31986R4055



Official Journal L 378 , 31/12/1986 P. 0001 - 0003
Finnish special edition: Chapter 7 Volume 3 P. 0145
Swedish special edition: Chapter 7 Volume 3 P. 0145


Ir-Regolament Tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86

tat-22 ta’ Diċembru 1986

li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 84(2),

Wara li kkunsidra l-abbozz tar-regolament sottomess mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi t-tneħħija, bejn l-Istati Membri, ta’ l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ servizzi hija stabbilita fl-Artikolu 3 tat-Trattat bħala waħda mill-attivitajiet tal-Komunità;

Billi skond l-Artikolu 61 tat-Trattat il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport marittimu għandha tiġi rregolata mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu li jirrigwarda t-trasport;

Billi l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju fi ħdan il-Komunità hija wkoll kondizzjoni neċessarja sabiex tiġi segwita b’mod effettiv, fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, strateġija li timmira li tħares l-applikazzjoni tal-prinċipji kummerċjali fin-navigazzjoni;

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 954/79 [3] jippreserva, inter alia, fi ħdan konferenzi, aċċess kompetittiv għal dik il-parti tan-navigazzjoni b’vapuri tal-merkanzija fuq rotot regolari li mhux koperti bl-impenji mil-linji ta’ vapuri nazzjonali ta’ pajjiżi terzi taħt il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar Kodiċi ta’ Kondotta għall-Konferenzi ta’ Vapuri fuq Rotot Regolari, meta rratifikata mill-Istati Membri;

Billi, meta wieħed iqis il-fatt li l-Kodiċi ta’ Kondotta għadu ma ġiex irratifikat mill-Istati Membri kollha u li ċerti pajjiżi terzi x’aktarx mhumiex sejrin jirratifikawh, il-Kodiċi għadu mhux applikat fil-kummerċ kollu tal-Komunità u l-anqas ma hu probabbli li din tkun tapplika fil-futur f’xi wħud minn dawn in-negozji;

Billi l-kodiċi ta’ kondotta japplika biss għal konferenzi tal-vapuri fuq rotot regolari u tal-merkanzija li jinġarru mill-membri tagħhom, u mhux għal-linji indipendenti jew kumpaniji marittimi li joperaw fil-qasam ta’ navigazzjoni bil-massa jew tbaħħir mingħajr korsa regolari, meta l-Komunità timmira lejn iż-żamma ta’ sistema ta’ kompetizzjoni ġusta u ħielsa;

Billi l-Komunità tappoġġa bis-sħiħ ir-Resoluzzjoni Nru 2 adottata mill-Konferenza tal-Ġnus Magħquda tal-Plenipotenzjari dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta għal Konferenzi ta’ Vapuri fuq rotot regolari, u li tistqarr li fl-interess ta’ l-iżvilupp sod tas-servizzi tan-navigazzjoni minn vapuri fuq rotot regolari, vapuri ta’ rotot regolari li mhux tal-konferenza m’għandhomx jiġu miżmuma milli joperaw sakemm iżommu mal-prinċipju ta’ kompetizzjoni ġusta fuq bażi kummerċjali;

Billi l-Istati Membri jaffermaw l-impenn tagħhom għal ambjent ta’ kompetizzjoni ħielsa li għandu jkun fattur essenzjali fin-negozju tal-massa kemm xotta kif ukoll likwida, u huma konvinti li l-introduzzjoni ta’ tqassim tal-merkanzija f’dawn in-negozji jista’ jkollu effett serju fuq l-interessi kummerċjali tal-pajjiżi kollha billi jżid sostanzjalment l-ispejjeż tat-trasportazzjoni;

Billi s-sidien ta’ vapuri fil-Komunità qegħdin dejjem jiġu iffaċċjati b’restrizzjonijiet ġodda, imposti minn pajjiżi terzi, dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu għal navigaturi stabbiliti f’pajjiżhom stess, fi Stati Membri oħrajn jew fil-pajjiżi terzi kkonċernati, li jista’ jkollu effetti negattivi fuq negozji fil-Komunità b’mod ġenerali;

Billi ftit mir-restrizzjonijiet hawn fuq imsemmija huma inkorporati fi ftehim bilaterali bejn pajjiżi terzi u xi Stati Membri, waqt li restrizzjonijiet oħrajn huma riflessi f’dispożizzjonijiet simili fil-leġislazzjoni jew fid-drawwiet amministrattivi ta’ xi Stati Membri;

Billi għalhekk il-prinċipju tal-libertà biex wieħed jipprovdi servizzi għandu issa jiġi applikat għat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati membri u pajjiżi terzi sabiex restrizzjonijiet eżistenti jitneħħew progressivament u sabiex tiġi pprevenuta l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda;

Billi l-istruttura ta’ l-industrija tan-navigazzjoni tal-Komunità hija tali hekk li huwa xieraq li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu applikabbli għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri stabbiliti barra mill-Komunità u għall-kumpaniji marittimi stabbiliti barra l-Komunità u kkontrollati minn ċittadini ta’ Stat Membru, jekk il-vapuri tagħhom ikunu rreġistrati f’dak l-Istat Membru skond il-leġislazzjoni tiegħu;

Billi għandu jkun hemm perijodi raġonevoli ta’ transizzjoni skond il-karattru tat-tip ta’ trasport konċernat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1. Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandha tapplika fir-rigward ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri li huma stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak tal-persuna għal min is-servizzi huma intiżi.

2. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu applikabbli wkoll għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri stabbiliti barra mill-Komunità u għall-kumpaniji marittimi stabbiliti barra mill-Komunità u kkontrollati minn ċittadini ta’ Stat Membru, jekk il-vapuri tagħhom ikunu rreġistrati f’dak l-Istat Membru skond il-leġislazzjoni tiegħu.

3. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 55 sa 58 u 62 tat-Trattat għandhom japplikaw għall-materji koperti b’dan ir-Regolament.

4. Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament, dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala "servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi" meta dawn normalment isiru għal skopijiet ta’ rimunerazzjoni:

(a) servizzi ta’ tbaħħir intra-Komunitarji:

it-trasport ta’ passiġġieri jew merkanzija bil-baħar bejn kwalunkwe port ta’ Stat Membru u kwalunkwe port jew l-istallazzjoni lil hinn mill-kosta ta’ Stat Membru ieħor;

(b) traffiku lejn pajjiżi terzi:

it-trasport ta’ passiġġieri jew merkanzija bil-baħar bejn il-portijiet ta’ Stat Membru u l-portijiet jew l-istallazzjonijiet lil hinn mill-kosta ta’ Stat Membru ieħor;

L-Artikolu 2

B’deroga mill-Artikolu 1, restrizzjonijiet nazzjonali unilaterali li jeżistu qabel l-1 ta’ Lulju 1986 dwar it-trasport ta’ ċerti oġġetti rriservati totalment jew parzjalment għall-vapuri li jtajru l-bandiera nazzjonali, għandhom jiġu eliminati bil-mod skond l-iskeda li ġejja:

—it-trasport bejn l-Istati Membri minn vapuri li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru: | fil-31 ta’ Diċembru 1989 |

—it-trasport bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi minn vapuri li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru: | fil-31 ta’ Diċembru 1991 |

—it-trasport bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi minn vapuri oħrajn: | fl-1 ta’ Jannar 1993 |

L-Artikolu 3

L-arranġamenti tat-tqassim tal-merkanzija li jinsabu fi ftehim bilaterali eżistenti konklużi minn Stati Membri ma’ pajjiżi terzi għandhom jiġu eliminati bil-mod skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4.

L-Artikolu 4

1. L-arranġamenti tat-tqassim ta’ merkanzija eżistenti li ma ġewx eliminati skond l-Artikolu 3 għandhom jiġu aġġustati skond il-leġislazzjoni Komunitarja u b’mod partikolari:

(a) fejn ikun involut kummerċ irregolat mill-Kodiċi tal-Ġnus Magħquda dwar Konferenzi ta’ Vapuri fuq rotor regolari, huma għandhom ikunu konformi ma’ dan il-Kodiċi u ma’ l-obbligazzjonijiet ta’ l-Istati Membri permezz tar-Regolament (KEE) Nru 954/79;

(b) fejn ikun involut kummerċ mhux irregolat mill-Kodiċi talĠnus Magħquda dwar Konferenzi ta’ vapuri fuq rotot regolari, il-ftehim għandu jiġi aġġustat kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ qabel l-1 ta’ Jannar 1993 sabiex jiġi pprovdut aċċess ġust, ħieles u mhux-diskriminatorju għaċ-ċittadini tal-Komunità kollha, kif definit fl-Artikolu 1, għat-tqassim tal-merkanzija dovuti lill-Istati Membri konċernati.

2. L-azzjoni nazzjonali bis-saħħa tal-paragrafu 1 għandha tkun innotifikata immedjatament lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni. Il-proċedura ta’ konsultazzjoni stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/587/KEE għandha tapplika.

3. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar il-progress li jkun sar fir-rigward ta’ l-aġġustamenti msemmija fil-paragrafu 1(b), inizjalment kull sitt xhur u sussegwentement kull sena.

4. Meta jqumu diffikultajiet fil-proċess ta’ l-aġġustament tal-ftehim sabiex dawn jikkonformaw mal-paragrafu 1(b), l-Istat Membru konċernat għandu jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. F’każijiet fejn il-ftehim ikunu inkompatibbli mal-paragrafu 1(b) u fejn l-Istat Membru konċernat isaqsi għal dan, il-Kunsill għandu, fuq proposta tal-Kummissjoni, jieħu azzjoni xierqa.

L-Artikolu 5

1. L-arranġamenti tat-tqassim tal-merkanzija f’kull ftehim fil-futur ma’ pajjiżi terzi huma pprojbiti ħlief f’dawk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali meta l-kumpaniji ta’ vapuri fuq rotot regolari tal-Komunità ma jkollhomx opportunità effettiva biex jakkwistaw kummerċ lejn u mill-pajjiż terz ikkonċernat. F’dawn iċ-ċirkostanzi dawn l-arranġamenti jistgħu jitħallew skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6.

2. F’każijiet meta l-pajjiż terz jipprova jimponi l-arranġamenti tat-tqassim tal-merkanzija fuq Stati Membri f’kummerċ likwidu jew xott bil-massa, il-Kunsill għandu jieħu l-azzjoni xierqa skond ir-Regolament (KEE) Nru 4058/86 dwar azzjoni koordinata biex iħares l-aċċess ħieles għal tagħbijiet f’kummerċ fuq l-oċeani [4].

L-Artikolu 6

1. Jekk iċ-ċittadini jew il-kumpaniji marittimi ta’ Stat Membru, kif definiti fl-Artikolu 1, il-paragrafi 1 u 2, ikunu qegħdin jesperjenzaw, jew ikunu mhedda, b’sitwazzjoni fejn huma ma jkollhomx opportunità effettiva biex jagħmlu kummerċ lejn u minn pajjiż terz partikolari, l-Istat Membru konċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni kemm jista’ jkun malajr.

2. Il-Kunsill, permezz ta’ maġġoranza kwalifikata u fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi dwar l-azzjoni meħtieġa. Din l-azzjoni tista’ tinkludi, fiċ-ċirkostanzi previsti fl-Artikolu 5(1), in-negozjati u l-konklużjoni ta’ arranġamenti tat-tqassim tal-merkanzija.

3. Jekk il-Kunsill ma jkunx ħa deċiżjoni dwar l-azzjoni meħtieġa fi żmien sitt xhur minn meta Stat Membru jkun ipprovda l-informazzjoni permezz tal-paragrafu 1, l-Istat Membru konċernat jista’ jieħu dik l-azzjoni li għall-mument tista’ tkun meħtieġa biex tippreserva kull opportunità effettiva li jagħmel kummerċ skond l-Artikolu 5(1).

4. Kull azzjoni meħuda taħt il-paragrafu 2 trid tkun skond il-liġi tal-Komunità u trid tipprovdi għall-aċċess ġust, ħieles u mhux diskriminatorju għall-ishma tal-merkanzija relevanti minn ċittadini u kumpaniji marittimi tal-Komunità, kif definiti fl-Artikolu 1(1) u (2).

5. L-azzjoni nazzjonali bis-saħħa tal-paragrafu 3 għandha tkun innotifikata immedjatament lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni. Il-proċedura ta’ konsultazzjoni stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/587/KEE għandha tapplika.

L-Artikolu 7

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi skond il-kondizzjonijiet li jinsabu fit-Trattat, jista’ jestendi d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għal ċittadini ta’ pajjiż terz li jipprovdu servizzi tat-trasport marittimu u li huma stabbiliti fil-Komunità.

L-Artikolu 8

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar id-dritt ta’ stabbiliment, persuna li tipprovdi servizz ta’ trasport marittimu tista’, sabiex tagħmel dan, teżerċita din l-attività temporanjament fl-Istat Membru fejn jingħata s-servizz, taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk imposti minn dak l-Istat fuq il-ċittadini tiegħu stess.

L-Artikolu 9

Sakemm ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jkunux tneħħew, kull Stat Membru għandu japplika dawn ir-restrizzjonijiet mingħajr distinzjoni fuq bażi ta’ ċittadinanza jew residenza lill-persuni kollha li jipprovdu servizzi skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(1) u (2).

L-Artikolu 10

L-Istati Membri jistgħu, qabel ma jadottaw liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jistgħu jkunu neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jikkonsultaw lill-Kummissjoni u jgħarrfu lil din ta’ l-aħħar dwar il-miżuri ta’ din ix-xorta li jkunu ttieħdu.

L-Artikolu 11

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi skond id-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Trattat, għandu jirrevedi dan ir-Regolament qabel l-1 ta’ Jannar 1995.

L-Artikolu 12

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta’ Diċembru 1986.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Shaw

[1] ĠU C 255, tat-13.10.1986, p. 169.

[2] ĠU C 172, tat-2.7.1984, p. 178.

[3] ĠU L 121, tas-17.5.1979, p. 1.

[4] ĠU L 378, tal-31.12.1986, p. 21

--------------------------------------------------