjedu reġistrazzjoni għandhom jipprovdu għal rimedji legali favur persuna li jkollha d-dritt għal protezzjoni bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u li tkun tista' tipprova li persuna oħra applikat għal jew kisbet ir-reġistrazzjoni ta' topografija mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha.

Artikolu 5

1. Id-drittijiet esklussivi li għalihom jirreferi Artikolu 2 għandhom jinkludu d-drittijiet biex ikun awtorizzat jew ipprojbit xi wieħed mill-atti li ġejjin:

(a) riproduzzjoni ta' topografija sakemm din hi protetta taħt l-Artikolu 2(2);

(b) sfruttament kummerċjali jew l-importazzjoni għal dak l-iskop ta' topografija jew ta' prodott semikunduttur immanifatturat bl-użu tat-topografija.

2. Minkejja l-paragrafu 1, Stat Membru jista' jippermetti r-riproduzzjoni ta' topografija privatament fuq bażi mhux kummerċjali.

3. Id-drittijiet esklussivi msemmija fil-paragrafu 1(a) ma għandhomx japplikaw għal riproduzzjoni għall-fini ta' analiżi, valutazzjoni jew tagħlim tal-kunċetti, proċessi, sistemi jew teknika inkorporati fit-topografija jew it-topografija nnifisha.

4. Id-drittijiet esklussivi li għalihom jirreferi l-paragrafu 1 ma jestendux għal kull att bħal dan f'rabta ma' topografija li taderixxi mar-rekwiżiti ta' Artikolu 2(2) u maħluqa fuq il-bażi ta' analiżi u valutazzjoni ta' topografija oħra, imwettqa b'konformità mal-paragrafu 3.

5. Id-drittijiet esklussivi biex ikunu awtorizzati jew ipprojbiti l-atti speċifikati fil-paragrafu 1(b) ma għandhomx japplikaw għal ebda att bħal dan kommess wara li t-topografija jew il-prodott semikunduttur ikun tqiegħed fis-suq fi Stat Membru mill-persuna intitolata li tawtorizza l-marketing tiegħu jew bil-kunsens tagħha.

6. Persuna li, meta takkwista prodott semikunduttur, ma tkunx taf, jew ma jkollha ebda raġuni raġonevoli li temmen, li l-prodott hu protett minn dritt esklussiv mogħti minn Stat Membru f'konformità ma' din id-Direttiva ma għandhiex tinżamm milli tisfrutta dak il-prodott kummerċjalment.

Iżda, għal atti kommessi wara li dik il-persuna tkun taf, jew għandha raġunijiet raġonevoli biex temmen, li l-prodott semikunduttur hu protett hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fuq talba tad-detentur tad-dritt tribunal jista' jitlob, bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta' liġi nazzjonali applikabbli, il-pagament ta' remunerazzjoni adegwata.

7. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 6 għnadhom japplikaw għas-suċċessuri fit-titolu tal-persuna li għaliha tirreferi l-ewwel sentenza ta' dak il-paragrafu.

Artikolu 6

Stati Membri ma għandhomx jissuġġettaw id-drittijiet esklussivi li għalihom jirreferi Artikolu 2 għal liċenzji mogħtija, għall-unika raġuni li ċertu perjodu ta' żmien ikun għadda, awtomatikament, u bl-operazzjoni tal-liġi.

Artikolu 7

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li d-drittijiet esklussivi li għalihom jirreferi Artikolu 2 għandhom jidħlu fis-seħħ:

(a) fejn ir-reġistrazzjoni hi l-kondizzjoni għad-dħul fis-seħħ tad-drittijiet esklussivi bi qbil ma' Artikolu 4, fid-data li tiġi l-ewwel minn dawn li ġejjin:

(i) id-data meta t-topografija tkun sfruttata kummerċjalment għall-ewwel darba xi mkien fid-dinja;

(ii) id-data meta applikazzjoni jew reġistrazzjoni tkun saret kif suppost; jew

(b) meta t-topografija tkun sfruttata kummerċjalment għall-ewwel darba xi mkien fid-dinja; jew

(ċ) meta t-topografija tkun iffissata jew kodifikata għall-ewwel darba.

2. Fejn id-drittijiet esklussivi jidħlu fis-seħħ bi qbil mal-paragrafu 1 (a) jew (b), l-Istati Membri jipprovdu, għall-perjodu qabel ma jidħlu fis-seħħ dawk id-drittijiet, rimedji legali favur persuna li jkollha d-dritt għal protezzjoni bi qbil mad-dispożizzjoni ta' din id-Direttiva u li tista' tipprova li persuna oħra irriproduċiet bi frodi jew sfruttat kummerċjalment jew impurtat għal dak l-iskop topografija. Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal rimedji legali disponibbli biex jinfurzaw id-drittijiet esklussivi mogħtija f'konformità ma' Artikolu 2.

3. Id-drittijiet esklussivi għandhom jintemmu 10 snin mit-tmiem tas-sena kalendarja li fiha t-topografija tkun sfruttata kummerċjalment għall-ewwel darba xi mkien fid-dinja jew, fejn ir-reġistrazzjoni hi kondizzjoni għad-dħul fis-seħħ jew biex titkompla l-applikazzjoni tad-drittijiet esklussivi, 10 snin mid-data li tiġi l-ewwel minn dawn li ġejjin:

(a) it-tmien tas-sena kalendarja li fiha t-topografija tkun sfruttata kummerċjalment għall-ewwel darba x'imkien fid-dinja;

(b) it-tmien tas-sena kalendarja li fiha tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kif suppost.

4. Fejn topografija tkun għadha ma ġietx sfruttata kummerċjalment xi mkien fid-dinja f'perjodu ta' 15-il sena minn meta kienet iffissata jew kodifikata għall-ewwel darba, kull dritt esklussiv li jkun jeżisti skond il-paragrafu 1 għandu jiġi fi tmiemu u ebda drittijiet esklussivi ġodda ma għandhom jidħlu fis-seħħ sakemm ma ssirx applikazzjoni għal reġistrazzjoni kif suppost f'dak il-perjodu f'dawk l-Istati Membri fejn ir-reġistrazzjoni hi kondizzjoni għad-dħul fis-seħħ jew il-kontinwità ta' l-applikazzjoni tad-drittijiet esklussivi.

Artikolu 8

Il-protezzjoni mogħtija lit-topografiji ta' prodotti semikundutturi bi qbil ma' Artikolu 2 ma għandhiex testendix għal kull kunċett, proċess, sistema, teknika jew informazzjoni kodifikata inkorporata fit-topografija barra mit-topografija nnifisha.

Artikolu 9

Fejn il-leġislazzjoni ta' Stati Membri tipprovdi li prodotti semikundutturi manifatturati bl-użu ta' topografiji protetti jista' jkollhom fuqhom indikazzjoni, l-indikazzjoni li għandha tkun użata għandha tkun T kapitali kif ġej: T, "T", [T],

+++++ TIFF +++++

jew

+++++ TIFF +++++

.

IL-KAPITOLU 3

Applikazzjoni kontinwata ta' dispożizzjonijiet oħra legali

Artikolu 10

1. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet legali dwar drittijiet ta' brevett u ta' mudelli ta' utilità.

2. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju:

(a) għal drittijiet mogħtija mill-Istati Membri fi twettiq ta' l-obbligi tagħhom taħt ftehim internazzjonali, kif ukoll dispożizzjonijiet li jestendu drittijiet bħal dawn lil ċittadini jew residenti fit-territorju ta' l-Istat Membru konċernat.

(b) għal-liġi tal-copyright fi Stati Membri, li jirrestrinġi r-riproduzzjoni ta' disinni jew ta' rappreżentazzjonijiet artistiċi oħra ta' topografiji billi jkunu kkupjati f'żewġ dimensjonijiet.

3. Protezzjoni mogħtija minn liġi nazzjonali lil topografiji ta' prodotti semikundutturi iffissati jew kodifikati qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jippromulgaw din id-Direttiva, imma mhux aktar tard mid-data stabbilita f'Artikolu 11(1), ma għandhiex tkun affettwata mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

IL-KAPITOLU 4

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 11

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sas-7 ta' Novembru 1987.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li huma jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 12

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, is-16 ta' Diċembru, 1986.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Howe

[1] ĠU C 360, tal-31.12.1985, p. 14.

[2] ĠU C 255, tat-13.10.1986, p. 249.

[3] ĠU C 189, tat-28.7.1986, p. 5.

--------------------------------------------------