31986L0217

Id-Direttiva tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 1986 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar il-gauges tal-pressjoni tat-tajer għall-vetturi bil-mutur

Official Journal L 152 , 06/06/1986 P. 0048 - 0051
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 15 P. 0158
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 15 P. 0158
CS.ES Chapter 13 Volume 008 P. 148 - 151
ET.ES Chapter 13 Volume 008 P. 148 - 151
HU.ES Chapter 13 Volume 008 P. 148 - 151
LT.ES Chapter 13 Volume 008 P. 148 - 151
LV.ES Chapter 13 Volume 008 P. 148 - 151
MT.ES Chapter 13 Volume 008 P. 148 - 151
PL.ES Chapter 13 Volume 008 P. 148 - 151
SK.ES Chapter 13 Volume 008 P. 148 - 151
SL.ES Chapter 13 Volume 008 P. 148 - 151


Id-Direttiva tal-Kunsill

tas-26 ta' Mejju 1986

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar il-gauges tal-pressjoni tat-tajer għall-vetturi bil-mutur

(86/217/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunitajiet Ekonomiċi Ewropej, u partikolarment l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi f'diversi Stati Membri il-kostruzzjoni u l-metodi ta' kontroll tal-gauges tal-pressjoni maħsuba biex ikejlu l-pressjoni ta' l-infiħ tat-tajers tal-vetturi bil-mutur huma soġġetti għal dispożizzjonijiet obbligatorji li huma differenti minn Stat Membru wieħed għal ieħor u li konsegwentement ifixklu kummerċ f'dawn l-istrumenti; billi għalhekk huwa meħtieġ li jkunu approssimati dawk id-dispożizzjonijiet;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 71/316/KEE tas-26 ta' Lulju 1971 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar id-dispożizzjonijiet komuni kemm għall-istrumenti tal-kejl u metodi ta' kontroll metroloġiku [4], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 83/575/KEE [5], iddefiniet il-proċeduri ta' l-approvazzjoni tal-mudell KEE u tal-verifiki inizjali; billi, skond dik id-Direttiva, jeħtieġ li jkunu stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar il-manifattura u l-operazzjoni li għandhom jissodisfaw il-gauges tal-pressjoni tat-tajers tal-vetturi bil-mutur biex ikunu jistgħu ikunu importati, mqiegħda fis-suq u użati liberament wara li jkunu għaddew mill-kontrolli u jkollhom imwaħħlin fuqhom il-marki u s-sinjali li hemm provvediment għalihom,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-gauges tal-pressjoni maħsuba biex titkejjel il-pressjoni ta' infiħ tat-tajers tal-vetturi bil-mutur, kif definit fit-taqsima 1 ta' l-Anness.

L-Artikolu 2

L-apparat ta' l-infiħ tat-tajer eliġibbli għall-marki u sinjali KEE huwa deskritt fl-Anness. Għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE u l-verifika inizjali tal-KEE taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.

L-Artikolu 3

L-ebda Stat Membru ma jista' jirrifjuta, jipprojbixxi jew jirrestrinġi t-tqegħid fis-suq u d-dħul fis-servizz ta' apparat ta' l-infiħ tat-tajers għal raġunijiet ta' kwalitajiet metroloġiċi tiegħu jekk ikollu s-sinjal ta' approvazzjoni tal-mudell tal-KEE u l-marka ta' verifika inizjali tal-KEE.

L-Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva 18-il xahar wara n-notifika tad-Direttiva [6].

L-Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-26 ta' Mejju 1986.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Braks

[1] ĠU C 356, tal-31.12.1980, p. 17.

[2] ĠU C 287, tad-9.11.1981, p. 135.

[3] ĠU C 189, tat-30.7.1981, p. 10.

[4] ĠU L 202, tas-6.9.1971, p. 1.

[5] ĠU L 332, tat-28.11.1983, p. 43.

[6] Din id-Direttiva kienet innotifikata lill-Istati Membri fit-30 ta' Mejju 1986.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

1. Kamp ta' applikazzjoni

Għall-iskopijiet ta' dan l-Anness, "gauges tal-pressjoni tat-tajer "huma strumenti li m'għandhomx apparat ta" settjar minn qabel użati f'istallazzjonijiet fissi jew mobbli għall-infiħ tat-tajers tal-vetturi bil-mutur fejn sistema mekkanika ta' kejl tittrasmetti d-deformazzjoni elastika ta' element riċevitur għall-apparat indikatur.

Jindikaw id-differenza fil-pressjoni (Pe) bejn l-arja fit-tajer u l-atmosfera.

Jinkludi wkoll dawk il-partijiet kollha bejn it-tajer u l-element riċevitur.

2. Ħtiġiet metroloġiċi

2.1. Żbalji massimi permissibbli

L-iżbalji massimi permissibbli posittivi jew negattivi mogħtija fit-tabella hawn taħt huma definiti bħala valuri assoluti skond il-pressjoni mkejla:

Pressjoni mkejla | Żbalji massimi permissibbli |

ma teċċedix 4 bar | 0,08 bar |

'il fuq minn 4 bar imma ma taqbiżx 10 bar | 0,16 bar |

'il fuq minn 10 bar | 0,25 bar |

L-iżbalji massimi permissibbli m'għandhomx jinqabżu fil-medda bejn 15 sa 25 °C. Din il-medda hija minn hawn 'il quddiem msejjħa "il-medda ta' riferenza tat-temperatura"

2.2. Varjazzjoni minħabba t-temperatura

Il-varjazzjoni fil-qari ta' gauge tal-pressjoni f'temperaturi li huma barra l-medda ta' riferenza imma bejn -10 °C u + 40 °C tingħata fit-tabella ta' hawn taħt:

Pressjoni mkejla | Varjazzjoni massima permissibbli |

ma teċċedix 4 bar | 0,1 % ta' 4 bar kull grad Celsius |

'il fuq minn 4 bar imma ma taqbiżx 10 bar | 0,05 % ta' 10 bar kull grad Celsius |

'il fuq minn 10 bar | 0,05 % tal-limitu fin-naħa ta' fuq ta' l-iskala kull grad Celsius |

2.3. Żball ta' l-istereżi

Żball ta' l-istereżi fil-gauges tal-pressjoni m'għandux jeċċedi l-valur assolut ta' l-iżball massimu permissibbli, f'kull temperatura fil-medda tar-referenza tat-temperatura. Din it-temperatura għandha tibqa' kostanti matul it-test.

Għall-pressjoni partikolari, il-valur mkejjel għal pressjoni li tiżdied m'għandux jaqbeż il-valur mkejjel għall-pressjonijiet li jonqsu.

2.4. It-treġġigħ lura ta' l-indiċi ta' l-istrument għall-marka predeterminata

Fil-pressjoni atmosferika, l-indiċi tal-gauge tal-pressjoni għandu jieqaf biswit il-marka taż-żero jew biswit marka predeterminata differenzjata b'mod ċar mill-intervalli ta' l-iskala, fil-limiti ta' l-iżball massimu permissibbli. Gauge tal-pressjoni jista' jkollu waqfa f'distanza li tikkorrespondi ta' lanqas għad-doppju tal-valur ta' l-iżball massimu permissibbli taħt iż-żero jew taħt il-marka predeterminata.

3. Ħtiġiet tekniċi

3.1. Kostruzzjoni

Gauges tal-pressjoni għandhom ikunu mibnija b'saħħithom u bir-reqqa biex ikun żgurat li jżommu l-karatteristiċi metroloġiċi tagħhom.

3.2. Apparat indikatur

3.2.1. Apparat indikatur huwa gradwat f'bar, bil-valur ta' l-intervalli ta' l-iskala jkun iffissat f'0,1 bar.

3.2.2. Fil-medda tal-kejl, l-apparat indikatur għandu jagħmilha possibbli li jinqara, direttament u b'mod preċiż, il-valur tal-pressjoni mkejla. Għal dan il-għan, il-ħxuna tal-parti ta' l-indiċi li jkopri l-marki ta' l-iskala m'għandhiex tkun aktar mill-ħxuna tal-marki ta' l-iskala nnifishom. L-indiċi għandu jkun kapaċi li jkopri bejn wieħed u ieħor nofs it-tul ta' l-iqsar marki ta' l-iskala. Id-distanza massima bejn l-indiċi u l-pjan tal-marki ta' l-iskala m'għandiex tkun akbar mit-tul tad-diviżjoni ta' l-iskala u m'għandha fl-ebda każ taqbeż 2 mm jew 0,02 L + 1 mm fil-każ ta' apparat indikatur bil-wiċċ ċirkolari (L tkun id-distanza bejn l-assi ta' rotazzjoni ta' l-indikatur u l-estremità tiegħu).

3.2.3. L-intervalli ta' l-iskala għandhom ikunu ugwali tul l-iskala kollha. L-ispazjar ta' l-iskala, li m'għandhomx ikunu anqas minn 1,25 mm, għandhom ikunu jew virtwalment ugwali jew juru biss varjazzjonijiet żgħar. Hija permessa varjazzjoni ta' l-ispazjar ta' l-iskala jekk id-differenza bejn żewġ spażji ta' l-iskala konsekuttivi ma taqbiżx 20 % ta' l-akbar valur u jekk id-differenza bejn l-iżgħar u l-akbar spażji ta' l-iskala ma taqbiżx 50 % ta' l-akbar valur.

Kull ħames marka għandha tkun distinta mill-oħrajn bl-akbar tul tagħha, kull ħames jew għaxar marka għandha tkun innumerata. Il-ħxuna tal-marki għandha tkun prattikament kostanti u ma għandhiex taqbeż kwint (1/5) ta' l-ispazjar ta' l-iskala.

4. Iskrizzjonijiet u marki

4.1. Iskrizzjonijiet

4.1.1. Iskrizzjonijiet obbligatorji

Gauges tal-pressjoni għandu jkollhom l-iskrizzjonijiet li ġejjin:

(a) fuq il-wiċċ:

- is-simbolu għall-kwantità mkejla, Pe,

- is-simbolu għall-unità tal-kejl, bar,

- fejn meħtieġ, sinjal li jindika l-pożizzjoni tat-tħaddim ta' l-istrument;

(b) fuq il-wiċċ, id-data plate jew fuq l-istrument inniffsu:

- partikolaritajiet ta' identifikazzjoni tal-fabbrikant,

- partikolaritajiet ta' identifikazzjoni ta' l-istrument,

- il-marka ta' approvazzjoni tal-mudell tal-KEE.

Dawn l-iskrizzjonijiet għandhom ikunu direttament viżibbli, jinqraw malajr u indelibbli taħt kondizzjonijiet normali ta' użu u m'għandhomx itellfu l-qari ta' l-indikazzjonijiet ta' l-istrument.

4.1.2. Iskrizzjonijiet fakoltattivi

Gauges tal-pressjoni jistgħu iġorru iskrizzjonijiet addizzjonali awtorizzati mill-awtorità nazzjonali kompetenti, sakemm ma jimpedixxux il-qari ta' l-indikazzjonijiet ta' l-istrument.

4.2. Marki ta' verifika u ta' siġillar

Post adatt għandu jkun provdut għat-twaħħil tal-marki ta' verifika inizjali tal-KEE.

Il-gauges tal-pressjoni għandhom ikunu kapaċi li jkunu siġillati b'mod li jagħmilha impossibbli li jkunu mibdula l-karatteristiċi ta' l-istrument.

5. Marka ta' approvazzjoni tal-mudell tal-KEE

L-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE tal-gauges tal-pressjoni għandhom isiru skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 71/361/KEE.

Ta' l-anqas żewġ gauges tal-pressjoni għandhom ikunu sottomessi għall-eżami meta issir applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-mudell. L-awtorità nazzjonali kompetenti tista' titlob għall-gauges tal-pressjoni addizzjonali, skond il-progress tat-testijiet.

5.1. Verifika tal-konformità mal-ħtiġiet tekniċi u metroloġiċi

Gauges tal-pressjoni sottomessi għall-approvazzjoni tal-mudell tal-KEE għandhom jgħaddu minn eżami biex jiżguraw li jikkonformaw mal-ħtiġiet tekniċi stabbiliti fit-taqsimiet 2, 3 u 4. L-eżami jikkomprendi t-testijiet li ġejjin, li huma mwettqa permezz ta' gauges tal-pressjoni ta' riferenza li l-iżbalji tagħhom m'għandhomx jaqbżu kwart (1/4) ta' l-iżbalji massimi permissibbli għall-gauges tal-pressjoni eżaminati.

5.1.1. Determinazzjoni ta' l-iżball ta' l-istrument

Il-qari tal-gauge tal-pressjoni huma verifikati f'ta' lanqas f'ħames punti (inkluż punt ħdejn il-limiti ta' fuq u t'isfel tal-medda tal-kejl) distribwiti uniformement ma' l-iskala.

5.1.2. Determinazzjoni ta' l-iżball ta' l-istereżi

Dan it-test għandu jkun eżegwit biss fuq strumenti li, f'użu normali, huma disinjati biex ikejlu pressjonijiet li jonqsu.

It-test jikkonsisti fil-qari f'ta' lanqas f'ħames punti tal-gauge tal-pressjoni (inkluż punt ħdejn il-limiti ta' fuq u t'isfel tal-medda tal-kejl) distribwiti uniformement ma' l-iskala, f'valuri ta' pressjoni li tiżdied u li tonqos.

Fil-każ ta' valuri li jonqsu, il-qari għandu jsir wara l-gauge ta' pressjoni tkun inżammet fi pressjoni ndaqs għal-limitu ta' fuq tal-medda tal-kejl għall-20 minuta.

5.1.3. Eżami ta' l-istabbilità tal-propjetajiet tal-gauges tal-pressjoni

It-testijiet jikkonsistu fl-assoġġettar tal-gauges tal-pressjoni għal:

(a) pressjoni li taqbeż il-limitu ta' fuq tal-medda tal-kejl b'25 % għal 15-il minuta;

(b) 1000 pulse prodotti b'pressjoni li tvarja minn 0 sa 90-95 % tal-limitu ta' fuq tal-medda tal-kejl;

(ċ) 10000 ċikli tal-pressjoni li tvarja bil-mod minn bejn wieħed u ieħor 20 % sa bejn wieħed u ieħor 75 % tal-limitu ta' fuq tal-medda ta' kejl fi frekwenza li ma taqbiżx 60 ċiklu kull minuta;

(d) temperatura ta' l-ambjent ta' - 20º C għal sitt sigħat u temperatura ta' + 50 °C għall-sitt sigħat.

Mat-tlestija tat-testijiet (a), (b) u (ċ) u wara li jitħallew joqogħdu għall-siegħa, il-gauges tal-pressjoni għandhom jissodisfaw il-ħtiġiet provduti fit-taqsimiet 2.1, 2.3 u 2.4.

Mat-tlestija tat-test tat-temperatura msemmija f'(d), il-gauges tal-pressjoni għandhom jitħallew joqogħdu f'temperatura fil-medda tat-temperatura ta' referenza għal sitt sigħat. Wara dan il-perjodu, il-gauges tal-pressjoni għandhom jissodisfaw il-ħtiġiet provduti fit-taqsimiet 2.1, 2.3 u 2.4.

5.1.4. Varjazzjoni minħabba t-temperatura

It-test jikkonsisti fid-determinazzjoni tal-bidla fil-qari ta' pressjoni partikolari f'temperaturi ta' - 10 °C u + 40 °C paragunata mal-qari fil-medda ta' referenza tat-temperatura.

6. Verifika inizjali tal-KEE

Il-verifika inizjali tal-KEE tal-gauges tal-pressjoni għandha ssir skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 71/316/KEE.

6.1. Eżami ta' konformità

Dan l-eżami għandu jikkonsisti fil-verifika tal-konformità tal-gauge tal-pressjoni mal-mudell approvat.

6.2. Testijiet ta' verifika

Dawn it-testijiet huma mwettqa permezz ta' gauges tal-pressjoni ta' riferenza li l-iżbalji tagħhom m'għandhomx jaqbżu kwart (1/4) ta' l-iżbalji massimi permissibbli għall-gauges tal-pressjoni mibgħuta għall-verifika.

6.2.1. Determinazzjoni ta' l-iżbalji

Qari tal-gauge tal-pressjoni huma verifikati f'minn ta' lanqas tliet punti distribwiti uniformement matul il-medda tal-kejl.

6.2.2. Determinazzjoni ta' l-iżball ta' l-istereżi

Żball ta' l-istereżi għandu jkun verifikat biss fil-każ ta' gauges ta' pressjoni li jistgħu jkejlu l-pressjoni li tikber u tonqos skond il-punt 2.3.

It-test rilevanti jikkonsisti fil-qari f'ta' lanqas fi tliet punti tal-gauge tal-pressjoni, distribwiti uniformement mal-medda tal-kejl, f'valuri ta' pressjoni li jiżdiedu u li jonqsu. It-test għandu jsir taħt kondizzjonijiet normali ta' użu.

--------------------------------------------------