31986R2930



Official Journal L 274 , 25/09/1986 P. 0001 - 0002
Finnish special edition: Chapter 4 Volume 2 P. 0126
Swedish special edition: Chapter 4 Volume 2 P. 0126


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2930/86

tat-22 ta' Settembru 1986

li jiddefinixxi l-karatteristiċi tad-dgħajjes tas-sajd

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi, fil-qafas ta' l-istrateġija komuni dwar is-sajd, hemm referenza dwar il-karatteristiċi tad-dgħajjes tas-sajd, bħal ma hu t-tul, il-wisa', it-tunnellaġ, id-data tad-dħul fis-servizz u l-qawwa tal-magna;

Billi huwa essenzjali li regoli identiċi biex ikunu ddeterminati l-karatteristiċi tad-dgħajjes tas-sajd għandhom jintuzaw sabiex ikunu unifikati l-kondizzjonijiet ħalli tintlaħaq l-attività fil-Komunità;

Billi d-definizjonijiet li dwarhom tittiħed deċiżjoni għandhom jirreflettu kemm jista' jkun possibli d-definizjonijiet tal-karatteristiċi tad-dgħajjes kif preżentament applikati fl-Istati Membri; billi azzjoni tal-Komunità f'dan il-qasam għandha għalhekk tkun ibbażata fuq inizjattivi diġà meħudha minn organizazzjonijiet internazjonali speċjalizzati;

Billi l-Konvenzjoni Internazjonali ta' Torremolinos għall-Ħarsien ta' Dgħajjes tas-Sajd (1977), ħejjiet taħt l-aegis ta' l-Organiżazzjoni Internazjonali tal-Baħar (IMO), diġà kienet ġiet irratifikata minn diversi Stati Membri u għandha tkun irratifikata mill-oħrajn, skond ir-rakkomandazzjoni 80/907/KEE [3];

Billi l-Konvenzjoni Internazjonali dwar il-qisien ta' Tunnellaġġ tal-vapuri, kif imħejjija f'Londra fl-1969 taħt l-aegis ta' l-imsemmija organizazzjoni, diġà giet irratifikata mill-Istati Membri kollha ħlief għal Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Repubblika Portugiża;

Billi l-Organiżazzjoni Internazjonali għal Normaliżazzjoni ħejjiet normi dwar il-magni b'kumbustjoni interna li huma użati estensivament fl-Istati Membri,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Id-definizjonijiet tal-karatteristiċi tad-dgħajjes tas-sajd adottati minn dan ir-Regolament għandhom japplikaw għar-regoli tal-Komunità kollha f'dak li jirrigwardja s-sajd.

L-Artikolu 2

Tul

1. It-tul tad-dgħajsa għandu jkun it-tul kollu, definit bħala d-distanza f'linja dritta bejn il-parti l-aktar il-quddiem tal-pruwwa u l-parti l-aktar ta' l-aħħar tal-poppa.

Għall-iskopijiet ta' dan l-Att:

(a) il-pruwa għandha tkun meħudha li tinkludi l-istruttura tal-qafas li ma jgħaddix ilma minnha, il-kastru tal-pruwwa, il-pruwwa u l-murata ta' quddiem, jekk imwaħħla, imma għandhom jeskludu l-pupress u l-ilqugħ tas-sigurtà;

(b) il-poppa għandha tkun meħudha li tinkludi l-istrittura tal-qafas li ma jghaddix ilma minnha, it-traversa orizzontali, il-pont tal-poppa, ir-rampa tat-tartarun u l-murata, imma għandu jeskludi l-ilqugħ tas-sigurtà, il-buttafora, il-makkinarju tat-tmexxija, it-tmun u l-maniġġ, is-sellun ta' l-għaddas u l-pjattaformi.

It-tul kollu fl-intier tiegħu għandu jkun imkejjel bil-metri u b'eżatezza ta' żewġ deċimali.

2. Meta t-tul ta' bejn il-perpendikulari jissemma fil-leġislazjoni tal-Komunità, għandu jkun definit bħala d-distanza mkejla bejn il-perpendikulari ta' quddiem u wara kif definiti bil-Konvenzjoni Internazjonali għal Sigurezza tad-Dgħajjes tas-Sajd.

It-tul kollu bejn il-perpendikulari għandu jkun imkejjel bil-metri u b'eżatezza ta' żewġ deċimali.

L-Artikolu 3

Wisa

Il-wisa' tad-dgħajsa għandu jkun il-wisa' massimu kif definit fl-Anness I tal-Konvenzjoni Internazjonali dwar il-Kejl tat-Tunnellaġġ tal-Vapuri.

Il-wisa' kollu fl-intier tiegħu għandu jkun imkejjel bil-metri u b'eżatezza ta' żewġ deċimali.

L-Artikolu 4

Tunnellaġġ

1. It-tunnellaġġ tad-dgħajsa għandu jkun it-tunnellaġġ komprensiv kif speċifikat fl-Anness I tal-Konvenzjoni Internazjonali dwar il-Kejl tat-Tunnellaġġ tal-Vapuri.

2. Meta t-tunnellaġġ komprensiv jissemma fir-regoli tal-Komunità dan għandu jkun iddefinit kif speċifikat fl-imsemmi l-Anness I.

L-Artikolu 5

Qawwa tal-magna

1. Il-qawwa tal-magna għandha tkun it-total tal-potenza massima kontinwa li tista' tkun akwistata fir-rota tal-volant ta' kull magna u li tista', b'mezzi mekkaniċi, elettriċi, idroliċi jew mezzi oħra, tkun applikata għall-propulzjoni tad-dgħajsa. B'dana kollu, fejn il-kaxxa ta' l-ingranar tkun inkorporata fil-magna, il-qawwa għandha tkun imkejla fil-ħanek tal-kaxxa ta' l-ingranar.

L-ebda tnaqqis m'għandu jsir għal xi magni awżiljarji li jkunu mmexxija mill-magna.

L-unità li biha tkun espressa il-qawwa tal-magna għandha tkun tal-kilowatt (KW).

2. Il-qawwa kontinwa tal-magna għandha tkun iddeterminata skond il-ħtiġijiet kif addottati mill-Organiżazzjoni Internazjonali għal Normalizazzjoni fir-rakkomandazzjonijiet tagħha tan-Normi Internazjonali (International Standard) ISO 3046/1, it-tieni edizzjoni, Ottubru 1981.

3. L-emendi meħtieġa għall-addottazjoni tal-ħtiġiet li hemm provvediment għalihom fil-paragrafu 2 tal-progress tekniku għandhom ikunu adottati skond il-proċedura li hemm provvediment għaliha fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 170/83 [4].

L-Artikolu 6

Data tad-dħul fis-servizz

Id-data tad-dħul fis-servizz għandha tkun id-data ta' l-ewwel ħruġ ta' ċertifikat uffiċjali ta' sigurezza.

Jekk ċertifikat uffiċjali ta' sigurezza ma jkunx inħareġ, id-data tad-dħul fis-servizz għandha tkun id-data ta' l-ewwel dħul fir-reġistru uffiċjali tad-dgħajjes tas-sajd.

B'dana kollu, fil-każ ta' dgħajjes tas-sajd li jkunu daħlu fis-servizz qabel id-data li fiha dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ, id-data tad-dħul fis-servizz għandha tkun id-data ta' l-ewwel dħul f'xi reġistru uffiċjali tad-dgħajjes tas-sajd.

L-Artikolu 7

Dispożizzjonijiet finali

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tielet xhar wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. B'dana kollu, l-Artikoli 2, 3, 4 u 5 għandhom ikunu applikabbli għal karatteristiċi ta' dgħajjes li jidħlu fis-servizz qabel id-data li fiha dan ir-Regolament jidħol b'effett biss mit-18 ta' Lulju 1994, ħlief fejn dawn japplikaw għall-karatteristiċi ta' l-imsemmija dgħajjes li jkunu ġew immodifikati bejn id-data tad-dħul b'effett ta' dan ir-Regolament u t-18 ta' Lulju 1994.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta' Settembru 1986.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Jopling

[1] ĠU C 356, tal-31.12.1985, p. 64.

[2] ĠU C 88, ta' l-14.4.1986, p. 103.

[3] ĠU L 259, tat-2.10.1980, p. 29.

[4] ĠU L 24, tas-27.1.1983, p. 1.

--------------------------------------------------