31986L0354



Official Journal L 212 , 02/08/1986 P. 0027 - 0032
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 21 P. 0211
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 21 P. 0211


Id-Direttiva tal-Kunsill

tal-21 ta’ Lulju 1986

li temenda d-Direttiva 74/63/KEE dwar l-iffissar tal-livelli massimi permissibbli għal sustanzi u prodotti mhux mixtieqa fl-għalf, id-Direttiva 77/101/KEE dwar il-marketing ta’ għalf mhux imħallat u d-Direttiva 79/373/KEE dwar il-marketing ta’ għalf kompost

(86/354/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 43 u 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi d-definizzjonijiet ta’ l-għalf mhux imħallat u t-tipi differenti ta’ l-għalf kompost fid-Direttivi 74/63/KEE [4], 77/101/KEE [5] u 79/373/KEE [6], kif l-aħħar emendati bid-Direttivi 86/299/KEE [7], 83/87/KEE [8] u 82/957/KEE [9] rispettivament, għandhom jiġu allinejati mat-tifsiriet il-ġodda fid-Direttiva tal-Kunsill 84/587/KEE tad-29 ta’ Novembru 1984 li temenda d-Direttiva 70/524/KEE li għandha x’taqsam ma’ l-addittivi fl-għalf [10]; billi 'għalf li jingħata minflok ħalib’għandu wkoll jiġi definit;

Billi għandu jiġi ċċarat li d-disposizzjonijiet tad-Direttivi 74/63/KEE, 77/101/KEE u 79/373/KEE huma mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 82/471/KEE tat-30 ta’ Ġunju 1982 dwar ċerti prodotti użati fin-nutriment ta’ l-annimali [11];

Billi d-Direttiva 74/63/KEE tikkonċerna sustanzi mhux mixtieqa u prodotti fl-għalf; billi, għalhekk, il-livelli massimi permessibbli stabbiliti fl-Anness li jinsab ma’ dik id-Direttiva m’għandhomx japplikaw għal materja prima użata fit-tħejjija ta’ għalf kompost;

Billi l-iffissar tal-livelli massimi jew l-illimitar tal-preżenza ta’ ċerti sustanzi mhux mixtieqa u prodotti fil-materja prima huma bħalissa rregolati b’disposizzjonijiet diverġenti fl-Istati Membri;

Billi l-konsegwenzi tal-preżenza, ’il fuq minn ċertu livell, ta’ dawn is-sustanzi jew prodotti x’aktarx li huma ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u billi huwa għalhekk meħtieġ li jkun iggarantit, b’mod xieraq u uniformi, l-użu fiż-żgur ta’ dawn il-prodotti u sustanzi mal-Komunità kollha;

Billi, b’żieda, id-disposizzjonijiet diverġenti fil-leġislazzjoni nazzjonali ta’ l-Istati Membri jwasslu għal barrieri sostanzjali fil-kummerċ intra-Komunitarju u billi huwa mixtieq li jkunu adottati miżuri xierqa fil-kuntest tad-Direttiva 74/63/KEE;

Billi, b’żieda, id-Direttivi 77/101/KEE u 79/373/KEE għandhom ikunu adottati biex jiffaċilitaw aħjar it-tqegħid fis-suq ta’ għalf mhux imħallat u għalf kompost;

Billi huwa mixtieq li tingħata tifsira għall-kunċett ta’ materja prima biex ikunu ffissati limiti ċari għall-iskop tal-miżuri li għandhom x’jaqsmu ma’ dik il-klassi ta’ prodotti, li hija wkoll referuta bl-espressjoni ‘ingredjenti’ fid-Direttivi l-oħra dwar l-għalf ta’ l-annimali;

Billi d-disposizzjonijiet f'dan il-każ japplikaw esklussivament għall-materja prima maħsuba għall-għalf ta’ l-annimali li għandu jiddaħħal fiċ-ċirkolazzjoni fil-forma ta’ għalf mhux imħallat jew bħala reffiegħa ta’ taħlitiet minn qabel ta’ addittivi jew, wara li jitħalltu ma’ prodotti oħra, bħala għalf kompost;

Billi, biex ikun assigurat li ċerti sustanzi partikolarment mhux mixtieqa ma jkunux preżenti fl-għalf, huwa meħtieġ mhux biss li tkun illimitata l-preżenza tagħhom fil-materja prima għal livell aċċettabbli iżda wkoll biex ikun ristrett l-użu ta’ dik il-materja prima għall-persuni li jkollhom il-kapaċità rekwiżita, l-apparat u t-tagħmir għall-operazzjonijiet ta’ taħlit biex ikun assigurat li l-livelli massimi stabbiliti fid-Direttiva għall-għalf kompost ikunu mħarsa;

Billi l-kondizzjonijiet minimi stabbiliti fl-Anness III li jinsab mad-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE dwar biex persuna tkun imdaħħla fil-lista nazzjonali ta’ manifatturi ta’ għalf kompost għandhom ukoll ikunu applikati għall-manifatturi ta’ għalf kompost li jużaw materja prima li jkun fiha livell ta’ sustanzi u prodotti mhux mixtieqa ogħla minn dak permissibbli f’għalf mhux imħallat; billi huwa mixtieq, iżda, li l-Istati Membri jkunu jistgħu jillimitaw it-twassil ta’ dik il-materja prima ferm ikkontaminata lejn dawk il-manifatturi li jipproduċu għalf kompost għall-bejgħ meta s-servizzi tagħhom ta’ spezzjoni ma jkunux kapaċi li jimmonitorjaw f’livell tar-razzett dawk il-manifatturi ta’ l-għalf kompost li jkunu wkoll irabbu l-bhejjem u li jużaw il-produzzjoni kollha tagħhom jew parti minnha għall-ħtiġijiet tagħhom stess;

Billi, għal ċerta materja prima li l-livelli tagħha ta’ sustanzi u prodotti mhux mixtieqa ma’ humiex ristretti fl-Anness II (A), disposizzjoni għandha ssir għall-possibbilità li timponi disposizzjonijiet xierqa ta’ tikkettjar jew jekk il-kwantità ta’ sustanza jew prodott mhux mixtieq preżenti fil-materja prima jkun jeċċedi l-livell massimu stabbilit għall-għalf mhux imħallat korrespondenti; billi din il-miżura hija indispensabbli biex ikun assigurat li dik il-materja prima ma titwassalx lejn ir-raħħala li jrabbu l-bhejjem u biex javżaw lill-manifatturi bin-natura u l-kwantità tas-sustanza jew prodott mhux mixtieq preżenti;

Billil-Istati Membri għandhom ikunu proviżorajment awtorizzati biex iżommu d-disposizzjonijiet li adottaw dwar materja prima kkontaminata bl-aflatoxin apparti għal dik li hemm referenza dwarha fl-Anness II (A) jew li għandha x’taqsam ma’ sustanzi u prodotti mhux mixtieqa apparti milli għall-aflatoxin li teffettwa l-kwalità tal-materja prima; billi deċiżjoni tal-Komunità għandha tittieħed qabel it-3 ta’ Diċembru 1990 biex sa dik id-data jkunu jeżistu regoli uniformi tal-Komunità dwar il-preżenza ta’ sustanzi u prodotti mhux mixtieqa f’materja prima użata fit-tħejjija ta’ l-għalf;

Billi, biex tkun iggarantita s-sigurtà ta’ l-għalf, għandhom ikunu stabbiliti regoli li jirregolaw il-preżenza ta’ sustanzi u prodotti mhux mixtieqa u l-proċessi mfittxija biex jiddekontaminaw il-materja prima; billi, fuq il-bażi tar-riżultati miksuba, għandhom ikunu stabbiliti l-kriterji li magħhom il-prodotti li huma suġġetti għal ċerti proċessi ta’ dekontaminazzjoni għandhom ikunu konformi;

Billi l-proċedura li tintroduċi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti għall-Għalf għandha tkun applikata biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-miżuri proposti u biex isiru, inter alia, emendi u żidiet dwar l-iffissar tal-livelli massimi jew tar-regoli ta’ ittikkettjar għall-materja prima kkontaminata b’ċerti sustanzi u prodotti mhux mixtieqa u l-istabbiliment ta’ kriterji aċċettabbli għad-dekontaminazzjoni tal-materja prima;

Billi proċedura ta’ tagħrif għandha tkun stabbilita għan-notifikazzjoni lejn l-Istati Membri fil-każi ta’ nuqqas ta’ konformità mad-disposizzjonijiet tal-Komunità biex tkun iffaċilitata s-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 74/63/KEE;

Billi l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 79/373/KEE turi l-ħtieġa li jittejjeb jew li jkun issupplimentat l-ittikkettjar ta’ għalf kompost f’ċerti każi;

Billi, b’mod partikolari, indikazzjoni ta’ l-isem jew l-isem tan-negozju u l-indirizz tal-manifattur għandha tkun stipulata meta dan ta’ l-aħħar ma jkunx responsabbli għall-partikolaritajiet tat-tikkettjar; billi, iżda, għandu jittieħed akkont tas-sistemi partikolari ta’ kontroll f’ċerti Stati Membri u billi dawk l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati, għall-għalf prodott u imqiegħed fis-suq fit-territorju tagħhom, li jibdlu dawk il-partikolaritajiet bin-numru uffiċjali ta’ kodiċi mogħti lill-kull manifattur,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-Direttiva 74/63/KEE hija b'hekk emendata kif ġej:

1. It-titolu tad-Direttiva għandu jkun mibdul b'dan li ġej: "Direttiva tal-Kunsill dwar sustanzi u prodotti mhux mixtieqa fin-nutriment ta’ l-annimali."

2. Fl-Artikolu 1:

(a) il-paragrafu 1 għandu jkun mibdul b'dan li ġej:

"1. Din id-Direttiva tittratta dwar is-sustanzi u l-prodotti mhux mixtieqa fin-nutriment ta’ l-annimali."

(b) Il-punt (e) li ġej għandu jiżdied mal-paragrafu 2:

"(e) ċerti prodotti użati fin-nutriment ta’ l-annimali."

3. Fl-Artikolu 2:

(b) il-punti (a), (b) u (h) għandhom jiġu mibdula b'dan li ġej:

"(a) għalf: prodotti ta’ oriġini mill-ħaxix jew mill-annimal, fl-istat naturali tagħhom, friski jew ippreservati, u prodotti miksuba mill-ipproċessar industrijali tagħhom, u sustanzi organiċi jew inorganiċi, użati waħedhom jew f’taħlitiet, kemm jekk ikun fihom adittivi u anki jekk le, għat-tmigħ ta’ l-annimali mill-ħalq;

(b) għalf mhux imħallat: il-prodotti varji mill-ħaxix jew mill-annimal fl-istat naturali tagħhom, friski jew ippreservati, u prodotti miksuba mill-ipproċessar industrijali tagħhom, u sustanzi varji organiċi jew inorganiċi, kemm jekk ikun fihom addittivi u anki jekk le, maħsuba bħala tali għat-tmiegħ ta’ l-annimali mill-ħalq;

(h) għalf kompost: taħlitiet ta’ prodotti ta’ oriġini mill-ħaxix jew mill-annimal fl-istat naturali tagħhom, friski jew ippreservati, u prodotti miksuba mill-ipproċessar industrijali tagħhom jew ta’ sustanzi organiċi jew inorganiċi kemm jekk ikun fihom addittivi u anki jekk le, għat-tmigħ ta’ l-annimali mill-ħalq fil-forma ta’ għalf komplut jew għalf komplementari;"

(b) il-punt li ġej għandu jiżdied:

"(i) materja prima (ingredjenti); prodotti varji ta’ oriġini mill-ħaxix jew mill-annimal, fl-istat naturali tagħhom, friski jew ippreservati, u prodotti miksuba mill-ipproċessar industrijali tagħhom, u ta’ sustanzi organiċi jew inorganiċi, kemm jekk ikun fihom adittivi u anki jekk le, li huma maħsuba biex jiddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni bħala għalf mhux imħallat jew għat-tħejjija ta’ għalf kompost jew bħala reffiegħa ta’ taħlitiet minn qabel;"

4. L-Artikolu 3 għandu jkun mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jippreskrivu li dawk is-sustanzi u l-prodotti elenkati fl-Anness I ikunu biss ittollerati fl-għalf skond il-kondizzjonijiet stabbiliti hemmhekk.

2. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw li l-livelli massimi permissibbli li għalihom jipprovdi l-Anness I li jinqabżu fil-każ ta’ għalf li jkun prodott u użat fl-istess stat fl-istess art agrikola, meta dan ikun meħtieġ minħabba raġunijiet lokali partikolari. L-Istati Membri konċernati għandhom jassiguraw li la s-saħħa ta’ l-annimal u lanqas dik tal-bniedem ma ssofri xi ħsara minħabba dan."

5. L-Artikoli li ġejjin għandhom jiddaħħlu:

"L-Artikolu 3a

1. L-Istati Membri għandhom jippreskrivu li l-materja prima elenkata fl-Anness II (A) tista’ titqiegħed fis-suq biss jekk il-kontenut tagħha ta’ sustanza jew ta' prodott mhux mixtieq imsemmi fil-kolonna 1 ta’ l-imsemmi Anness ma jkunx jeċċedi l-livell massimu stabbilit fil-kolonna 3 ta’ dak l-Anness.

2. Meta l-kontenut ta’ sustanza jew ta' prodott mhux mixtieq elenkat fil-kolonna 1 ta’ l-Anness II (A) ikun jeċċedi l-livell stabbilit fil-kolonna 3 ta’ l-Anness dwar għalf mhux imħallat, il-materja prima elenkata fil-kolonna 2 ta’ l-Anness II (A) tista’, mingħajr preġudizzju għal paragrafu 1, titqiegħed fis-suq biss jekk:

(a) tkun maħsuba għall-użu minn manifatturi ta’ l-għalf kompost imdaħħal fil-lista nazzjonali kif hemm provvediment dwar dan fl-Artikolu 13 (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta’ Novembru 1970 li tikkonċerna l-adittivi fl-għalf [1] ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1.,

u

(b) tkun akkumpanjata minn dokument li juri:

- li l-materja prima hija maħsuba għall-manifatturi ta’ l-għalf kompost li jkunu konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu (a),

- li l-materja prima ma tkunx mitmugħa mhux ipproċessata lill-qobla,

- l-ammont ta’ sustanza jew ta' prodott mhux mixtieq li jinsab fil-materja prima.

3. L-Istati Membri għandhom jippreskrivu li l-paragrafu 2 (a) u (b) għandu wkoll japplika għall-materja prima u sustanzi jew prodotti mhux mixtieqa elenkati fl-Anness II (B) li l-livell massimu permissibbli tagħhom mhux ristrett fl-Anness II (A), jekk il-livell tas-sustanza jew tal-prodott mhux mixtieq fil-materja prima jkun jeċċedi dak stabbilit fil-kolonna 3 ta’ l-Anness I għall-għalf mhux imħallat korrespondenti.

"L-Artikolu 3b

L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3a (2) (a) għal dawk il-manifatturi ta’ l-għalf kompost li jużaw il-materjali f'dak il-każ għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ għalf kompost.""

6. Fl-Artikolu 4, "f’din id-Direttiva" għandha tkun mibdula bi "fl-Anness I."

7. Fl-Artikolu 5:

(a) it-test tal-paragrafu 1 għandu jkun mibdul b'dan li ġej:

"1. Meta Stat Membru, bħala riżultat ta’ tagħrif ġdid jew ta’ xi stimar mill-ġdid ta’ tagħrif eżistenti magħmul minn mindu d-disposizzjonijiet f'dak il-każ kienu adottati, ikollu bażi dettaljata biex jistabbilixxi li l-kontenut massimu ffissat fl-Anness I jew II jew sustanza jew prodott mhux elenkati fihom ikun jikkostitwixxi perikolu għas-saħħa ta’ l-annimal jew dik tal-bniedem jew għall-ambjent, dak l-Istat Membru jista’ provviżorjament inaqqas dak il-kontenut, jiffissa kontenut massimu jew jipprojbixxi l-preżenza ta’ dik is-sustanza jew ta' dak il-prodott fl-għalf jew fil-materja prima. Għandu minnufih javża b’dan lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu."

(b) fil-paragrafu 2, "l-Anness" għandu jiġi mibdul bi "l-Annessi".

8. L-Artikolu 6 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 6

Bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9 u fid-dawl ta’ l-iżviluppi fl-għerf xjentifiku u tekniku:

(a) l-emendi li għandhom isiru fl-Annessi għandhom jiġu addottati;

(b) verżjoni kkonsolidata ta’ l-Annessi għandha titħejja perjodikament li tkun tinkorpora l-emendi suċċessivi magħmula bis-saħħa ta’ (a);

(ċ) kriterji biex tiġi aċċettata materja prima li tkun għaddiet minn ċerti proċessi ta’ dekontaminazzjoni jistgħu jiġu definiti."

9. L-Artikolu li ġej għandu jiżdied:

"Artikolu 6a

1. Sakemm tittieħed deċiżjoni tal-Komunità, l-Istati Membri jistgħu jżommu l-miżuri li jirregolaw l-importazzjoni u d-dħul fiċ-ċirkolazzjoni fit-territorji tagħhom ta’:

(a) materja prima kkontaminata b’aflatoxin apparti milli l-materja prima li hemm referenza dwarha fl-Anness II (A), u

(b) materja prima kkontaminata b’sustanzi jew bi prodotti mhux mixtieqa apparti minn aflatoxin.

2. Mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 1987, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-disposizzjonijiet nazzjonali li jkollhom il-ħsieb li jżommu permezz tal-paragrafu 1.

3. L-emendi li għandhom isiru fl-Anness II biex jitneħħew id-diskrepanzi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati sat-3 ta’ Diċembru 1990 l-aktar tard."

10. Fl-Artikolu 7, ‘ u materja prima’ għandha tiddaħħal wara ‘għalf’.

11. Fl-Artikolu 8:

(a) il-paragrafu 1 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw li l-għalf u l-materja prima jkunu kkontrollati uffiċjalment, ta’ l-anqas b’kampjunar miġbur mingħajr xi regola partikolari, biex ikun ivverifikat jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva jkunux imħarsa."

(b) il-paragrafu 3 li ġej għandu jiżdied:

"3. Jekk kunsinna ta’ materja prima x’aktarx li tintbagħat fi Stat membru wara li jkun ġie deċiż li ma tkunx konformi mad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva minħabba l-kontenut eċċessiv ta’ sustanzi jew ta' prodotti mhux mixtieqa fi Stat Membru ieħor l-Istat Membru ta’ l-aħħar għandu minnufih jagħti lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni kull tagħrif utli dwar dik il-kunsinna ta’ materja prima."

12. Fl-Artikolu 11, ‘ u materja prima’ għandha tiddaħħal wara ‘għalf’.

13. L-Anness għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) "I" għandha tiżdied wara l-kelma "ANNESS";

(b) it-tliet kolonni ta’ l-Anness I għandhom jiġu numerati 1, 2 u 3 rispettivament;

(ċ) fl-Anness I (B), l-intestatura tal-kolonna 3 għandha tiġi mibdula b’dan li ġej:

"Il-kontenut massimu f’mg/kg (ppm) ta’ għalf jirreferi għall-kontenut ta’ umidità ta’ 12 %."

14. Dan li ġej għandu jiddaħħal bħala l-Anness II:

"

ANNESS II

A

Sustanzi, prodotti | Materja prima | Kontenut massimu f'mg/kg (ppm) ta' materja prima jirreferi għall-kontenut ta' umidità ta' 12% |

(1) | (2) | (3) |

1.Aflatoxin B1 | Karawett, kopra, il-qalba tal-palma, żerriegħa tal-qoton, babassu, qamħirrun u prodotti miksuba mill-ipproċessar tagħhom | 0,2 |

B

+++++ TIFF +++++

"

15. "Alimenti per Annimali" ma’ tul id-Direttiva kollha fit-test Taljan għandha tiġi mibdula b’"mangimi".

L-Artikolu 2

Id-Direttiva 77/101/KEE hija b’dan emendata kif ġej:

1. Fl-Artikolu 1(2):

(a) il-punt (b) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"(b) sustanzi u prodotti mhux mixtieqa fin-nutriment ta’ l-annimali;"

(b) il-punt li ġej għandu jiżdied:

"(d) ċerti prodotti użati fin-nutriment ta’ l-annimali."

2. L-Artikolu 2 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għalf mhux imħallat ifisser il-prodotti varji mill-ħaxix jew mill-annimal fl-istat naturali tagħhom, friski jew ippriservati, u prodotti miksuba mill-ipproċessar industrijali tagħhom, kif ukoll sustanzi varji organiċi jew inorganiċi, kemm jekk ikun fihom adittivi u anki jekk le, maħsuba bħala tali għat-tmiegħ ta’ l-annimali mill-ħalq."

3. "Alimenti per Annimali" ma tul id-Direttiva kollha fit-test Taljan għandha tiġi mibdula b’"mangimi".

L-Artikolu 3

Id-Direttiva 79/373/KEE hija b’dan emendata kif ġej:

1. Fl-Artikolu 1(2):

(a) il-punt (ċ) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"(ċ) sustanzi u prodotti mhux mixtieqa fin-nutriment ta’ l-annimali;"

(b) il-punt li ġej għandu jiżdied:

"(f) ċerti prodotti użati fin-nutriment ta’ l-annimali."

2. Fl-Artikolu 2:

(a) it-test tal-punti (a) u (b) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"(a) Għalf: prodotti ta’ oriġini mill-ħxejjex jew mill-annimal, fl-istat naturali tagħhom, friski jew ippriservati, u prodotti miksuba mill-ipproċessar industrijali tagħhom, u sustanzi organiċi jew inorganiċi, użati weħidhom jew f’taħlitiet, kemm jekk ikun fihom adittivi u anki jekk le, għat-tmiegħ ta’ l-annimali mill-ħalq.

(b) Għalf kompost: taħlitiet ta’ prodotti ta’ oriġini mill-ħaxix jew mill-annimal fl-istat naturali tagħhom, friski jew ippriservati, u prodotti miksuba mill-ipproċessar industrijali tagħhom jew ta’ sustanzi organiċi jew inorganiċi kemm jekk ikun fihom adittivi u anki jekk le, għat-tmiegħ ta’ l-annimali mill-ħalq, fil-forma ta’ għalf komplut jew għalf komplementari;"

(b) il-punti li ġejjin għandhom jiżdiedu:

"(j) Ikel minflok ħalib: għalf kompost amministrat fil-forma niexfa jew wara li jitħallat ma’ kwantità partikolari ta’ likwidu għat-tmiegħ ta’ annimali żgħar bħala suppliment ta’ jew sostitut għal, ħalib post-colostral jew għat-tmiegħ ta’ għoġġiela maħsuba għall-qatla.

(k) Ingredjenti (materja prima) prodotti varji ta’ oriġini mill-ħaxix jew mill-annimal fl-istat naturali tagħhom, friski jew ippriservati, u prodotti miksuba mill-ipproċessar industrijali tagħhom, u ta’ sustanzi organiċi jew inorganiċi, kemm jekk ikun fihom adittivi u anki jekk le, li huma maħsuba biex jiddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni bħala għalf mhux imħallat jew għat-tħejjija ta’ għalf kompost jew bħala li jkun fihom taħlitiet minn qabel;"

3. Fl-Artikolu 5:

(a) il-paragrafu 1, il-punt (a) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"(a) id-deskrizzjoni "għalf sħiħ", "għalf komplementari", "għalf minerali", "għalf bl-għasel iswed", "għalf sħiħ minflok ħalib", "għalf komplimentari minflok ħalib", kif xieraq;"

(b) fil-paragrafu 4 il-punt li ġej għandu jiżdied:

"(g) l-isem jew l-isem tan-negozju u l-indirizz jew il-post irreġistrat tan-negozju tal-produttur, meta dan ta’ l-aħħar ma jkunx responsabbli għall-partikolaritajiet ta’ l-ittikkettjar;"

(ċ) il-paragrafu li ġej għandu jiżdied:

"4a. L-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati, għal għalf prodott u mqiegħed fis-suq fit-territorju tagħhom, li jippreskrivu minflok il-partikolaritajiet li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 5 (4) (g) indikazzjoni tan-numru uffiċjali tal-kodiċi li jkun jikkorrispondi mal-produtturi stabbiliti fit-territorju tagħhom."

(d) fil-paragrafu 5 il-punt li ġej għandu jiżdied:

"(h) indikazzjoni tal-kondizzjoni fiżika ta’ l-għalf jew l-ipproċessar speċifiku li jkun għadda minnu."

(e) il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal:

"7a. Il-paragrafu 7 m’għandux japplika meta l-ingredjenti (materja prima) għandhom jissemmew fuq it-tikketta ta’ l-għalf kompost permezz tad-Direttiva 82/471/KEE."

(f) il-paragrafu 8 għandu jiġi supplimentat bis-subparagrafu li ġej:

"Dak it-tagħrif

- - m’għandux iqarraq lix-xerrej b’mod partikolari billi jattribwixxi għall-għalf effetti jew proprjetajiet li ma jkollux jew billi jissuġġerixxi li jkollu xi karatteristiċi speċjali meta fil-fatt l-għalf kollu simili jkun fih dawk il-karetteristiċi,

- - għandu jirrelata ma’ fatturi oġġettivi u kwantifikabbli li jistgħu jiġu sostanzjati."

4. L-Artikoli li ġejjin għandhom jiddaħħlu:

"L-Artikolu 5a

Bl-Ingliż, "complimentary feeding stuff" u "complete feeding stuff" jistgħu jiġu mibdula, fil-każ ta’ għalf għall-annimali tad-delizzju, rispettivament bi "complementary pet food" u "complete pet food".

L-Artikolu 5b

Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5, l-Istati Membri għandhom jistipulaw li l-ittikkettjar ta’ l-għalf kompost għal annimali tad-delizzju jista’ jiġbed l-attenzjoni partikolari għal preżenza jew għal kontenut baxx ta’ xi wieħed jew aktar mill-ingredjenti li huma essenzjali għall-karatteristiċi ta’ l-għalf. F’dak il-każ, il-kontenut minimu jew massimu, espress f’termini bħala persentaġġ skond il-piż ta’ l-ingredjent/i inkorporat/i, għandu jkun indikat b’mod ċar jew biswit tad-dikjarazzjoni li tiġbed l-attenzjoni għalih jew għalihom jew fil-lista ta’ l-ingredjenti jew billi jissemma jew jissemmew u l-persentaġġ/i skond il-piż ikkonċernat biswit tal-kategorija ta’ l-ingredjenti korrespondenti."

5. "Alimenti per Annimali" fid-Direttiva kollha fit-test Taljan għandha tiġi mibdula b’"mangimi".

L-Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sat-3 ta’ Diċembru 1988. Għandhom minnufih javżaw lill-Kummissjoni b’dan.

L-Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, il-21 ta’ Lulju 1986.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Howe

[1] ĠU C 258, 26.9.1984, p. 7.

[2] ĠU C 175, 15.7.1985, p. 21.

[3] ĠU C 87, 9.4.1985, p. 4.

[4] ĠU L 38, 11.2.1974, p. 31.

[5] ĠU L 32, 3.2.1977, p. 1.

[6] ĠU L 86, 6.4.1979, p. 30.

[7] ĠU L 189, 11.7.1986, p. 40.

[8] ĠU L 56, 3.3.1983, p. 31.

[9] ĠU L 386, 31.12.1982, p. 42.

[10] ĠU L 319, 29.11.1984, p. 13.

[11] ĠU L 213, 21.7.1982, p. 8.

--------------------------------------------------