Official Journal L 188 , 16/07/1984 P. 0020 - 0025
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 4 P. 0199
Spanish special edition: Chapter 15 Volume 5 P. 0043
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 4 P. 0199
Portuguese special edition Chapter 15 Volume 5 P. 0043
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 1984 dwar il-ġlieda kontra t-tniġġiż fl-arja mill-impjanti industrijali (84/360/EEC) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 100 u 235 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3], Billi l-programmi ta’ azzjoni tas-snin 1973 [4], 1977 [5] u 1983 [6] tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-ambjent jenfasizzaw l-importanza tal-prevenzjoni u tat-tnaqqis tat-tniġġis ta’ l-arja; Billi l-programmi ta’ azzjoni tas-sena 1973 u tas-sena 1977 jipprovdu b’mod partikolari mhux biss għal stima oġġettiva tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall ambjent mit-tniġġiż ta’ l-arja iżda wkoll għall-formolazzjoni tal-miri ta’ kwalità u sabiex jiġu stabbiliti standards ta’ kwalità b’mod speċjali għal numru ta’ inkwinanti ta’ l-arja meqjusa bħala l-iktar ta’ riskju; Billi l-Kunsill diġà adotta numru ta’ Direttivi taħt dawn il-programmi; Billi, barra minn hekk, skond id-Deċiżjoni 81/462/KEE [7], il-Komunità hija parti fil-Konvenzjoni dwar it-tniġġis ta’ l-arja li jaqsam il-fruntieri u li jwassal fil-bogħod; Billi l-programm ta’ azzjoni tas-sena 1983, li l-linji-gwida ġenerali tiegħu ġew approvati mill-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej u mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-laqgħa tagħhom fil-Kunsill, jipprevedi illi l-Kummissjoni tissokta fl-isforzi tagħha sabiex tistabbilixxi standards ta’ kwalità għall-arja u li, meta xieraq, għandhom jiġu stabbiliti standards għall-emissjonijiet minn ċerti tipi ta’ sorsi; Billi l-Istati Membri kollha għandhom liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-ġlieda kontra t-tniġġiż fl-arja minn impjanti stazzjonarji; billi numru ta’ Stati Membri huma fil-proċess li jemendaw id-dispożizzjonijiet eżistenti; Billi d-disparitajiet bejn id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-ġlieda kontra t-tniġġis ta’ l-arja minn stallazzjonijiet industrijali, fil-preżent fis-seħħ jew fil-proċess li jiġu emendati, fl-Istati Membri differenti x’aktarx li joħolqu kondizzjonijiet inugwali ta’ kompetizzjoni u għalhekk ikollhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq komuni; billi, għalhekk, huwa meħtieġ it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet f’dan il-qasam, kif provvdut b’L-Artikolu 100 tat-Trattat; Billi wieħed mill-kompiti essenzjali tal-Komunità huwa li tippromwovi fil-Komunità intiera l-iżvilupp armonjuz ta’ l-attivitajiet ekonomiċi u t-tkabbir kontinwu u bilanċjat, kompiti mhux konċepibbli fin-nuqqas ta’ kampanja sabiex jiġu kumbattuti t-tniġġiż u l-irritazzjoni jew għal titjib fil-kwalità tal-ħajja u fil-ħarsien ta’ l-ambjent; Billi l-Komunità għandha, u trid bil-fors tgħin li tiżdied l-effettività ta’ l-azzjoni midħula għaliha mill-Istati Membri sabiex jikkumbattu t-tniġġiż ta’ l-arja minn impjanti industrijali stazzjonarji; Billi sabiex jinkiseb dan l-iskop għandhom jiddaħħlu ċerti prinċipji li jimmiraw li jimplimentaw serje ta’ miżuri u ta’ proċeduri ddisinjati sabiex jipprevjenu u jnaqqsu t-tniġġis ta’ l-arja mill-impjanti industrijali ġewwa l-Komunità; Billi l-isforzi tal-Komunità sabiex jiddaħħlu dawn il-prinċipji jistgħu jkunu biss bil-mod, meta wieħed iżomm f’moħħu l-komplessità tas-sitwazzjonijiet u l-prinċipji fundamentali li fuqhom huma msejsa l-politiki varji nazzjonali; Billi għall-bidu għandu jiġi mdaħħal qafas ġenerali sabiex jippermetti lill-Istati Membri li jadattaw, fejn meħtieġ, ir-regoli tagħhom eżistenti mal-prinċipji adottati fil-livell Komunitarju; billi l-Istati Membri għandhom għalhekk idaħħlu sistema ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem għax-xogħol u bidla sostanzjali fl-impjanti industrijali li jistgħu jikkawżaw it-tniġġis ta’ l-arja; Billi, barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ma jistgħux joħorġu dawn l-awtorizzazzjonijiet ġaladarba ma jkunux twettqu numru ta’ kondizzjonijiet, inklużi l-ħtieġa li jiġu meħuda l-prekawzjonijiet kollha approprjati, u li x-xogħol ta’ l-impjant ma jwassalx għal livell sinifikanti ta’ tniġġiż ta’ l-arja; Billi għandu jkun possibbli li jiġu applikati dispożizzjonijiet speċjali fiż-żoni mniġġsa b’mod partikolari u fiż-żoni li jeħtieġu protezzjoni speċjali; Billi r-regoli li japplikaw għall-proċeduri ta’ l-awtorizzazzjoni u sabiex jistabbilixxu l-emissjonijiet iridu jissodisfaw ċerti ħtiġiet; Billi f’ċerti sitwazzjonijiet l-awtoritajiet kompetenti jridu jesploraw il-ħtieġa li jimponu iktar ħtiġiet, li, madankollu, ma jridux jirriżultaw fi spejjeż eċċessivi għall-impriża interessata; Billi d-dispożizzjonijiet meħuda skond din id-Direttiva jridu jiġu applikati bil-mod il-mod għall-impjanti eżistenti, filwaqt li jitqiesu l-fatturi tekniċi u l-effetti ekonomiċi; Billi d-dispożizzjonijiet iridu jsiru f’kooperazzjoni bejn l-Istati Membri nfushom u mal-Kummissjoni sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-miżuri ddisinjati sabiex jipprevjienu u jnaqqsu t-tniġġiż ta’ l-arja u jiżviluppaw teknoloġija preventiva, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Il-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jipprovdi iktar miżuri u proċeduri ddisinjati sabiex jipprevjienu jew inaqqsu t-tniġġis ta’ l-arja mill-impjanti industrijali ġewwa l-Komunità, b’mod partikolari dawk li jappartjienu għall-kategoriji dikjarati f’L-Anness I. Artikolu 2 Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva: 1. "Tniġġiż ta’ l-arja" jfisser it-tidħil mill-bniedem, direttament jew indirettament, ta’ sustanzi jew ta’ enerġija fl-arja li jirriżultaw f’effetti ta’ ħsara ta’ natura hekk li jipperikolaw saħħet il-bniedem, jagħmlu ħsara lill-organiżmi ħajjin u lill-eko-sistemi u lill-proprjetà materjali jew li jfixklu l-amenitajiet u l-użi leġittimi oħra ta’ l-ambjent. 2. "Impjant" ifisser kull stabbiliment jew impjant ieħor stazzjonarji wżati għall-finijiet ta’ l-utilitajiet industrijali jew pubbliċi, li x’aktarx jikkawżaw it-tniġġiż ta’ l-arja. 3. "Impjant eżistenti" ifisser impjant li kien jaħdem qabel l-1 ta’ Lulju 1987 jew mibni jew awtorizzat qabel din id-data. 4. "Valuri tal-limitu tal-kwalità ta’ l-arja" jfissru l-konċentrazzjoni tas-sustanzi tat-tniġġiż fl-arja matul perjodu speċifikat taż-żmien li ma jistax jiġi maqbuż. 5. "Valuri tal-limitu ta’ l-emissjonijiet" ifissru l-konċentrazzjoni u/jew il-massa tas-sustanzi ta’ tniġġiż fl-emissjonijiet mill-impjanti matul il-perjodu speċifikat taż-żmien li ma jistax jinqabeż. Artikolu 3 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi x-xogħol ta’ l-impjanti li jappartijienu għall-kategoriji elenkati f’L-Anness I ikunu jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti. Il-ħtieġa li jiġu sodisfatti l-ħtiġiet stabbiliti għal din l-awtorizzazzjoni trid titqies fl-istadju tad-disinn ta’ l-impjant. 2. L-awtorizzazzjoni tinħtieġ ukoll fil-każ ta’ bdil sostanzjali fl-impjanti kollha li jappartjienu għall-kategoriji elenkati f’L-Anness I jew li, bħala riżultat tal-bdil, iridu jidħlu f’dawn il-kategoriji. 3. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu illi kategoriji oħra ta’ impjanti jkunu bla ħsara għal awtorizazzjoni jew, fejn il-leġislazzjoni nazzjonali hekk tipprovdi, għal notifika minn qabel. Artikolu 4 Mingħajr preġudizzju għall-ħtiġiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji b’għan ieħor għajr dak ta’ din id-Direttiva, awtorizzazzjoni tista’ tinħareġ biss meta l-awtorità kompetenti tkun sodisfatta illi: 1. ikunu ttieħdu l-miżuri kollha approprjati kontra t-tniġġiż ta’ l-arja, inkluża l-applikazzjoni ta’ l-aħjar teknoloġija disponibbli, sakemm l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri ma tisfax fi spejjeż eċċessivi; 2. l-użu ta’ l-impjant ma jikkawżax tniġġis sinifikanti ta’ l-arja b’mod partikolari bl-emissjoni tas-sustanzi riferiti f’L-Anness II; 3. ma jrid jinqabeż l-ebda wieħed mill-valuri tal-limitu applikabbli; 4. iridu jitqiesu l-valuri kollha tal-limitu tal-kwalità applikabbli. Artikolu 5 L-Istati Membri jistgħu: - jiddefinixxu ż-żoni partikolarment imniġġsa li għalihom jistgħu jiġu ffissati valuri tal-limitu ta’ l-emissjonijiet iktar stretti minn dawk riferiti fl-Artikolu 4, - jiddefinixxu ż-żoni li jridu jiġu mħarsa b’mod speċjali li għalihom jistgħu jiġu ffissati valuri tal-limitu tal-kwalità għall-arja u valuri tal-limitu għall-emissjonijiet iktar stretti minn dawk riferiti fl-Artikolu 4, - jiddeċiedu illi, fiż-żoni msemmija hawn fuq, ma jistgħux jinbnew jew jitħaddmu l-kategoriji speċifikati ta’ l-impjanti ddikjarati f’L-Anness I għajr jekk jitħarsu ċerti kondizzjonijiet speċjali. Artikolu 6 L-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għandhom jinkludu deskrizzjoni ta’ l-impjant li jkun fiha t-tagħrif meħtieġ għall-għanijiet tad-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tingħata l-awtorizzazzjoni skond l-Artikoli 3 u 4. Artikolu 7 Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-segretezza kummerċjali, l-Istati Membri għandhom jibdlu t-tagħrif bejniethom u mal-Kummissjoni rigward l-esperjenza u t-tagħrif tagħhom dwar miżuri għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġiż ta’ l-arja, kif ukoll proċessi tekniċi u tagħmir tekniku u l-valuri tal-limitu tal-kwalità għall-arja u għall-emissjonijiet. Artikolu 8 1. Il-Kunsill, huwa u jaġixxi bl-unanimità fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiffissa jekk meħtieġ, valuri tal-limitu għall-emissjonijiet imsejsa fuq l-aħjar teknoloġija disponibbli li ma twassalx għal spejjeż eċċessivi u filwaqt li jqis in-natura, il-kwantitajiet u l-ammont ta’ ħsara ta’ l-emissjonijiet involuti. 2. Il-Kunsill, huwa u jaġixxi bl-unanimità fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jistabbilixi l-metodi u l-metodi tat-teknika xierqa tal-kejl u ta’ l-istima. Artikolu 9 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni u d-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti jkunu disponibbli għall-pubbliku interessat skond il-proċeduri provvduti fil-liġijiet nazzjonali. 2. Il-paragrafu 1 għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi nazzjonali jew Komunitarji li jirrigwrdaw l-istima ta’ l-effetti ambjentaali fuq proġetti pubbliċi u privati u bla ħsara għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-segretezza kummerċjali. Artikolu 10 L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Istati Membri interessati, bħala bażi tal-konsultazzjonijiet kollha meħtieġa ġewwa l-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali tagħhom, l-istess tagħrif li jingħata liċ-ċittadini tagħhom. Artikolu 11 L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-emissjonijiet mill-impjanti jiġu stabbiliti bil-għan li jimmonitorjaw il-konformità ma’ l-obbligi riferiti fl-Artikolu 4. Il-metodi dwar kif dawn jiġu stabbiliti jridu jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti. Artikolu 12 L-Istati Membri għandhom isegwu l-iżviluppi rigward l-aħjar teknoloġija disponibbli u s-sitwazzjoni ta’ l-ambjent. Fid-dawl ta’ din l-eżaminazzjoni għandhom, jekk meħtieġ, jimponu l-kondizzjonijiet approprjati fuq l-impjanti awtorizzati skond din id-Direttiva, fuq il-bażi kemm ta’ dawn l-iżviluppi u kemm dwar kemm ikun mixtieq li jiġu evitati spejjeż eċċessivi għall-impjanti involuti, filwaqt li titqies b’mod partikolari l-qagħda ekonomika ta’ l-impjanti li jappartjienu għall-kategorija interessata. Artikolu 13 Fid-dawl ta’ l-eżaminazzjoni ta’ l-iżviluppi rigward l-aħjar teknoloġija disponibbli u s-sitwazzjoni ta’ l-ambjent, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw politiki u strateġiji, inklużi miżuri approprjati, sabiex bil-mod il-mod jaddattaw l-aħjar teknoloġija disponibbli ta’ l-impjanti eżistenti li jappartjienu għall-kategoriji mogħtija f’L-Anness I, filwaqt li jqisu b’mod partikolari: - il-karatteristiċi tekniċi ta’ l-impjant, - ir-rata ta’ l-utilizzazzjoni u t-tul tal-bqija tal-ħajja tiegħu, - in-natura u l-volum ta’ l-emissjonijiet ta’ tniġġiż li joħorġu minnu, - ix-xewqa li ma jidħlux spejjeż eċċessivi għall-impjant interessat, filwaqt li titqies b’mod partikolari l-qagħda ekonomika ta’ l-impriżi li jappartjenu għall-kategorija in kwestjoni. Artikolu 14 L-Istati Membri jistgħu, sabiex jipproteġu s-saħħa pubblika u l-ambjent, jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti minn dawk ipprovvduti f’din id-Direttiva. Artikolu 15 Id-Direttiva ma tapplikax għal dawk l-impjanti industrijali li jservu għanijiet ta’ difiża nazzjonali. Artikolu 16 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 1987. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet li huma jadottaw fil-qasam regolat b’din id-Direttiva. Artikolu 17 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Ġunju 1984. Għall-Kunsill Il-President H. Bouchardeau [1] ĠU C 139, tas-27.5.1983, p. 5. [2] ĠU C 342, tad-19.12.1983, p. 160. [3] ĠU C 23, tat-30.1.1984, p. 27. [4] ĠU C 112, tal-20.12.1973, p. 1. [5] ĠUC 139, tat-13.6.1977, p. 1. [6] ĠU C 46, tas-17.2.1983, p. 1. [7] ĠU L 171, tas-27.6.1981, p. 11. -------------------------------------------------- L-ANNESS I IL-KATEGORIJI TA' L-IMPJANTI [1] (koperti b'L-Artikolu 3) 1. L-Industriji ta' l-enerġija 1.1. Il-Fran tal-kokk 1.2. Ir-Raffineriji taż-żejt (għajr l-impriżi li jiffabbrikaw biss lubrikanti miż-żejt mhux maħdum) 1.3. L-Impjanti li jibdlu l-faħam f'gassijijiet u f'likwidu 1.4. L-Istazzjonijiet tal-qawwa termali (għajr l-istazzjonijiet nukleari) u stallazzjonijiet oħra tal-kombustjoni bi ħruġ nominali ta' sħana ta' iktar minn 50MW. 2. Il-Produzzjoni u l-proċessar tal-metalli 2.1. L-Impjanti ta' l-infurnar u s-sinterizzazzjoni b'kapaċità ta' iktar minn 1000 tunnellata metrika ta' minerali metalliċi fis-sena 2.2. L-Impjanti integrati għall-produzzjoni tal-ħadid mhux maħdum u ta' l-azzar krud 2.3. Il-Funderiji tal-metall tal-ħadid li jkollhom stallazzjonijiet li jdewbu l-metall ta' kapaċità li taqbeż il-5 tunnellati metriċi 2.4. L-Impjanti għall-produzzjoni u t-tidwib ta' metalli mhux tal-ħadid li jkollhom stallazzjonijiet ta' kapaċità totali ta' iktar minn 1 tunnellata metrika għall-metalli tqal jew ta' 0,5 ta' tunnellata metrika għall-metalli ħfief. 3. Il-Fabbrikazzjoni ta' prodotti minerali mhux metalliċi 3.1. L-Impjanti għall-produzzjoni tas-siment u l-produzzjoni tal-ġir bil-forn li jdur 3.2. L-Impjanti għall-produzzjoni u l-proċessar ta' l-asbestos u l-fabbrikazzjoni ta' prodotti msejsa fuq l-asbestos 3.3. L-Impjanti għall-fabbrikazzjoni tal-fibra tal-ħġieġ jew fibri minerali 3.4. L-Impjanti għall-produzzjoni tal-ħġieġ (ordinarju jew speċjali) b'kapaċità ta' iktar minn 5000 tunnellata metrika fis-sena 3.5. L-Impjanti għall-fabbrikazzjoni taċ-ċeramika mhix raffinata/fuħħar notevolment madum/mattonelli reżistenti għas-sħana, tubi/pajpijiet tal-fuħħar, madum tal-ħajt u ta' l-art u madum tas-soqfa. 4. L-Industrija kimika 4.1. L-impjanti kimiċi għall-produzzjoni ta' l-olefini, id-derivattivi ta' l-olefini, il-monomeri u l-polimeri 4.2. L-Impjanti kimiċi għall-fabbrikazzjoni ta' prodotti organiċi intermedji oħra 4.3. L-Impjanti għall-fabbrikazzjoni ta' kimiċi bażiċi inorganiċi. 5. Id-Disponiment mill-iskart 5.1. L-Impjanti tal-ħruq ta' l-iskart tossiku u perikoluż 5.2. L-Impjanti għat-trattament bil-ħruq ta' skart ieħor solidu u likwidu. 6. L-Industriji oħra L-Impjanti għall-fabbrikazzjoni tal-polpa tal-karta b'metodi kimiċi b'kapaċità tal-produzzjoni ta' 25000 tunnellata metrika jew iktar fis-sena. [1] Il-għetiebi mogħtija f'dan l-Anness jirreferu għall-kapaċitajiet tal-produzzjoni. -------------------------------------------------- L-ANNESS II IL-LISTA TAS-SUSTANZI L-IKTAR IMPORTANTI TA' TNIĠĠIŻ (fit-tifsira ta' l-Artikolu 4(2)) 1. Id-dijossidu tal-kubrit u komposti oħra tal-kubrit 2. L-ossidi tan-nitroġenu u komposti oħra tan-nitroġenu 3. Il-monossidu tal-karbonju 4. Il-komposti organiċi, b'mod partikolari l-idro-karboni (għajr il-metanju) 5. Il-metalli tqal u l-komposti tagħhom 6. It-trab; l-asbestos (partikolati u fibri f'sospensjoni), fibri tal-ħġieġ u tal-minerali 7. Il-klorin u l-komposti tiegħu 8. Il-fluworin u l-komposti tiegħu --------------------------------------------------