31986R1174



Official Journal L 107 , 24/04/1986 P. 0001 - 0001
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 20 P. 0200
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 20 P. 0200


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1174/86

tal-21 ta’ April 1986

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 706/73 dwar l-arranġamenti tal-Komunità applikabbli għaċ-Channel Islands u l-Isle of Man għan-negozju fi prodotti agrikoli

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Adeżjoni tal-1972, u partikolarment it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tal-Protokoll Nru 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi ċerti dispożizzjonijiet veterinarji dwar l-Irlanda ta’ Fuq u li jirrigwardaw l-marda tal-ilsien u d-dwiefer u negozju f’annimali ħajjin, laħam frisk u prodotti b’bażi tal-laħam ġie liberalizzat;

Billi r-Regolament (KEE) Nru. 706/73 (1) ġabar liċ-Channel Islands u l-Isle of Man mall-Irlanda ta’ Fuq għall-iskopijiet tas-settur veterinarju;

Billi, biex jitnaqqas ir-riskju ta’ mard, huwa neċessarju li dawn il-gzejjer jitħallew iżommu r-regoli veterinarji tagħhom dwar il-marda tal-ilsien u d-dwiefer li kienu fis-seħħ s’issa,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT;

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 706/73 [1] qiegħed hawn jiġi mibdul bis-segwenti:

"L-Artikolu 3

Mill-I ta’ Settembru 1973, id-dispożizzjonijiet tal-Komunità f’dawn l-oqsma:

- leġislazzjoni veterinarja,

- leġislazzjoni rigward is-saħħa tal-annimali,

- leġislazzjoni rigward is-saħħa tal-pjanti,

- il-marketing taż-zrieragħ u pjanti ċkejknin,

- leġislazzjoni dwar l-ikel,

- leġislazzjoni dwar l-għalf għall-annimali,

- standards ta’ marketing u kwalità,

għandhom japplikaw bl-istess kundizzjonijiet bħal fir-Renju Unit dwar prodotti li jirriferi għalihom l-Artikolu 1 importati fil-gżejjer jew esportati mill-gżejjer għall-Komunità.

Madankollu, iċ-Channel Islands u l-Isle of Man jistgħu jżommu, għal dak li jirrigwarda negozju ta’ annimali ħajjin, laħam frisk u prodotti b’bażi ta’ laħam, id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-marda tal-ilsien u d-dwiefer li japplikaw għall-importazzjonijiet. Liema dispożizzjonijiet ma għandhomx ikunu iktar restrittivi minn dawk fis-seħħ fit-30 ta’ Settembru 1985"

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Kommunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ April 1986.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Braks

[1] ĠU L 68, tal-15.3.1973, p.1.

--------------------------------------------------