Official Journal L 382 , 31/12/1986 P. 0017 - 0021
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0150
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0150
Id-Direttiva Tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (86/653/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 57(2) u 100 tiegħu, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1] Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, [2] Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, [3] Billi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ intermedjarji fil-kummerċ, l-industrija u industriji żgħar ta’ l-artiġjanat kienu aboliti bid-Direttiva 64/224/KEE [4]; Billi d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rappreżentanza kummerċjali sostanzjalment jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u t-twettiq ta’ dik l-attività fil-Komunità u huma ta’ ħsara kemm għal protezzjoni disponibbli għal aġenti kummerċjali vis-à-vis il-prinċipali tagħhom u kemm għas-sigurtà ta’ operazzjonijiet kummerċjali; billi barraminnhekk dawk id-differenzi huma tali li jipprevienu sostanzjalment il-konklużjoni u l-operazzjoni ta’ kuntratti ta’ rappreżentanza kummerċjali meta l-prinċipal u l-aġenti kummerċjali jkunu stabbiliti fi Stati Membri differenti; Billi l-kummerċ fil-merkanzija bejn Stati Membri għandu jitwettaq taħt il-kundizzjonijiet li huma simili għal dawk ta’ suq wieħed, u dan jeħtieġ l-approssimazzjoni tas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri sal-limitu meħtieġ għal funzjonament kif suppost tas-suq komuni; billi f’dan ir-rigward ir-regoli li jikkonċernaw konflitti fil-liġijiet fil-fatt ma jneħħux, fil-materja ta’ rappreżentanza kummerċjali, l-inkonsistenzi msemmija fuq, lanqas ma kienu li kieku saru l-istess, u għalhekk l-armonizzazzjoni proposta hija neċessarja minkejja l-eżistenza ta’ dawk ir-regoli; Billi f’dan ir-rigward ir-relazzjoni legali bejn aġent kummerċjali u l-prinċipal għandha tingħata prijorità; Billi huwa approprjat li l-gwida tkun dik tal-prinċipji ta’ l-Artikolu 117 tat-Trattat u li jkun miżmum it-titjib li jkun diġà sar, fl-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrelataw għal aġenti kummerċjali; Billi għandhom jitħallew perjodi transitorji addizzjonali għal ċerti Stati Membri li jkollhom jagħmlu sforz partikolari biex jaddattaw ir-regolamenti tagħhom, speċjalment dawk li jikkonċernaw indennizz għat-tmiem ta’ kuntratt bejn il-prinċipal u l-aġent kummerċjali, għall-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: IL-KAPITOLU I Il-Kamp ta’ l-applikazzjoni L-Artikolu 1 1. Il-miżuri ta’ armonizzazzjoni stipulati minn din id-Direttiva għandhom japplikaw għal-liġijiet, għar-regolamenti u għad-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn aġenti kummerċjali u l-prinċipali tagħhom. 2. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, "aġent kummerċjali" għandu jfisser intermedjarju li jaħdem għal rasu li jkollu awtorità kontinwa li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-"prinċipal", jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn l-operazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isem dak il-prinċipal. 3. Aġent kummerċjali għandu jinftiehem fis-sens ta’ din id-Direttiva bħala li ma jinkludix b’mod partikolari: - persuna li, fil-kapaċità tagħha bħala uffiċjal, tkun awtorizzata li tidħol f’impenji li jorbtu fuq kumpannija jew assoċjazzjoni, - sieħeb li huwa legalment awtorizzat li jidħol f’impenji li jorbtu lis-sieħba tiegħu, - riċevitur, riċevitur u amministratur, likwidatur jew trustee f’falliment. L-Artikolu 2 1. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal: - aġenti kummerċjali li l-attivitajiet tagħhom huma mingħajr ħlas, - aġenti kummerċjali meta dawn joperaw fuq skambji ta’ komodità jew fis-suq ta’ komoditajiet, jew - il-korp magħruf bħala Crown Agents for Overseas Governments and Administrations, kif stabbilit taħt il-Crown Agents Act1979 fir-Renju Unit, jew is-sussidjarji tiegħu. 2. Kull Stat Membru għandu jkollu d-dritt li jipprovdi li d-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawk il-persuni li l-attivitajiet tagħhom bħala aġenti kummerċjali huma kkunsidrati sekondarji bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru. IL-KAPITOLU II Drittijiet u obbligi L-Artikolu 3 1. Fit-twettiq ta’ l-attivitajiet tiegħu, aġent kummerċjali għandu jfittex li jħares l-interessi tal-prinċipal tiegħu u jaġixxi kif suppost u b’intenzjoni tajba. 2. B’mod partikolari, aġent kummerċjali għandu: (a) jagħmel sforzi approprjati biex jinnegozja u, meta approprjat, jikkonkludi l-operazzjonijiet li jkun intalab jieħu ħsieb; (b) jikkomunika lill-prinċipal tiegħu l-informazjoni kollha neċessarja disponibbli għalih; (ċ) jikkonforma ma’ istruzzjonijiet raġonevoli mogħtija mill-prinċipal tiegħu. L-Artikolu 4 1. Fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ l-aġent kummercjali tiegħu, prinċipal għandu jaġixxi kif suppost u b’intenzjoni tajba. 2. Prinċipal għandu b’mod partikolari: (a) jipprovdi lill-aġent kummerċjali tiegħu bid-dokumentazzjoni neċessarja fir-rigward tal-merkanzija kkonċernata; (b) jakkwista għall-aġent kummerċjali tiegħu l-informazzjoni neċessarja għat-twettiq tal-kuntratt ta’ l-aġenzija, u b’mod partikolari jinnotifika lill-aġent kummerċjali fi żmien raġonevoli ladarba jantiċipa li l-volum ta’ l-operazzjonijiet kummerċjali ikun aktar baxx b’mod sinifikanti minn dak li l-aġent kummerċjali seta’ normalment jistenna. 3. Il-prinċipal għandu, barra minn dan, jinforma lill-aġent kummerċjali fi żmien raġonevoli bl-aċċettazzjoni, bir-rifjut, u b’kull non-eżekuzzjoni minnu ta’ operazzjoni kummerċjali li l-aġent kummerċjali jkun akkwista għall-prinċipal. L-Artikolu 5 Il-partijiet ma jistgħux jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 3 u 4. IL-KAPITOLU III Ir-remunerazzjoni L-Artikolu 6 1. Fl-assenza ta’ kull ftehim dwar din il-materja bejn il-partijiet, u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw il-livell ta’ remunerazzjoni, aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għar-remunerazzjoni li l-aġenti kummerċjali maħtura għall-merkanzija li tifforma s-suġġett tal-kuntratt ta’ l-aġenzija tiegħu ikunu normalment permessi fil-post ta’ fejn hu jwettaq l-attivitajiet tiegħu. Jekk ma jkun hemm ebda użanza ta’ dan it-tip aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal remunerazzjoni raġonevoli billi jitqiesu l-aspetti kollha ta’ l-operazzjoni. 2. Kull parti mir-remunerazzjoni li tvarja skond in-numru jew il-valur ta’ operazzjonijiet tan-negozju għandha titqies bħala kommissjoni fis-sens ta’ din id-Direttiva. 3. L-Artikoli 7 sa 12 m’għandhomx japplikaw jekk l-aġent kummerċjali ma jkunx remunerat kompletament jew inparti mill-kommissjoni. L-Artikolu 7 1. Aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal kommissjoni fuq operazzjonijiet kummerċjali konklużi tul il-perjodu kopert bil-kuntratt ta’ l-aġenzija: (a) meta l-operazzjoni tkun ġiet konkluża bħala riżultat ta’ l-azzjoni tieghu; jew (b) meta l-operazzjoni tkun konkluża ma’ parti terza li jkun qabel akkwista bħala klijent għall-operazzjonijiet ta’ l-istess tip. 2. Aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal kommissjoni fuq operazzjonijiet konklużi tul il-perjodu kopert bil-kuntratt ta’ l-aġenzija: - jew meta hu jkun ġie fdat b’żona ġeografika speċifika jew bi grupp ta’ klijenti, - jew meta hu jkollu d-dritt esklussiv għal żona ġeografika speċifika jew grupp ta’ klijenti, u meta fl-operazzjoni jkun involut klijent li jappartieni għal dik iż-żona jew dak il-grupp. L-Istati Membri għandhom jinkludu fil-leġislazzjoni tagħhom waħda mill-possibbiltajiet imsemmija fiż-żewġ inċiżi ta’ hawn fuq. L-Artikolu 8 Aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal kommissjoni fuq operazzjonijiet kummerċjali konklużi wara li l-kuntratt ta’ l-aġenzja jkun ġie terminat: (a) jekk l-operazzjoni tista tkun prinċipalment attribwita għall-isforzi ta’ l-aġent kummerċjali tul il-perjodu kopert mill-kuntratt ta’ l-aġenzija u jekk l-operazzjonitkun seħħetf’perjodu raġonevoli wara li dak il-kuntratt ikun ġie terminat; jew (b) jekk, skond il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7, l-ordni tal-parti terza tkun laħqet il-prinċipal jew l-aġent kummerċjali qabel ma jkun ġie terminat il-kuntratt ta’ l-aġenzija. L-Artikolu 9 Aġent kummerċjali m’għandux ikun intitolat għall-kommissjoni msemmija fl-Artikolu 7, jekk dik il-kommissjoni tkun pagabbli, skond l-Artikolu 8, lill-aġent kummerċjali preċedenti, sakemm ma jkunx ekwitabbli minħabba ċ-ċirkostanzi li l-kommissjoni tinqasam bejn l-aġenti kummerċjali. L-Artikolu 10 1. Il-kommissjoni għandha tkun dovuta malli u sal-limitu li waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi sseħħ: (a) il-prinċipal ikun wettaq l-operazzjoni; jew (b) il-prinċipal għandu, skond il-ftehim tiegħu mal-parti terza, jkun wettaq l-operazzjoni; jew (ċ) il-parti terza tkun wettqet l-operazzjoni. 2. Il-kommissjoni għandha tkun dovuta l-aktar tard meta l-parti terza tkun wettqet il-parti tagħha fl-operazzjoni jew suppost li tkun għamlet hekk jekk il-prinċipal ikun wettaq il-parti tiegħu ta’ l-operazzjoni, kif suppost li jkun għamel. 3. Il-kommissjoni għandha titħallas mhux aktar tard mill-aħħar jum tax-xahar ta’ wara t-tliet xhur li fihom saret dovuta. 4. M’għandux ikun permess ftehim għal deroga mill-paragrafi 2 u 3 għad-detriment ta’ l-aġent kummerċjali. L-Artikolu 11 1. Id-dritt għal kommissjoni jista’ jitħassar biss jekk u sal-limiti li: - ikun ġie stabbilit li l-kuntratt bejn il-parti terzi u l-prinċipal mhux ser jiġi eżegwit, u - l-fatt ikun dovut għal raġuni li għaliha l-prinċipal m’għandux ħtija. 2. Kull kommissjoni li l-aġent kummerċjali jkun diġà rċieva għandha tingħata lura jekk id-dritt għaliha jitħassar. 3. M’għandux ikun permess ftehim għal deroga mill-paragrafu 1 għad-detriment ta’ l-aġent kummerċjali. L-Artikolu 12 1. Il-prinċipal għandu jforni lill-aġent kummerċjali tiegħu b’dikjarazzjoni tal-kommissjoni dovuta, sa mhux aktar tard mill-aħħar jum tax-xahar ta’ wara t-tliet xhur li fihom il-kommissjoni tkun dovuta. Din id-dikjarazzjoni għandha tistabbilixxi l-komponenti ewlenija użati fil-kalkolu ta’ l-ammont tal-kommissjoni. 2. Aġent kummerċjali għandu jkun intitolat jesiġi li jkun provdut bl-informazzjoni kollha, u b’mod partikolari estratt mill-kotba, li hi disponibbli għall-prinċipal tieghu u li hu jkun jeħtieġ sabiex jivverifika l-ammont tal-kommissjoni dovuta lilu. 3. Ftehim għal deroga mill-paragrafi 1 u 2 għad-detriment ta’ l-aġent kummerċjali m’għandux ikun permissibbli. 4. Din id-Direttiva m’għandhiex tikkonfliġġi mad-dispożizzjonijiet interni ta’ Stati Membri li jirrikonoxxu d-dritt ta’ aġent kummerċjali li jispezzjona l-kotba tal- prinċipal. IL-KAPITOLU IV Il-konklużjoni u t-terminu tal-kuntratt ta’ l-aġenzija L-Artikolu 13 1. Kull parti għandha tkun intitolata li tirċievi mill-oħra fuq talba, dokument bil-mitkub u iffirmat li jistabbilixxi t-termini tal-kuntratt ta’ l-aġenzija, inklużi xi termini li sussegwentament ikunu miftiehma. Twarrib ta’ dan id-dritt m’għandux ikun permissibbli. 2. Minkejja l-paragrafu 1 Stat Membru jista jipprovdi li kuntratt ta’ aġenzija m’għandux ikun validu sakemm ma jkunx ivverifikat bil-miktub. L-Artikolu 14 Kuntratt ta’ aġenzija għal perjodu fiss li jibqa’ jkun effettiv maż-żewġ partijiet wara li dak il-perjodu jkun skada għandu jitqies li ġie mibdul f’kuntratt ta’ aġenzija għal perjodu indefinit. L-Artikolu 15 1. Meta kuntratt ta’ aġenzija jkun ġie konkluż għal perjodu indefinit kull waħda mill-partijiet tista titterminah permezz ta’ notifika. 2. Il-perjodu tan-notifika għandu jkun xahar wieħed għall-ewwel sena tal-kuntratt, xahrejn għat-tieni sena mibdija, u tliet xhur għat-tielet sena mibdija u s-snin sussegwenti. Il-partijiet ma jistgħux jiftiehmu fuq perjodi iqsar ta’ notifika. 3. L-Istati Membri jistgħu jiffissaw il-perjodu ta’ notifika għal erba xhur għar-raba sena tal-kuntratt, ħames xhur għal ħames sena u sitt xhur għas-sitt sena u s-snin sussegwenti. Jistgħu jiddeċiedu lilpartijiet ma jkunux jistgħu jaqblu dwal perjodi iqsar. 4. Jekk il-partijiet jaqblu fuq perjodi itwal minn dawk stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3, il-perjodu tan-notifika li għandu jkun osservat mill-prinċipal m’għandux ikun aqsar minn dak osservat mill-aġent kummerċjali. 5. Sakemm ma jkunx ġie miftiehem xort oħra mill-partijiet, it-terminazzjoni tal-perjodu tan-notifika għandu jikkoinċidi mat-terminazzjoni tax-xahar tal-kalendarju. 6. Id-dispożizzjoni ta’ dan l-Artikolu għandha tapplika għal kuntratt ta’ aġenzija għal perjodu fiss meta jkun ikkonvertit taħt l-Artikolu 14 f’kuntratt ta’ aġenzija għal perjodu indefinit, soġġett għall-kundizzjoni li l-perjodu iffissat aktar kmieni għandu jitqies fil-kalkolu tal-perjodu tan-notifika. L-Artikolu 16 Xejn f’din id-Direttiva m’għandu jaffettwa l-applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Istati Membri meta dawn ta’ l-aħħar jipprovdu għat-terminu immedjat tal-kuntratt ta’ l-aġenzija: (a) minħabba n-nuqqas ta’ parti waħda li twettaq l-obbligi kollha jew inparti tiegħu; (b) meta jitqajmu ċirkostanzi eċċezzjonali. L-Artikolu 17 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-aġent kummerċjali jkun, wara t-terminu tal-kuntratt ta’ l-aġenzija, indennizzat skond il-paragrafu 2 jew ikkumpensat għad-danni skond il-paragrafu 3. 2. (a) L-aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal indennizz jekk u sal-limiti li: - ikun ressaq lill-klijenti prinċipali ġodda jew ikun żied b’mod sinfikanti l-volum tan-negozju ma’ klijenti eżistenti u l-prinċipal jibqa’ jieħu benefiċċji sostanzjali min-negozju ma’ dawn il-klijenti, u - il-ħlas ta’ dan l-indennizz ikun indaqs fir-rigward taċ-ċirkostanzi kollha u, b’mod partikolari, il-kommissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali fuq in-negozju mwettaq ma’ dawk il-klijenti. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu biex dawn iċ-ċirkostanzi jinkludu l-applikazzjoni jew xort oħra ta’ klawsola fuq ir-restrizzjoni tal-kummerċ, fis-sens ta’ l-Artikolu 20; (b) L-ammont ta’ l-indennizz ma jistax jeċċedi figura ekwivalenti għal indennizz għal sena waħda ikkalkolata mir-remunerazzjoni annwali medja ta’ aġent kummerċjali tul il-ħames snin preċedenti u jekk il-kuntratt imur lura anqas minn ħames snin, l-indennnizz għandu jiġi kkalkolat fuq il-medja tal-perjodu inkwistjoni; (ċ) Il-għotja ta’ dan l-indennizz m’għandhiex iżżomm lill-aġent kummerċjali milli jfittex għad-danni. 3. L-aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal indennizz għad-danni li hu jsofri bħala riżultat tat-terminazzjoni tar-relazzjonijiet tiegħu mal-prinċipal. Dawn id-danni għandhom jitqiesu li jseħħu b’mod partikolari meta sseħħ it-terminazzjoni f’ċirkostanzi: - li jċaħħdu lill-aġent kummerċjali mill-kommissjoni li twettiq tajjeb tal-kuntratt ta’ l-aġenzija jkun akkwistalu waqt li jipprovdi lill-prinċipal b’benefiċċji sostanzjali marbuta ma’ l-attivitajiet ta’ l-aġent kummerċjali, - u/jew li ma jkunux għamluha faċli għall-aġent kummerċjali li jħallas bin-nifs l-infiq u l-ispejjeż li hu jkun sofra għat-twettiq tal-kuntratt ta’ l-aġenzija fuq il-parir tal-prinċipal. 4. L-intitolament għal indennizz kif previst fil-paragrafu 2 jew għal kumpens għal danni kif previst fil-paragrafu 3, għandu iseħħ ukoll meta l-kuntratt ta’ l-aġenzija jkun itterminat minħabba l-mewt ta’ l-aġent kummerċjali. 5. L-aġent kummerċjali għandu jitlef l-intitolament għall-indennizz fil-każijiet previsti fil-paragrafu 2 jew għall-indennizz għad-danni f’dawk il-każijiet previsti fil-paragrafu 3, jekk fi żmien sena wara t-terminazzjoni tal-kuntratt hu ma jkunx għarraf lill-prinċipal li jkollu l-ħsieb li jsegwi l-intitolament tiegħu. 6. Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill, fi żmien tmien snin wara d-data tan-notifika ta’ din id-Direttiva, rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, u għandha jekk neċessarju tissottometti lilu l-proposti tagħha għal emendi. L-Artikolu 18 L-indennizz jew il-kumpens imsemmija fl-Artikolu 17 m’għandhomx ikunu pagabbli: (a) meta l-prinċipal ikun ittermina l-kuntratt ta’ l-aġenzija minħabba nuqqas li jista jkun attribwit lill-aġent kummerċjali li kien jiġġustifika t-terminazzjoni immedjata tal-kuntratt ta’ l-aġenzija skond il-liġi nazzjonali; (b) meta l-aġent kummerċjali jkun ittermina l-kuntratt ta’ aġenzija, sakemm din it-terminazzjoni ma tkunx iġġustifikata b’ċirkostanzi li jistgħu jkunu attribwiti lill-prinċipal fuq bażi ta’ età, nuqqas ta’ saħħa jew mard ta’ l-aġent kummerċjali b’konsegwenza ma jkunx jista raġonevolment ikun meħtieġ li jkompli bl-attivitajiet tiegħu; (ċ) meta, bi ftehim mal-prinċipal, l-aġent kummerċjali jassenja d-drittijiet u d-dmirijiet tiegħu skond il-kuntratt ta’ l-aġenzija lil persuna oħra. L-Artikolu 19 Il-partijiet ma jistgħux jidderogaw mill-Artikoli 17 u 18 għad-detriment ta’ l-aġent kummerċjali qabel ma l-kuntratt ta’ l-aġenzija jiskadi. L-Artikolu 20 1. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ftehim li jirrestrinġi l-attivitajiet tan-negozju ta’ aġent kummerċjali wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ l-aġenzija huwa hawn hekk iżjed ’il quddiem magħruf bħala klawsola fuq ir-restrizzjoni tal-kummerċ. 2. Klawsola fuq ir-restrizzjoni tal-kummerċ għandha tkun valida biss u safejn: (a) din tkun saret bil-miktub; u (b) għandha x’taqsam maż-żona ġeografika jew ma’ grupp ta’ klijenti u ż-żona ġeografika mogħtija lill-aġent kummerċjali u lit-tip ta’ merkanzija koperta bl-aġenzija tiegħu permezz tal-kuntratt. 3. Klawsola fuq ir-restrizzjoni tal-kummerċ għandha tkun valida għal mhux aktar minn sentejn wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ l-aġenzija. 4. Dan l-Artikolu m’għandux jaffettwa d-dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali li jimponu restrizzjonijiet oħrajn fuq il-validità jew l-infurzar ta’ klawsoli fuq ir-restrizzjoni tal-kummerċ jew li jawtorizzaw lill-qrati li jnaqqsu l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw minn dan il-ftehim. IL-KAPITOLU V Id-dispożizzjonijiet ġenerali u finali L-Artikolu 21 Xejn f’din id-Direttiva m’għandu jeħtieġ li Stat Membru jipprovdi għall-iżvelar ta’ informazzjoni meta dan l-iżvelar kien ikun kuntrarju għall-politika pubblika. L-Artikolu 22 1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 1990. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw almenu għal kuntratti konklużi wara d-dħul fis-seħħ tagħhom. Għandhom japplikaw għal kuntratti fis-seħħ sa l-1 ta’ Jannar 1994, l-iktar tard. 2. Min-notifika ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tal-liġijiet prinċipali, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva. 3. Madanakollu, fir-rigward ta’ l-Irlanda u r-Renju Unit, l-1 ta’ Jannar 1990 imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit bl-1 ta’ Jannar 1994. Fir-rigward ta’ l-Italja, l-1 ta’ Jannar 1990 għandu jiġi sostitwit bl-1 ta’ Jannar 1993 fil-każ ta’ l-obbligi li joriġinaw mill-Artikolu 17. L-Artikolu 23 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fit-18 ta’ Dicembru 1986. Għall-Kunsill Il-President M. Jopling [1] ĠU C 13, tat-18.1.1977, p.2; ĠU C 56, tat-2.3.1979, p.5. [2] ĠU C 239, tad-9.10.1978, p.17. [3] ĠU C 59, tat-8.3.1978, p.31. [4] ĠU 56, ta’ l-4.4.1964, p.869/64. --------------------------------------------------