31983R1981



Official Journal L 195 , 19/07/1983 P. 0037 - 0038
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 28 P. 0122
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 28 P. 0122


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1981/83

tat-18 ta’ Lulju 1983

li jemenda għas-sitt darba r-Regolament (KEE) Nru 1842/81 fir-rigward ta’ l-għoti ta’ rifużjoniiet aġġustati fil-każ ta’ ċereali esportati fil-forma ta’ ċertu xorb spirituż

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2727/75 tad-29 ta’ Ottubru 1975 fuq l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċereali [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1451/82 [2], u partikolarment Artikoli 16(6) u 24 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1188/81 tat-28 ta’ April 1981 li jippreskrivi regoli ġenerali għall-għoti ta’ rifużjonijiet aġġustati fil-każ ta’ ċereali esportati fil-forma ta’ ċertu xorb spirituż u l-kriterji għall-iffissar ta’ l-ammont ta’ dawn ir-rifużjonijiet u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3035/80 dwar ċerti prodotti mhux koperti b’Anness II tat-Trattat [3], u partikolarment Artikolu 12 tiegħu,

Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1842/81 [4], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2938/82 [5], jippreskrivi l-proċedura għall-għoti ta’ rifużjonijiet aġġustati fuq ċereali esportati fil-forma ta’ ċertu xorb spirituż;

Billi f’xi każijiet, xgħir tal-birra aħdar jintuża minflok xgħir tal-birra ordinarju; billi huwa meħtieġ għalhekk li jkun speċifikat il-kontenut permissibbli ta’ umdità ta’ dak il-prodott u l-koeffiċjent li għandu jintuża biex ikun kalkolat il-piż ekwivalenti ta’ xgħir b’kontenut ta’ umdità ta’ 7 % ta’ xgħir tal-birra aħdar;

Billi l-whisky mill-qamħ hu deskritt f’Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 1842/81 bħala whisky magħmula minn 15 % xgħir jew minn kwantità ekwivalenti tax-xgħir tal-birra u 85 % ċereali; billi, għalkemm dawn il-kwantitajiet huma fil-kumpless probabbli, jeċċedu jew ma’ jilħqux dawk attwalment użati f’kull distillerija; billi huwa xieraq, għalhekk, li jitħassar mill-imsemmi Artikolu 17 kull riferenza għal dawk il-kwantitajiet;

Billi l-miżuri provduti f’dan ir-Regolament jaqblu ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni taċ-Ċereali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 1842/81 huwa emendat kif ġej:

1. Artikolu 1(3) huwa mibdul b’dan li ġej:

"3. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-piż taċ-ċereali li għandu jitqies għall-kalkolu tal-ħlas għandu jkun ukoll il-piż nett, jekk il-kontenut ta’ l-umdità ma jkunx aktar minn 16 %. Jekk il-kontenut ta’ umdità taċ-ċereali użati huwa iżjed minn 16 %, imma mhux iżjed minn 17 %, il-piż li għandu jitqies għandu jkun il-piż nett mnaqqas b’1 %. Jekk il-kontenut ta’ umdità taċ-ċereali użati huwa iżjed minn 17 %, imma mhux iżjed minn 18 %, it-tnaqqis għandu jkun ta’ 2 %. Jekk il-kontenut ta’ umdità taċ-ċereali użati huwa iżjed minn 18 %, it-tnaqqis għandu jkun ta’ żewġ punti ta’ perċentwali għal kull punt ta’ perċentwali ta’ umdità il fuq minn 16 %.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-piż ta’ xgħir li ma jkunx xgħir tal-birra aħdar msemmi f’Artikolu 10 li għandu jitqies għall-kalkolu ta’ ħlas għandu jkun il-piż nett, jekk il-kontenut ta’ l-umdità mhux iżjed minn 7 %. Jekk il-kontenut ta’ umdità huwa iżjed minn 7 %, imma mhux iżjed minn 8 %, il-piż li għandu jitqies għandu jkun il-piż nett mnaqqas b’1 %. Jekk il-kontenut ta’ umdità tax-xgħir tal-birra użat huwa iżjed minn 8 %, it-tnaqqis għandu jkun ta’ żewġ punti ta’ perċentwali għal kull punt ta’ perċentwali ta’ umdità ’il fuq minn 7 %.

Il-metodu standard tal-Komunità għad-determinazzjoni tal-kontenut ta’ l-umdità taċ-ċereali u xgħir intiż għall-produzzjoni ta’ xorb spirituż msemmi fir-Regolament (KEE) Nru 1188/81 għandu jkun dak f’Anness II tar-Regolament (KEE) Nru 2731/75."

2. Artikolu 10 hu mibdul b’dan li ġej:

"Artikolu 10

Il-koeffiċjent li għandu jintuża għall-kalkolu tax-xgħir ekwivalenti għax-xgħir tal-birra msemmi f’Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 1188/81 għandu jkun ta’ 1,33.

Iżda, fejn ix-xgħir tal-birra li huwa mqiegħed taħt kontroll huwa xgħir tal-birra aħdar b’kontenut ta’ umdità ta’ bejn 43 u 47 %, il-koeffiċjent li għandu jkun użat għall-kalkolu tal-piż ekwivalenti tax-xgħir tal-birra b’kontenut ta’ umdità ta’ 7 % għandu jkun 0,57."

3. Artikolu 17 hu mibdul b’dan li ġej:

"Artikolu 17

Għall-finijiet ta’ Artikolu 16:

(a) "Whisky magħmul mill-qamħ" ifisser whisky magħmul mix-xgħir tal-birra u miċ-ċereali;

(b) "Whisky tax-xgħir tal-birra" tfisser whisky magħmul esklussivament minn xgħir tal-birra;;

(ċ) "Whiskey Irlandiż, kategorija A" tfisser whisky miksub mix-xgħir tal-birra u ċereali, il-kontenut tax-xgħir ikun anqas minn 30 %;

(d) "Whiskey Irlandiż, kategorija B" ifisser whisky magħmul mix-xgħir u xgħir tal-birra, b’ta’ lanqas 30 % xgħir tal-birra;

(e) il-perċentwal tad-diversi tipi ta’ ċereali użati fil-manifattura ta’ xorb alkoħoliku msemmi f’Artikolu 13(2) għandu jkun determinat billi jitqiesu l-ammonti totali tad-diversi tipi ta’ ċereali impjegati fil-manifattura ta’ xorb spirituż msemmi f’Artikolu 2 tar-Regolamenti (KEE) Nru 1188/81."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Kominitajiet Ewropej..

Għandu jgħodd b’effett mill-1 ta’ Awwissu 1983.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-18 ta’ Lulju 1983.

Għall-Kummissjoni

Poul Dalsager

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 281, ta’ l-1.11.1975, p. 1.

[2] ĠU L 164, ta’ l-14.6.1982, p. 1.

[3] ĠU L 121, tal-5.5.1981, p. 3.

[4] ĠU L 183, ta’ l-4.7.1981, p. 10.

[5] ĠU L 308, ta’ l-4.11.1982, p. 12.

--------------------------------------------------