Official Journal L 225 , 12/08/1986 P. 0040 - 0042
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 4 P. 0083
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 4 P. 0083
Id-Direttiva tal-Kunsill ta' l-24 ta' Lulju 1986 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għal irġiel u nisa fi skemi tax-xogħol ta' sigurtà soċjali (86/378/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 100 u 235 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3], Billi t-Trattat jipprovdi li kull Pajjiż Membru għandu jiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju li rġiel u nisa għandhom jirċievu paga ugwali għal xogħol ugwali; premess li "paga" għandha tittieħed li tfisser il-paga jew salarju bażiku ordinarju jew minimu u xi konsiderazzjoni oħra, kemm jekk fi flus jew f'affarijiet, li l-ħaddiem jirċievi, direttament jew indirettament, minn min iħaddmu fir-rigward ta' l-impjieg tiegħu; Billi, għalkemm il-prinċipju ta' paga ugwali ma tapplikax direttament f'każijiet fejn diskriminazzjoni tista' tiġi determinata biss fuq bażi tal-kriterji ta' trattament ugwali u paga ugwali, hemm ukoll sitwazzjonijiet li fihom implimentazzjoni ta' dan il-prinċipju jimplika l-adozzjoni ta' miżuri addizzjonali li jfissru aktar ċar l-iskop tiegħu; Billi l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta' Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall- irġiel u nisa fir-rigward ta' aċċess għal impjieg, taħriġ vokazzjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol [4] jipprovdi li, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju ta' trattament ugwali f'materji ta' sigurtà soċjali, il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, jadotta disposizzjonijiet li jfissru s-sustanza tiegħu, l-iskop tiegħu u l-arranġamenti għall-applikazzjoni tiegħu; billi l-Kunsill jadotta għal dan il-għan id-Direttiva 79/7/KEE tad-19 ta' Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju ta' trattament ugwali għal irġiel u nisa f'materji ta' sigurtà soċjali [5]; Billi l-Artikolu 3(3) tad- Direttiva 79/7/KEE jipprovdi li, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali fi skemi tax-xogħol, il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, jadotta dispożizzjonijiet li jfissru s-sustanza tiegħu, l-iskop tiegħu u l-arranġamenti għall-applikazzjoni tiegħu; Billi l-prinċipju ta' trattament ugwali għandu jiġi implimentat fi skemi tax-xogħol ta' sigurtà soċjali li jipprovdu protezzjoni kontra r-riskji speċifikati fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 79/7/KEE kif ukoll dawk li jipprovdu lill-impjegati b'xi konsiderazzjoni oħra fi flus jew innatura fi ħdan it-tifsira tat-Trattat; Billi l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali ma jippreġudikax id-dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni ta' nisa minħabba maternità, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 L-iskop ta' din id-Direttiva hu biex jiġi implimentat, fi skemi tax-xogħol tas-sigurtà soċjali, il-prinċipju ta' trattament ugwali għall-rġiel u n-nisa, minn hawnhekk 'il quddiem imsemmija bħala "il-prinċipju ta' trattament ugwali". L-Artikolu 2 1. "Skemi tax-xogħol tas-sigurtà soċjali" tfisser skemi li m'humiex irregolati mid-Direttiva 79/7/KEE li l-iskop tagħhom hu li jipprovdu lill-ħaddiema, kemm jekk impjegati jew għal rashom, f'impriża jew fi grupp ta' impriżi, f'attività ekonomika jew f'settur tax-xogħol jew grupp ta' settur bħal dawn fejn benefiċċji maħsuba biex jissupplimentaw il-benefiċċji pprovduti bi skemi statutorji tas-sigurtà soċjali jew biex jibdluhom, kemm jekk is-sħubija fi skemi bħal dawn hi obbligatorja jew b'għażla. 2. Din id-Direttiva ma tapplikax għal: (a) kuntratti individwali; (b) skemi li għandhom membru wieħed biss; (ċ) ħaddiema bil-paga, skemi ta' assikurazzjoni li fihom ma jeħux sehem min iħaddem; (d) dispożizzjonijiet mhux obbligatorji ta' skemi tax-xogħol offruti lill-parteċipanti individwali biex jiggarantulhom: - jew benefiċċji addizzjonali, jew - għażla ta' data li fiha l-benefiċċji normali jinbdew, jew għażla bejn benefiċċji varji. L-Artikolu 3 Din id-Direttiva tapplika għal membri tal-popolazzjoni tax-xogħol inklużi persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li l-attività tagħhom hi interrotta minħabba mard, maternità, inċident jew qgħad involontarju u persuni li qegħdin ifittxu x-xogħol, u għal ħaddiema rtirati u b'diżabilità. L-Artikolu 4 Din id-Direttiva tapplika għal: (a) skemi tax-xogħol li jipprovdu protezzjoni kontra r-riskji li ġejjin: - mard, - invalidità, - xjuħija, inkluż irtirar kmieni, - inċidenti industrijali u mard minħabba x-xogħol, - qgħad; (b) skemi tax-xogħol li jipprovdu għal benefiċċji soċjali oħra, fi flus jew innatura, u partikolarment benefiċċji għas-superstiti u allowances tal-familja, jekk benefiċċji bħal dawn huma mogħtija lill-persuni impjegati u għalhekk huma konsiderazzjoni mħallsa minn min iħaddem lill-impjegat minħabba l-impjieg ta' dan ta' l-aħħar. L-Artikolu 5 1. Taħt il-kondizzjonijiet imqiegħda fid-dispożizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju ta' trattament ugwali jimplika li m' għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni fuq bażi ta' sess, kemm direttament jew indirettament, b'referenza partikolari għall-istat maritali jew tal-familja, speċjalment fir-rigward ta': - l-iskop ta' l-iskemi u l-kondizzjonijiet ta' aċċess għalihom; - l-obbligazzjoni biex jikkontribwixxu u l-kalkulazzjoni tal-kontribuzzjonijiet; - il-kalkulazzjoni ta' benefiċċji, inkluż benefiċċji supplimentari dovuti fir-rigward ta' konjugi jew dipendenti, u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma ta' l-intitolament ta' benefiċċji. 2. Il-prinċipju ta' trattament ugwali ma jippreġudikax id-dispożizzjonijiet li jirrelataw mal-protezzjoni ta' nisa minħabba maternità. L-Artikolu 6 1. Disposizzjonijiet kontra l-prinċipju ta' trattament ugwali jinkludu dawk ibbażati fuq sess, kemm direttament jew indirettament, partikolarment b'referenza għal żwieġ jew familja biex: (a) jiġu determinati l-persuni li jistgħu jipparteċipaw fi skema tax-xogħol; (b) tiġi ffissata n-natura ta' parteċipazzjoni obbligatorja jew ta' l-għażla fi skema tax-xogħol; (ċ) ikunu pprovduti regoli differenti fir-rigward taż-żmien tad-dħul fl-iskema jew il-perijodu minimu ta' impjieg jew sħubija ta' l-iskema meħtieġ biex jinkisbu l-benefiċċji minnhom; (d) ikunu pprovduti regoli differenti, minbarra fejn provdut għalih fis-sub paragrafi (h) u (i), għal ħlas lura ta' kontribuzzjonijiet meta impjegat jitlaq minn skema mingħajr ma jkun ikkonforma mal-kondizzjonijiet li jiggarantulu dritt għal benefiċċji fit-tul; (e) jigu magħmula kondizzjonijiet differenti għall-għoti ta' benefiċċji ta' restrizzjoni ta' dawn il-benefiċċji għall-ħaddiema ta' xi wieħed jew ieħor mis-sessi; (f) jigu ffissati etajiet ta' irtirar differenti; (g) jigu sospiżi ż-żamma jew ksib ta' drittijiet matul il-perjodi ta' leave ta' maternità jew leavegħal raġunijiet ta' familja li huma mogħtija bil-ligi jew bi ftehim u huma mħallsa mill-impjegat; (h) jitwaqqfu livelli differenti ta' benefiċċju, ħlief fejn ikun hemm bżonn li jittieħed kont tal-fatturi ta' kalkulazzjoni attwarji li huma differenti skond is-sess fil-każ ta' benefiċċji msemmija bħala kontribuzzjoni definiti; (i) jitwaqqfu livelli differenti għal kontribuzzjoni ta' ħaddiema; jitwaqqfu livelli differenti għal kontribuzzjoni ta' ħaddiema fil-każ ta' benefiċċji msemmija bħala kontribuzzjoni definiti, ħlief biex jagħmlu l-ammont ta' dawn il-benefiċċji aktar ugwali; (j) jitqiegħdu standards differenti jew standards applikabbli biss għal ħaddiema ta' sess speċifikat minbarra kif ipprovdut fis-subparagrafi (h) u (i), fir-rigward tal-garanzija jew żamma ta' l-intitolament għal benefiċċji diferiti meta ħaddiem jitlaq minn skema. 2. Fejn l-għoti ta' benefiċċji fi ħdan l-iskop ta' din id-Direttiva hi mħollija għad-deskrizzjoni tal-korpi ta' tmexxija ta' l-iskema, dawn ta' l-aħħar iridu jkkonsidraw il-prinċipju ta' trattament ugwali. L-Artikolu 7 Pajjiżi Membri għandhom jieħdu l-passi kollha li huma meħtieġa biex jiżguraw li: (a) dispożizzjonijiet kontra l-prinċipju ta' trattament ugwali fi ftehim legali obbligatorji kollettivi, regoli tal-persunal ta' impriżi jew xi arranġamenti oħra relatati ma' l-iskemi tax-xogħol huma nulli, jew jistgħu jiġu ddikjarati nulli jew emendati; (b) skemi li fihom dispożizzjonijiet bħal dawn jistgħu ma jiġux approvati jew estiżi b'miżuri amministrattivi. L-Artikolu 8 1. Pajjiżi Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta' skemi tax-xogħol kontra l-prinċipju ta' trattament ugwali huma reveduti sa l-1 ta' Jannar 1993. 2. Din id-Direttiva ma tipprekludix drittijiet u obbligazzjonijiet relatati ma' perjodu ta' sħubija ta' xi skema tax-xogħol qabel ir-reviżjoni ta' dik l-iskema milli tibqa' suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta' l-iskema fis-seħħ matul dak il-perjodu. L-Artikolu 9 Pajjiżi Membri jistgħu jiddeferixxu applikazzjoni obbligatorja tal-prinċipju ta' trattament ugwali fir-rigward ta': (a) determinazzjoni ta' l-età tal-pensjoni għal skopijiet ta' l-għoti ta' pensjonijiet ta' xjuħija jew irtirar, u l-implikazzjonijiet possibbli għal benefiċċji oħra: - jew sad-data li fiha din l-ugwaljanza hi miksuba fi skemi statutorji, - jew, l-aktar tard, sakemm din l-ugwaljanza hi meħtieġa b'direttiva. (b) pensjonijiet ta' min jibqa' ħaj sakemm xi direttiva teħtieġ il-prinċipju ta' trattament ugwali fi skemi statutorji tas-sigurtà soċjali f'dak ir-rigward. (ċ) l-applikazzjoni ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 6(1)(i) li tikkunsdra l-fatturi ta' kalkulazzjoni differenti attwarji, l-aktar tard sa' l-iskadenza ta' perjodu ta' tlettax-il sena min-notifika ta' din id-Direttiva. L-Artikolu 10 Pajjiżi Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi nazzjonali legali tagħhom miżuri bħal dawn meħtieġa biex iħallu lill-persuni kollha li jikkunsidraw lilhom infushom danneġġati bin-nuqqas li japplikaw il-prinċipju ta' trattament ugwali li jsegwu t-talba tagħhom quddiem il-qrati, possibbilment wara li jkunu ġabu l-kwistjonijiet quddiem awtoritajiet oħra kompetenti. L-Artikolu 11 Pajjiżi Membri għandhom jieħdu l-passi kollha mehtieġa biex jipproteġu l-ħaddiem kontra tkeċċija fejn dan jikkostitwixxi xi risposta mill-parti ta' min iħaddem għal xi ilment magħmul f'livell ta' impriża jew għat-tnedija ta' proċeduri legali mmirati li jinforzaw konformità mal-prinċipju ta' trattament ugwali. L-Artikolu 12 1. Pajjiżi Membri għandhom iġibu fis-seħħ dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kif jeħtieġ biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn tliet snin wara n-notifika tagħha [6]. Għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni bihom. 2. Pajjiżi Membri jikkomunikaw mal-Kummissjoni sa l-aktar tard ħames snin wara n-notifika ta' din id-Direttiva l-informazzjoni kollha meħtieġa biex iħallu lill-Kummissjoni tagħmel rapport fuq l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva biex jintbagħat lill-Kunsill. L-Artikolu 13 Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Pajjiżi Membri. Magħmula fi Brussel, fl-24 ta' Lulju 1986. Għall-Kunsill Il-President A. Clark [1] ĠU C 134, tal-21.5.1983, p. 7. [2] ĠU C 117, tat-30.4.1984, p. 169. [3] ĠU C 35, tad-9.2.1984, p. 7. [4] ĠU L 39, ta' l-14.2.1976, p. 40. [5] ĠU L 6, ta' l-10.1.1979, p. 24. [6] Din id-Direttiva ġiet innotifikata lill-Pajjiżi Membri fit-30 ta' Lulju 1986 --------------------------------------------------