Official Journal L 137 , 26/05/1983 P. 0031 - 0032
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 12 P. 0183
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 14 P. 0061
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 12 P. 0183
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 14 P. 0061
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Mejju 1983 li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Politika Komunitarja rigward il-Forestrija u l-Industriji bbażati fuq il-Forestrija (83/247/KEE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, Billi t-titjib kontinwu fil-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol u l-iżvilupp armonjuż ta’ attivitajiet ekonomiċi ġewwa l-Istati Membri huma għanijiet tal-Komunità Ekonomika Ewropea; Billi l-attivitajiet ekonomiċi bbażati fuq il-produzzjoni u l-ipproċessar industrijali ta’ l-injam jistgħu jikontribwixxi għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet, wara li jiġi kkunsidrat il-potenzjal għall-iżvilupp ta’ dawn l-attivitajiet u jitiqiesu d-diffikultajjiet preżenti tagħhom; Billi dawn id-diffikultajiet għandhom jiġu eżaminati u riżolti mhux separatament imma fid-dawl ta’ l-interrelazzjonijiet tagħhom; Billi, għal dan il-għan, u fuq il-bażi tax-xogħol li diġà sar mid-dipartimenti tal-Kummissjoni u partikolarment tal-komunikazzjoni lill-Kunsill li tinkorpora programm ta’ azzjoni Komunitarja relatata ma’ l-industriji tal-forestrija jew ibbażat fuq il-forestrija, kuntatti mill-qrib u kontinwi mas-setturi ekonomiċi kkonċernati jistgħu jgħinu biex jintlaħqu dawn l-għanjiet; Billi l-mod l-aktar approprjat biex jiġu organizzati kuntatti bħal dawn huwa li jiġi stabbilit, taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni, Kummitat Konsultattiv fuq Politika Komunitarja rigward il-Forestrija u l-Industriji bbażati fuq il-Forestrija li fuqu dawn is-setturi sa jkunu rappreżentati; billi, barra minn hekk, għandha ssir dispożizzjoni għall-preżenza fuq il-Kumitat ta’ nies kwalifikati li jistgħu jwasslu lill-Kumitat il-ħila teknika tagħhom u l-għarfien ta’ l-ekonomija ta’ l-injam fuq livell Komunitarju, IDDEĊIDIET DAN LI ĠEJ: L-Artikolu 1 Kumitat Konsultattiv dwar il-Politika Komunitarja rigward il-Forestrija u l-Industriji bbażati fuq il-Forestrija, minn issa ’l quddiem imsejjaħ "Il-Kumitat", qed jiġi stabbilit hawnhekk taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni. Il-Kumitat għandu jkun jikkonsisti minn rappreżentanti ta’ l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-produtturi u l-proċessuri industrijali u minn negozjanti ta’ l-injam u prodotti ġejjin mill-injam, u minn persuni kwalifikati li l-għarfien tagħhom ta’ l-ekonomija ta’ l-injam f’livell Komunitarju jkun rikonoxxut minn kulħadd. L-Artikolu 2 Il-Kumitat għandu, fuq talba mill-Kummissjoni, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jgħin lill-Kummissjoni inkonessjoni ma’ l-affarijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-politika Komunitarja rigward il-Forestrija u l-industriji bbażati fuq il-Forestrija, u b’mod partikolari l-materji li għandhom x’jaqsmu mad-domanda għall-prodotti ta’ l-injam fil-Komunità u l-provvista ta’ l-injam biex tintlaqa’ dik id-domanda. L-Artikolu 3 Il-Kumitat għandu jkun fih 27 membru: - tmien membri li jirrappreżentaw is-sidien tal-foresti u l-attivitajiet tal-foresti, - tmien membri li jirrappreżentaw l-industriji ta’ l-ipproċessar ta’ l-injam, - erba’ membri li jirrappreżentaw negozjanti ta’ l-injam u prodotti ġejjin mill-injam, - seba’ persuni partikolarment kwalifikati. L-Artikolu 4 Il-membri tal-kumitat għandhom jinħatru mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mas-setturi ta’ l-industrija konċernata. L-Artikolu 5 Iż-żmien fil-ħatra tal-membri tal-Kumitat għandu jkun ta’ tliet snin, u jista’ jiġi mġedded. Fl-għeluq tal-perjodu ta’ tliet snin, il-membri tal-Kumitat għandhom jibqgħu fil-ħatra sa ma jinbidlu jew sa ma ż-żmien tal-ħatra tagħhom jiġġedded. Iż-żmien fil-ħatra ta’ membru jiġi mitmum qabel l-għeluq tal-perjodu ta’ tliet snin fil-każ tar-riżenja jew il-mewt tiegħu. Hu għandu jiġi mibdul għall-bqija taż-żmien li jkun fadallu fil-ħatra skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4. Il-membri m’għandhomx jitħallsu għas-servizzi tagħhom. L-Artikolu 6 Il-lista tal-membri għandha tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni għall-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-Artikolu 7 Il-Kumitat għandu jkun presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. L-Artikolu 8 Il-president jista’ jistieden kwalunkwe persuna b’għarfien speċjali ta’ suġġett li jkun fuq l-aġenda biex jipparteċipa, bħala espert, fix-xogħol tal-Kumitat u tal-gruppi tal-ħidma msemmija fl-Artikolu 9. L-esperti għandhom jipparteċipaw fid-diskussjoni tas-suġġett biss li għalih l-attendenza tagħhom tintalab. L-Artikolu 9 Il-Kumitat jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma. L-Artikolu 10 1. Il-Kumitat u l-gruppi tal-ħidma għandhom jitlaqqgħu mill-president u għandhom jiltaqgħu fil-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni. 2. Ir-rappreżentanti tad-dipartimenti tal-Kummissjoni kkonċernati għandhom jieħdu sehem f’laqgħat tal-Kumitat u tal-gruppi tal-ħidma. 3. Is-servizzi segretarjali tal-Kumitat għandhom jiġu pprovduti mill-Kummissjoni. L-Artikolu 11 Id-diskussjonijiet tal-Kumitat m’għandhomx jiġu segwiti b’vot. Il-Kummissjoni tista’, meta tkun teħtieġ l-opinjoni tal-Kumitat, tistabbilixxi limitu ta’żmien li fih l-opinjoni għandha tingħata. L-Artikolu 12 Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 214 tat-Trattat, il-membri tal-Kumitat huma obbligati biex ma jiżvelawx informazzjoni lil huma jkunu saru jafu biha minħabba x-xogħol fil-Kumitat jew fil-gruppi tal-ħidma, meta l-president jinfurmahom li opinjoni jew kwistjoni mqajma tkun qed tidħol fuq materji kunfidenzjali. F’dan il-każ, il-membri tal-Kumitat u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom ikunu preżenti għal-laqgħat inkwistjoni. L-Artikolu 13 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Magħmula fi Brussel, fil-11 ta’ Mejju 1983. Għall-Kummissjoni Étienne Davignon Viċi-President --------------------------------------------------