31986D0474



Official Journal L 279 , 30/09/1986 P. 0055 - 0056
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 22 P. 0005
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 22 P. 0005


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-11 ta’ Settembru 1986

dwar l-implimentazzjoni ta’ l-ispezzjonijiet fuq il-post li jridu jitwettqu dwar l-importazzjoni ta’ annimali ta’ l-ifratt u majjali u laħam frisk minn pajjiżi mhux membri

(86/474/KEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 72/462/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1972 dwar il-problemi ta’ ispezzjonijiet dwar is-saħħa u dawk veterinarji fl-importazzjoni ta’ annimali ta’ l-ifrat u majjali u laħam frisk minn pajjiżi terzi [1], kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3768/85 [2], u partikolarment bl-Artikolu 5 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 77/96/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1972 dwar l-eżami għat-trichinae (trichinella spiralis) fl-importazzjoni minn pajjżi terzi ta’ laħam frisk li jiġi minn majjali domestiċi [3], kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3768/85, u partikolarment bl-Artikolu 6 tiegħu,

Billi permezz tad-Deċiżjoni 83/196/KEE tat-8 ta’ April 1983 dwar l-ispezzjonijiet fuq il-post li jridu jitwettqu fl-importazzjoni ta’ annimali ta’ l-ifrat, majjali u laħam frisk minn pajjiżi mhux membri [4], il-Kummissjoni proviżorjament ippreskriviet il-kondizzjonijiet għal spezzjonijiet Komunitarji; billi, fid-dawl ta’ l-esperjenza sodisfaċenti miksuba matul spezzjonijiet fuq il-post, ikun siewi li jiġu ffissati l-metodi ta’ kontroll definittivament;

Billi l-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju Permanenti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

L-Artikolu 1

1. Taħt id-direzzjoni tal-Kummissjoni, esperti veterinarji mill-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iwettqu spezzjonijiet veterinarji fuq il-post, sabiex jivverifikaw jekk id-dispożizzjonijiet tad- Direttiva 72/462/KEE, u partikolarment ta’ l-Artikolu 3(2) tagħha, humiex qed jiġu applikati fil-prattika. Dawn l-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu kull tlett snin f’ kull pajjiż li jidher fuq il-lista mfassla skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva msemmija.

Madankollu, jekk raġunijiet ta’ saħħa ta’ l-annimal jirrekjedu hekk, il-Kummissjoni tista’, wara konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri fil-Kumitat Permanenti Veterinarju, tippostponi jew tressaq ‘il quddiem ċerti spezzjonijiet jew twettaq iżjed spezzjonijiet.

2. Esperti veterinarji mill-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iwettqu, taħt id-direzzjoni tal-Kummissjoni, spezzjoni veterinarja fil-pajjiż jew il-pajjiżi kkonċernati qabel ma proposta għal Deċiżjoni biex tiġi supplimentata l-lista mfassla skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/462 tkun sottomessa lill-Kumitat Veterinarju Permanenti.

3. Fuq it-talba partikolari ta’ Stat Membru, esperti veterinarji mill-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jwettqu, taħt id-direzzjoni tal-Kummissjoni, spezzjoni veterinarja fil-pajjiż jew pajjżi ikkonċernati qabel ma jissottomettu proposta għal Deċiżjoni lill-Kumitat Veterinarju Permanenti:

- li temenda l-lista mfassla skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/462/KEE;

- li tawtorizza l-bidu mill-ġdid ta’ importazzjoni ta’ annimali jew laħam frisk skond l-Artikolu 28(4) tad-Direttiva 72/462/KEE

- dwar il-miżuri li jridu jittieħdu jekk osservazzjonijiet, magħmula matul l-ispezzjoni veterinarja ma’ l-importazzjoni ta’ annimali ta’ l-ifrat jew majjali skond l-Artikolu 12, jew ta’ laħam frisk skond l-Artikoli 23 u 24 tad-Direttiva 72/462/KEE, jew xi tagħrif ieħor li saru jafu bih il-Kummissjoni, jindikaw li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva msemmija fuq jew il-miżuri li jimplimentawhom mhumiex qed jiġu mħarsa, jew jitfgħu’ dubju dwar jekk l-approvazzjoni għandhiex tibqa’ tingħata.

L-Artikolu 2

1. Taħt id-direzzjoni tal-Kummissjoni, esperti veterinarji mill-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iwettqu spezzjonijiet fuq il-post dwar is- saħħa sabiex jivverifikaw jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 72/462/KEE, u partikolarment l-Artikolu 4(2) u (3) tagħha, u tad-Direttiva 77/96/KEE humiex qed jiġu applikati fil-prattika. Dawn l-ispezzjonijiet għandhom b’kollox jitwettqu mill-inqas darba fis-sena fil-biċċeriji kollha, fl-impjanti tat-tqattigħ kollha u fl-imħażen tas-silġ kollha li jinstabu barra minn biċċerija jew impjant tat-tqattigħ, li jidhru fuq waħda mill-listi mfassla skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 72/464/KEE jew l-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/96/KEE.

Jekk, madankollu, raġunijiet ta’ saħħa hekk jitolbu, il-Kummisjoni tista’, wara konsultazzjonijiet ma’ l-Istati Membri fil-Kumitat Veterinarju Permanenti,

- tippostponi jew tressaq ‘il quddiem ċerti spezzjonijiet, jew twettaq iżjed spezzjonijiet;

- tbiddel dawn l-ispezzjonijiet sistematiċi bi spezzjonijiet kampjunarji.

2. Esperti veterinarji mill-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom, taħt id-direzzjoni tal-Kummissjoni, jissuġġettaw lill-impriża jew l-impriżi kkonċernati għal spezzjoni dwar is- saħħa fuq il-post qabel proposta għal Deċiżjoni biex tiġi supplimentata waħda mill-listi mfassla skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 72/462/KEE jew l-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/96/KEE tkun sottomessa lill-Kumitat Veterinarju Permanenti.

3. Fuq it-talba partikolari ta’ Stat Membru, esperti veterinarji mill-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu, taħt id-direzzjoni tal-Kummissjoni, jissuġġettaw lill-impriża jew l-impriżi kkonċernati għal spezzjoni dwar is-saħħa fuq il-post qabel ma jissottomettu proposta għal Deċiżjoni lill-Kumitat Veterinarju Permanenti:

- li temenda waħda mill-listi mfassla skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 72/462/KEE jew l-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/96/KEE;

- dwar il-miżuri li jridu jittieħdu jekk osservazzjonijiet, magħmula matul l-ispezzjoni dwar is-saħħa ma’ l-importazzjoni, skond l-Artikolu 24 tad-Direttiva 72/462/KEE, jew xi tagħrif ieħor li saret taf bih il-Kummissjoni, juru li d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 72/462/KEE u 77/96/KEE jew id-dispożizzjonijiet li jimplimentawhom mhumiex qed jiġu mħarsa u joħolqu dubju dwar jekk l-approvazzjoni għandhiex tibqa’ tingħata.

L-Artikolu 3

F’ kull każ, wara konsultazzjonijiet ma’ l-Istati Membri jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi n-numru u l-kwalifiki ta’ l-esperti veterinarji li taħtar biex iwettqu l-ispezzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 1,2 u 4. Għall-inqas espert wieħed minn Stat Membru għandu jipparteċipa f’missjonijiet magħmula biex jitwettqu l-ispezzjonijiet previsti fl-Artikoli 1,2 u 4 (2).

L-Artikolu 4

1. L-ispezzjonijiet previsti fl-Artikoli 1 u 2 jistgħu jitwettqu minn esperti veterinarji stazzjonati barra mill-pajjiż għal perjodu massimu ta’ tlett snin.

2. Mill-inqas darba f’ sena għandhom jiġu megħjuna minn esperti veterinarji oħra fit-twettieq ta’ proporzjon mill-ispezzjonijiet msemmija fuq.

L-Artikolu 5

1. Esperti veterinarji mill-Istati Membri, li għandhom jinħatru mill-Kummissjoni skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 72/462/KEE, għandhom jaġixxu taħt id-direzzjoni tal-Kummissjoni. Ma jistgħux taħt l-ebda ċirkostanza jagħmlu użu għal għanijiet personali minn xi tagħrif akkwistat fil-kors ta’ l-ispezzjonijiet, jew jagħtu tagħrif bħal dan lil xi persuna barra mis-servizzi kompetenti.

2. Esperti veterinarji mill-Istati Membri għandu jkollhom l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar u l-ispejjeż biex jgħixu mħallsa mill-Kummissjoni, skond ir-regoli għal ħlas lura ta’ spejjeż ta’ vjaġġar u għall-għixien imħallsa minn persuni barra mill-Kummissjoni li huma msejjħa mill-Kummissjoni biex jaġixxu bħala esperti.

L-Artikolu 6

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri, permezz ta’ rapporti bil-miktub fil-Kumitat Veterinarju Permanenti bir-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet, partikolarment fejn dawn jindikaw li l-lista jew listi msemmijin fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 72/462/KEE u fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 77/96/KEE għandhom jiġu supplimentati jew emendati skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 72/462/KEE.

F’ każijiet urġenti l-Istati Membri jistgħu jiġu mgħarrfa wkoll verbalment jew permezz ta’ telex.

L-Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta qabel l-1 ta’ Jannar 1992.

L-Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, fil-11 ta’ Settembru 1986.

Għall-Kummissjoni

Frans Andriessen

Viċi-President

[1] ĠU L 302, tal-31.12.1972, p. 28.

[2] ĠU L 362, tal-31.12.1985, p. 8.

[3] ĠU L 26, tal-31.1.1977, p. 67.

[4] ĠU L 108, tas-26.4.1983, p. 18.

--------------------------------------------------