31984L0386



Official Journal L 208 , 03/08/1984 P. 0058 - 0058
Finnish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0122
Spanish special edition: Chapter 09 Volume 1 P. 0170
Swedish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0122
Portuguese special edition Chapter 09 Volume 1 P. 0170


L-Għaxar Direttiva tal-Kunsill

tal-31 ta' Lulju 1984

fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, li jemenda d-Direttiva 77/388/KEE - Applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-kiri ta' proprjetà mobbli tanġibbli

(84/386/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 99 u 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra s-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 li tirrigwarda l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi għaċ-ċaqliq ta' flus - Dwar is-sistema Komuni tat-taxxa fuq il-valur mizjud: bażi uniformi ta' stima [1],

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [4],

Billi, skond l-Artikolu 4(2) ta' l-imsemmija Direttiva, il-kiri ta' proprjetà mobbli tanġibbli tista’ tikkostitwixxi attività ekonomika soġġetta għal taxxa fuq il-valur miżjud;

Billi l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 9(1) ta' l-imsemmija Direttiva għall-kera ta' proprjetà mobbli tanġibbli tista’ jwassal għal tgħawwiġ sostanzjali fil-kompetizzjoni fejn min jagħti b'kera u min jikri huma stabbiliti fi Stati Membri differenti u r-rati ta' taxxa f'dawk l-Istati jvarjaw minn xulxin;

Billi huwa għaldaqstant neċessarju li jiġi stabbilit illi l-post fejn servizz jingħata hu l-post fejn il-konsumatur ikun waqqaf il-kummerċ tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss illi għalih is-servizz ikun ingħata, jew, għaldaqstant fin-nuqqas, il-post fejn għandu indirizz permanenti jew fejn normalment joqgħod;

Billi, madankollu, f'dak li għandu x'jaqsam mal-kiri ta' mezzi tal-ġarr, l-Artikolu 9(1) għandu, għal raġunijiet ta' kontroll, jiġi applikat strettament, billi l-post fejn il-provveditur waqqaf il-kummerċ tiegħu jiġi trattat bħala l-post fejn is-servizzi jingħataw;

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Direttiva 77/388/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 9(2)(d) huwa mħassar;

2. L-Artikolu 9(2)(e) huwa miżjud b'dan l-inċiż li ġej:

"- il-kiri ta' proprjetà mobbli tanġibbli, bl-eċċezzjoni tat-tipi kollha tal-ġarr.";

3. L-Artikolu 9(3), "u l-kiri ta' proprjetà mobbli tanġibbli" jinbidel b'dan li ġej;"u l-kiri ta' tipi ta' trasport"

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-miżuri neċessarji li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-1 ta' Lulju 1985.

2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bid-disposizzjonijiet li huma sejrin jadottaw bl-iskop li tiġi applikata din id-Direttiva. Il-Kummissjoni sejra tinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar dan.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, il-31ta’ Lulju 1984.

Għall-Kunsill

Il-President

J. O'Keeffe

[1] ĠU L 145, tat-13.6.1977, pġ. 1.

[2] ĠU C 116, tad-9.5.1979, pġ. 4.

[3] ĠU C 4, tas-7.1.1980, pġ. 63.

[4] ĠU C 297, tat-28.11.1979, pġ. 16.

--------------------------------------------------