31982R0510



Official Journal L 064 , 08/03/1982 P. 0015 - 0028
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 2 P. 0167
Spanish special edition: Chapter 15 Volume 3 P. 0130
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 2 P. 0167
Portuguese special edition Chapter 15 Volume 3 P. 0130


Ir-Regolament tal-Kunsill (FEKA, KEE, Euratom) Nru 510/82

tat-22 ta' Frar 1982

li jemenda r-Regolament (KEFA, KEE, Euratom) Nru 1860/76 li jistabbilixxi l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg tal-Persunal tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib fil-Kundizzjonijiet tal-Għixien u tax-Xogħol

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 tas-26 ta' Mejju 1975 dwar il-ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għat-titjib fil-kondizzjonijiet tal-Għixien u tax-Xogħol [1], u b'mod partikolari Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEFA, KEE, Euratom) Nru 1860/76 tad-29 ta' Ġunju li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet ta' impjieg tal-persunal tal-Fondazzjoni Ewropea għat-titjib fil-kundizzjonijiet tal-Għixien u tax-Xogħol [2], kif emendat bir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA), Nru 1238/80 [3],

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi huwa għall-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, biex jemenda dawn il-kondizzjonijiet ta' impjieg;

Billi l-persunal tal-Fondazzjoni u dawk intitolati taħthom għandhom jingħataw l-istess benefiċċji fir-rigward ta' mard, inċidenti u assigurazzjoni fuq mard marbut max-xogħol u fir-rigward ta' l-iskema tal-pensjonijiet kif inhuma mogħtija lil xi staff temporanju tal-Komunitajiet Ewropej u dawk intitolati taħthom, bl-eċċezzjoni, madankollu, għaż-żjieda fil-pensjoni msemmija f'Artikolu 5 ta' Anness VI. II għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEFA, KEE, Euratom) Nru 1860/76 għandu jiġi emendat kif ġej:

1. L-aħħar subparagrafu ta' Artikolu 30(1) għandu jiġi mibdul bis-segwenti:

"iżda, f' każ li wieħed mill-membri tal-persunal jieħu marda marbuta max-xogħol jew ikollu aċċident waqt li jkun qiegħed jaqdi dmiru, huwa għandu jibqa' jirċievi r-remunerazzjoni sħiħa tiegħu matul il-perjodu li fih ma jkunx jista' jaħdem sakemm jingħata l-pensjoni ta' l-invalidita' msemmija f'Artikolu 41b.";

2. It-tieni paragrafu segwenti għandu jiġi miżjud ma' Artikolu 36:

"f'każ ta' mewt ta' pensjonant, l-ewwel paragrafu għandu jgħodd għall-pensjoni tal-mejjet.";

3. Is-segwenti għandu jiġi miżjud ma' Artikolu 47(2):

"u jista' jiddeċiedi wkoll biex inaqqas l-allokazzjoni li għalih hemm provdut f'Artikolu 11 ta' Anness VI għall-ħlas lura tal-kontribuzzjoni li għaliha hemm provdut f'Artikolu 41ħ miżjud b'imgħaxx kompost ta' 3.5 % għal kull sena.";

4. "benefiċċji tas-sigurtà soċjali u pensjonijiet"

;

5. F'Titolu II, Kapitolu 6 għandu jiġi maqsum fi:

- Sezzjoni A, intitolata "assigurazzjoni fuq il-mard u aċċidenti, benefiċċji tas-sigurtà soċjali" magħmula minn Artikoli 38 sa 41,

- Sezzjoni B, intitolata "skema tal- pensjonijiet u kumpens għal terminazzjoni tas-servizz" magħmula minn Artikoli 41a sa 41h;

6. Artikolu 38 għandu jiġi mibdul bis-segwenti:

"Artikolu 38

1. Taħt il-kondizzjonijiet imsemmija fir-Regoli li jirreferi għalihom l-ewwel Artikolu ta' Anness V, membru tal-persunal, il-konjuġi tiegħu, it-tfal tiegħu u oħrajn dipendenti fuqu kif imfisser f'Artikolu 7 ta' Anness IV għandu jkun assigurat kontra mard sa 80 % ta' l-ispiża minfuqa, waqt il-perjodu tiegħu ta' servizz u ta' leave tal-mard. Iżda, din ir-rata ta' 80 % tista' togħla sa 100 % f'każijiet ta' tuberkolożi, poliomyelitis, kanċer, mard mentali jew mard ieħor rikonoxxut mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bħala serju daqs l-oħrajn.

Terz mill-kontribuzzjoni meħtieġa biex tintlaħaq assigurazzjoni bħal din, għandha titħallas mill-membru tal-persunal iżda b'tali mod li l-ammont li jkollu jitħallas minnu ma jaqbiżx 2 % tas-salarju bażiku tiegħu, iż-żewġ terzi l-oħra jitħallsu mill-Fondazzjoni.

Iżda, jekk, l-eżami mediku msemmi f'Artikolu 24 jindika li l-membru tal-persunal ikun qiegħed ibati minn mard jew invalidità, id-Direttur jista' jiddeċiedi li l-ispejjeż li dan il-mard jew din l-invalidità toħloq ikunu esklużi mir-rimborż ta' l-ispiża msemmija fl-ewwel subparagrafu.

2. Jekk il-membru tal-persunal jagħti prova li huwa ma jistax ikun kopert minn skema oħra ta' sigurtà soċjali, huwa jibqa' jibbenefika mill-iskema ta' assigurazzjoni fuq il-mard imsemmi fl-ewwel paragrafu, mingħajr ma jkollu għalfejn jikkontribwixxi għaliha, għal perjodu ta' mhux iżjed minn 60 ġurnata minn meta jiskadi l-kuntratt tiegħu jew waqt li jkun qiegħed ibati minn mard serju fit-tul li jkun ħadu waqt li kien impjegat.

3. Membru tal-persunal li jkun baqa' jaħdem mal-Fondazzjoni sa l-età ta' 60 sena jew li jkun qiegħed jirċievi l-pensjoni ta' l-invalidità ikun intitolat għall-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 1 wara li jkun temm is-servizz. L-ammont tal-kontribuzzjoni għandu jiġi maħdum fuq il-bażi tal-pensjoni tiegħu.

Dawk il-benefiċċji għandhom jgħoddu wkoll għall-persuna intitolata għall-pensjoni tas-superstiti wara l-mewt ta' membru tal-persunal li kien f'impjieg attiv jew li baqa' fis-servizz tal-Fondazzjoni sa l-età ta' 60 sena, jew il-mewt ta' persuna intitolata għal pensjoni ta' l-invalidità. L-ammont tal- kontribuzzjoni għandu jiġi maħdum fuq il-bażi tal-pensjoni tiegħu.

4. Is-segwenti għandhom bl-istess mod ikunu intitolati għall-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 1, sakemm huma ma jkunux jistgħu ikunu koperti minn xi skema oħra pubblika ta' assigurazzjoni fuq il-mard:

- il-membri tal-persunal ta' qabel intitolati għall-pensjonijiet ta' l-irtirar u li telqu mis-servizz tal-Fondazzjoni qabel l-età ta' 60 sena;

- dawk il-persuni intitolati għall-pensjoni tas- superstiti minħabba l-mewt ta' membru tal-persunal ta' qabel li jkun telaq is-servizz tal-Fondazzjoni qabel l-età ta' 60 sena.

5. Il-kontribuzzjoni għandha tiġi maħduma b'riferenza għall-pensjoni ta' membru tal-persunal ta' qabel, nofs il-kontribuzzjoni għandha titħallas mill-persuna intitolata.

Iżda, persuna intitolata għall-pensjoni ta' l-orfni ma tistax tkun intitolata għall-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 1, ħlief fuq pretensjoni tagħha stess. Il-kontribuzzjoni għandha tiġi maħduma fuq il-bażi tal-pensjoni ta' l-orfni.

5. Fejn l-ispiża totali mhux rimborsata għal kwalunkwe perjodu ta' 12-il xahar tkun ogħla minn nofs is-salarju bażiku jew mill-pensjoni ta' membru tal-persunal, għandu jkun permess rimborż speċjali mid-Direttur tal-Fondazzjoni, bil-kunsens ta' l-uffiċċju tas-suċċessjoni, filwaqt li jingħata kas taċ-ċirkostanzi tal-familja tal-persuna kkonċernata, bil-mod imsemmi fir-Regoli li hemm riferenza għalihom f'Artikolu 1 ta' Anness V.

6. Persuni intitolati għall-benefiċċji msemmijin qabel għandhom jiddikjaraw l-ammont ta' kull rimborż li huma jistgħu jitolbu taħt xi assigurazzjoni obbligatorja oħra tal-mard għalihom jew għal persuni koperti bl-assigurazzjoni tagħhom.

Fejn is-somma totali li kieku jirċievu permezz tar-rimborż tkun iżjed mis-somma tar-rimborż imsemmi fil-paragrafu 1, id-differenza għandha tkun imnaqqsa mill-ammont li jkun irid jiġi rimborżat skond paragrafu 1, bl-eċċezzjoni ta' rimborżi miksuba taħt skema ta' assigurazzjoni privata supplimentari tal-mard li tkopri dik il-parti ta' l-ispiża li ma tkunx rimborsabbli taħt paragrafu 1.";

7. Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli segwenti:

"Artikolu 38

1. Taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fir-Regoli li hemm riferenza għalihom f'Artikolu 2 ta' Anness V, membru tal-persunal għandu jkun assigurat, waqt il-perjodi ta' servizz u ta' leave tal mard, kontra r-riskju ta' mard u inċidenti fuq ix-xogħol. Huwa għandu jikkontribwixxi għall-ispejjeż ta' l-assigurazzjoni kontra r-riskji mhux marbuta max-xogħol sa 0,1 % tas-salarju bażiku tiegħu.

Ir-Regoli jispeċifikaw liema riskji mhumiex koperti.

2. Il-benefiċċji pagabbli għandhom ikunu kif segwit:

(a) f'każ ta' mewt:

Ħlas lill-persuni elenkati hawn taħt li tkun ekwivalenti għal ħames darbiet is-salarju bażiku fis-sena tal-mejjet maħdum b'riferenza għall-ammont tas-salarju ta' kull xahar li jkun irċieva fit-12-il xahar ta' qabel l-inċident:

- lil-konjuġi u lit-tfal tal-membru tal-persunal mejjet skond il-liġi tas-suċċessjoni li tirregola l-proprjetà tal-membru tal-persunal; l-ammont pagabbli lill-konjuġi ma għandux ikun, iżda, inqas minn 25 % tas-somma sħiħa,

- fejn ma jkunx hemm persuni li jaqgħu taħt il-kategorija ta' hawn fuq, lill-werrieta l-oħra skond il-liġi tas-suċċessjoni li tirregola l-proprjetà ta' membru tal-persunal,

- fejn ma jkunx hemm persuni li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji ta' hawn fuq, lill-qraba tal-linja axxendentali skond il-liġi tas-suċċessjoni li tirregola l-proprjetà ta' membru tal-persunal,

- fejn ma jkunx hemm persuni li jaqgħu taħt waħda mit-tliet kategoriji ta' hawn fuq, lill-Fondazzjoni.

(b) f'każ ta' invalidità totali permanenti:

ħlas lill-membru tal-persunal li jkun ekwivalenti għal tminn darbiet is-salarju bażiku annwali tiegħu maħdum fuq il-bażi ta' l-ammont tas-salarju ta' kull xahar li jkun irċieva waqt it-12 -il xahar qabel l-inċident.

(ċ) f'każ ta' invalidità parzjali permanenti:

Ħlas lill-membru tal-persunal ta' parti mis-somma li għaliha hemm provdut f' subparagrafu (b), maħduma b'riferenza għall-iskala msemmija fir-Regoli li hemm riferenza għalihom f'Artikolu 2 ta' Anness V.

Kif hemm provdut f' dawn ir-Regoli tista' tingħata għotja fl-aħħar tas-sena minflok il-pagamenti msemmija hawn fuq.

Il-benefiċċji msemmija hawn fuq jistgħu jitħallsu flimkien mal-benefiċċji msemmija fl-iskema tal-pensjoni.

3. Is-segwenti għandhom ikunu koperti wkoll bl-istess mod imsemmi fir-Regoli li għalihom hemm provdut f'Artikolu 2 ta' Anness V: spejjeż mediċi, farmaċewtiċi, ta' l-isptar, kirurġiċi, protetiċi, ta' radjografija, ta' massaġġi, ortopediċi, kliniċi u ta' trasport u spejjeż oħra simili minfuqa minħabba inċident jew mard marbut max-xogħol.

Ir-rimborż, iżda, għandu jsir biss fejn l-ammont imħallas lill-membru tal-persunal skond l-Artikolu 38 ma jkoprix l-ispiża kollha minfuqa."

"Artikolu 40a

1. Fil-limiti ta' l-obbligi li jaqgħu taħt Artikolu 40, il-Fondazzjoni għandha awtomatikament tassumi d-drittijiet ta' riparazzjoni ta' l-uffiċjal jew dawk intitolati taħtu kontra t-tielet persuna responsabbli għal aċċident li fih ikun miet membru tal-persunal.

2. Fil-limiti ta' l-obbligi li jaqgħu taħthom skond Artikoli 38 u 38a, il-Komunitajiet awtomatikament jassumu d-drittijiet ta' riparazzjoni tal-membru tal-persunal jew dawk taħtu li jkunu ntitolati kontra t-terza persuna responsabbli għal aċċident li fih ikun miet jew indarab membru tal-persunal jew persuna koperta bl-assigurazzjoni tiegħu.";

"Artikolu 41a

Membru tal-persunal li jkun temm 10 snin servizz għandu jkun intitolat għal pensjoni ta' rtirar. Huwa għandu jkun, iżda, intitolat għal dik il-pensjoni irrispettivament minn kemm ikun ta servizz jekk ikollu ‘l fuq minn 60 sena.

L-akbar pensjoni ta' irtirar għandha tkun ta' 70 % tas-salarju bażiku annwali li hemm fl-aħħar grad li fih kien ikklassifikat il-membru tal-persunal għal mill-inqas sena. Din għandha tingħata lil membri tal-persunal li temmew 35 sena servizz magħduda skond Artikolu 3 ta' Anness VI. F'każ li n-numru ta' snin ta' servizz ikun inqas minn 35, l-ammont massimu ta' hawn fuq għandu jiġi imnaqqas b'mod proporzjonali.

Fejn membru tal-persunal ikun intitolat għal pensjoni ta' irtirar, id-drittijiet tal-pensjoni tiegħu għandhom jiġu mnaqqsa bi proporzjon għall-ammonti mħallsa skond Artikolu 37 ta' Anness VI.

L-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ma għandux ikun inqas minn 4 % tal-figura ta' sussistenza minima, fit-tifsira ta' Artikolu 5 ta' Anness VI, għal kull sena ta' servizz bi qbil ma' Artikolu 3 ta' dak l-Anness.

L-età għall-pensjoni għandha tkun ta' 60 sena.

Is-snin ta' servizz imsemmija fl-ewwel paragrafu għandhom ikunu dawk li jkun għamel membru tal-persunal skond kif imfisser f'Artikolu 1(2) u għandhom jinkludu s-snin qabel id-9 ta' Marzu 1982. Dejjem jekk il-membru tal-persunal ikun għadu jaqdi b' dik il-kapaċita' lill-Fondazzjoni fl-istess data.

Artikolu 41b

Membru tal-persunal għandu jkun intitolat, bil-mod imsemmi f'Kapitolu III ta' Anness VI, għal pensjoni ta' l-invalidità f'każ li jkollu invalidità permanenti li żżommu milli jwettaq id-dmirijiet tiegħu fil-Fondazzjoni.

F'każ li l-invalidità tkun minħabba aċċident waqt jew b'konnessjoni mat-twettieq tad-dmirijiet tiegħu, minħabba mard marbut max-xogħol, minħabba att bi spirtu ċiviku jew minħabba li jkun ħa riskju biex isalva ħajjet ħaddieħor, il-pensjoni ta' l-invalidità għandha tkun 70 % ta' l-aħħar salarju bażiku tal-membru tal-persunal.

F'każ li l-invalidità tkun riżultat ta' xi ħaġa oħra, il-pensjoni ta' l-invalidità, maħduma fuq l-aħħar salarju bażiku tiegħu, għandha tkun ewkivalenti għall-pensjoni ta' l-irtirar li kien ikun intitolat għaliha l-membru tal-persunal fl-età ta' 65 sena kieku jkun baqa' fis-servizz sa dik l-età.

Il-pensjoni ta' l-invalidità ma għandhiex tkun inqas minn 120 % tal-figura minima ta' sussistenza kif definit f'Artikolu 5 ta' Anness VI.

F'każ ta' invalidità li tkun ġiet fuq il-membru tal-persunal deliberatament, id-Direttur jista' jiddeċiedi li huwa għandu jirċievi biss il-kumpens għal terminazzjoni tas-servizz imsemmi f'Artikolu 11 ta' Anness VI.

Artikolu 41ċ

Armla ta' membru tal-persunal jew ta' membru tal-persunal ta' qabel għandha tkun intitolata għall-pensjoni tas-superstiti kif imsemmi f'Kapitolu iv ta' Anness VI.

L-ammont ta' pensjoni tas-superstiti kull xahar pagabbli lill-armla tal-membru tal-persunal li jkun miet waqt is-servizz jew waqt leave mis-servizz militari. Dan għandu jammonta għal 35 % ta' l-aħħar salarju bażiku li jkun irċieva l-membru tal-persunal u ma għandux ikun inqas mill-figura minima ta' sussistenza kif imfissra f'Artikolu 5 ta' Anness VI.

Artikolu 41d

1. F'każ li membru tal-persunal jew persuna intitolata għall-pensjoni ta' l-irtirar jew ta' l-invalidità tmut u ma tħalli l-ebda konjuġi intitolat għall-pensjoni tas-superstiti, l-ulied dipendenti kif imfisser f'Artikolu 7 ta' Anness IV ikunu intitolati għall-pensjoni ta' l-orfni skond Artikolu 20 ta' Anness VI.

2. L-istess intitolament għall-pensjoni għandu jgħodd fil-każ ta' tfal li jissodisfaw il-kondizzjonijiet imsemmija hawn fuq fil-każ ta' mewt jew żwieġ mill-ġdid tal-konjuġi riċevitur tal-pensjoni tas-superstiti, kif imfisser f'Artikolu 41ċ.

3. F'każ li membru tal-persunal jew persuna intitolata għall-pensjoni ta' irtirar jew ta' invalidità tmut iżda l-kondizzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu ma jkunux ġew sodisfatti, l-ulied dipendenti fit-tifsira ta' Artikolu 7 ta' Anness IV ikunu intitolati għall-pensjoni ta' l-orfni skond il-kondizzjonijiet imsemmija f'Artikolu 20 ta' Anness VI. Iżda, din il-pensjoni għandha tammonta għal nofs il-pensjoni kif ikkalkulata skond dak l-Artikolu.

4. Kull wild li jkun dipendenti fit-tifsira ta' Artikolu 7 ta' Anness IV fuq membru tal-persunal li l-konjuġi tiegħu, li ma jkunx membru tal-persunal, imut għandu jkun intitolat għall-pensjoni ta' l-orfni li tkun id-doppju ta' l-ammont ta' l-allokazzjoni ta' wild dipendenti.

Artikolu 41e

Persuna intitolata għall-pensjoni ta' l-irtirar li titħallas fl-età ta' 60 sena jew wara, jew għall-pensjoni ta' l-invalidità, jew għall-pensjoni tar-romol għandha tkun intitolata għall-allokazzjoni tal-familja speċifikat f'Artikoli 6, 7 u 8 ta' Anness IV. L-allokazzjoni tad-dar għandu jkun maħdum skond il-pensjoni tar-reċipjent.

L-ammont ta' allokazzjoni tal-wild dipendenti pagabbli lil persuna intitolata għall-pensjoni tar-romol għandu jkun, iżda, darbtejn l-ammont ta' l-allokazzjoni imsemmi f'Artikolu 7 ta' Anness IV.

Dawk il-persuni li jkunu intitolati għall-pensjoni ta' l-orfni għandhom ikunu intitolati għall-allokazzjoni ta' l-edukazzjoni bil-mod kif provdut f'Artikolu 8 ta' Anness IV.

Artikolu 41f

Il-pagamenti u l-benefiċċji msemmija f'Artikolu 41b sa 41e għandhom jiġu sospiżi jekk l-effetti finanzjarji tal-kuntratt ta' impieg tal-membru tal-persunal jiġu sospiżi b'mod temporanju skond il-Kondizzjonijiet ta' Impjieg tal-persunal tal-Fondazzjoni.

Artikolu 41ġ

Il-pensjonijiet għandhom jiġu kkalkulati skond l-iskali tas-salarji li jidħlu fis-seħħ mill-ewwel ġurnata tax-xahar ta' meta jibda l-intitolament.

Għandhom jiġu peżati b'rata li tkun akbar, daqs, jew inqas minn 100 %, skond il-kondizzjonijiet tal-Għixien fil-pajjiż ta' residenza tal-pensjonant; dan il-qies għandu jkun daqs dak stabbilit mill-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej skond Artikoli 64 u 65 (2) tar-Regolamenti ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Il-pensjonijiet ipprovduti għandhom ikunu soġġetti għall-istess arranġamenti kif deċiż fuqhom mill-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej fir-rigward tal-pensjonijiet ta' l-uffiċjali ta' dawk il-Komunitajiet.

Il-pensjonijiet għandhom jitħallsu f'waħda mill-muniti elenkati f'Artikolu 38 ta' Anness VI, skond ir-rati tal-kambju msemmija f'Artikolu 63 tar-Regolamenti ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 41ħ

Membri tal-persunal għandhom jikkontribwixxu terz ta' l-ispiża tal-finanzjament ta' din l-iskema tal-pensjoni. Il-kontribuzzjoni għandha tkun 6,75 % tas-salarju bażiku tal-membru tal-persunal, jekk il-qies imsemmi f'Artikolu 3 ma jiġix meqjus, Din għandha titnaqqas kull xahar mis-salarji tal-membri tal-persunal u għandha titqies bħala dħul fis-sezzjoni tal-Kummissjoni tal-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għall-ħlas tal-benefiċċji taħt din l-iskema tal-pensjoni, id-Direttur tal-Fondazzjoni għandu jiddelega l-poter tiegħu lill-awtorità amministrattiva inkarigata mill-klerjar u pagament tal-pensjonijiet ta' l-uffiċjali ta' qabel tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Dawn il-benefiċċji għandhom jiġu mħallsa mill-budget tal-Komunitajiet Ewropej."

"

8. ANNESS I

MEMBRI U PROĊEDURI TAL-KUMITAT TA’ L-PERSUNAL U TAL-KUMITAT TA’ L-INVALIDITÀ

IL-KAPITOLU 1

Kumitat tal-persunal

Artikolu 1

Il-Kumitat ta' l-persunal għandu jkun magħmul mill-membri tiegħu, kif ukoll minn dawk li jistgħu jissostitwuhom jekk ikun hemm, li l-ħatra tagħhom għandha tkun ta' sentejn. Il-Fondazzjoni tista’, iżda, tiddeċiedi li tistabbilixxi mandat li ma għandux ikun ta' inqas minn sena.

Il-kondizzjonijiet għall-elezzjoni tal-Kumitat ta' l-persunal għandhom jiġu stabbiliti bil-laqgħa ġenerali tal-persunal fis-servizz fil-post ta' impjieg rilevanti. L-elezzjoni għandha ssir b'votazzjoni sigrieta.

Dħul bħala membri fil-Kumitat ta' l-persunal għandu jkun tali li jiżgura li jkun hemm rappreżentazzjoni ta' kull kategorija tal-persunal.

L-elezzjonijiet għall-Kumitat ta' l-persunal għandhom ikunu validi biss jekk jieħdu sehem żewġ terzi tal-persunal intitolati għall-vot. Iżda, jekk dan il-proporzjon ma jintlaħaqx, it-tieni vot għandu jkun validu jekk jieħdu sehem il-maġġoranza ta' dawk intitolati.

Id-dmirijiet aċċettati mill-membri tal-Kumitat ta' l-persunal u mill-persunal maħtur f'organi stabbiliti mill-Fondazzjoni għandhom jiffurmaw parti mis-servizz normali tagħhom. Il-fatt tat-twettieq ta' dmirijiet bħal dawn ma għandux jippreġudika lill-persuna konċernata.

IL-KAPITOLU 2

Il-kumitat ta' l-invalidità

Artikolu 2

Il-Kumitat ta' l-Invalidità għandu jkun magħmul minn tliet tobba: wieħed maħtur mill-Fondazzjoni, wieħed maħtur minn membru tal-persunal konċernat, u wieħed maħtur bi ftehim reċiproku bejn l-ewwel żewġ tobba.

F'każ li l-membru tal-persunal jonqos milli jaħtar tabib, il-president tal-qorti tal-ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jaħtar wieħed.

Fil-każ ta' nuqqas ta' ftehim fuq il-ħatra tat-tielet tabib fi żmien xahrejn mill-ħatra tat-tieni tabib, it-tielet wieħed għandu jiġi maħtur mill-president tal-qorti tal-ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fuq pretensjoni tal-partijiet konċernati.

Artikolu 3

L-ispejjeż li jintefqu minħabba l-proċeduri tal-Kumitat ta' l-Invalidità għandhom jiġu mħallsa mill-Fondazzjoni.

Fejn it-tabib maħtur mill-membru tal-persunal konċernat ikun residenti f'post ieħor barra l-post fejn il-membru jkun impjegat, il-membru tal-persunal għandu jħallas l-ispiża ta' l-infieq l-oħra meħtieġa, bl-eċċezzjoni ta spejjeż ta' vjaġġar ta' l-ewwel kategorija, li għandhom ikunu rimborsati mill-Fondazzjoni.

Artikolu 4

Il-membru tal-persunal jista’ jippreżenta lill-Kumitat ta' l-invalidità kull rapport jew ċertifikat maħruġ mit-tabib regolari tiegħu jew minn kwalunkwe tabib li setgħa ikkonsulta.

Il-konklużjonijiet tal-kumitat għandhom jiġu ppreżentati lill-Fondazzjoni u lill-membru tal-persunal konċernat.

Il-proċeduri tal-kumitat għandhom ikunu sigrieta.

"

;

9. Għandu jiġi miżjud l-Anness segwenti:

Anness V: "assigurazzjoni għall-mard, aċċidenti u mard marbut max-xogħol" u Anness VI: "skema tal-pensjoni".

Dawn l-Annessi jidhru f’Annessi 1 u 2 rispettivament ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dawk il-membri tal-persunal li jaħdmu fil-Fondazzjoni fid-data meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ jistgħu jiddeċiedu biex jibqgħu koperti bl-iskema oriġinali tas-l-sigurtà soċjali msemmija f’Artikolu 38 ta’ dan ir-Regolament (KEFA, KEE, Euratom) Nru 1860/76, jekk kienet tgħodd għalihom, jew sabiex isiru membri ta’ l-iskema l-ġdida msemmija f’dan ir-Regolament, skond liema waħda minnhom tkun l-iżjed ta’ ġid għalihom. L-għażla trid issir fi żmien tliet xhur mid-data li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ u ma tkunx tista’ tinbidel. L-iskema imsemmija oriġinarjament f’Artikolu 38 tar-Regolament (KEFA, KEE, Euratom) Nru 1860/76 għandha tibqa’ fis-seħħ għall-perjodu qabel ma ssir dik l-għażla u minn hemm ′l quddiem jekk ma ssir l-ebda għażla f’dak il-perjodu ta’ tliet xhur sakemm ma ssirx għal raġunijiet li ma humiex fil-kontroll tal-membru tal-persunal.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta’ Frar 1982.

Għall-Kunsill

Il-President

L. Tindemans

[1] ĠU L 139, tat-30.5.1975, p. 1.

[2] ĠU L 214, tas-6.8.1976, p. 24.

[3] ĠU L 127, tat-22.5.1980, p. 4.

--------------------------------------------------

ANNESS 1

"

ANNESS V

ASSIGURAZZJONI TAL-MARD, INĊIDENTI U MARD MARBUT MAX-XOGĦOL

Artikolu 1

1. Il-persunal tal-Fondazzjoni u dawk il-persuni li jissodisfaw il-kondizzjonijiet imsemmija f'Artikolu 38(2), (3) u (4) tal-Kondizzjonijiet ta' Impjieg tal-persunal tal-Fondazzjoni għandhom jidħlu fl-iskema ta' l-assigurazzjoni konġunta tal-mard ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Ir-Regoli ta' l-assigurazzjoni tal-mard għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għandhom jgħoddu għall-persunal u għan-nies imsemmija hawn fuq u għal dawk intitolati taħthom.

Artikolu 2

Ir-Regoli ta' l-assigurazzjoni kontra r-riskju ta' l-inċidenti u mard marbut max-xogħol għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għandhom jgħoddu għall-persunal tal-Fondazzjoni.

Biex jiġu konklużi l-pretensjonijiet li jġibu magħhom dawk ir-Regoli għall-membru tal-persunal li kellu inċident jew qabditu xi marda marbuta max-xogħol, id-Direttur tal-Fondazzjoni għandu jiddelega l-poteri tiegħu lill-awtorità amministrattiva li tkun responsabbli milli tikkonkludi dawk il-pretensjonijiet marbuta ma' aċċidenti mġarrba jew ma' xi mard marbut max-xogħol li jkun qabadhom uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Il-Komunitajiet Ewropej għandhom jiżguraw ħlas lill-persunal tal-Fondazzjoni u lil dawk intitolati taħthom għall-benefiċċji msemmija f'dawk ir-Regoli.

"

--------------------------------------------------

Anness 2

"

ANNESS VI

SKEMA TAL-PENSJONI

IL-KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Fejn l-eżami mediku li jkun sar qabel ma membru tal-persunal jassumi d-dmirijiet tiegħu, jindika li huwa jkun qiegħed ibagħti minn xi mard jew invalidità, id-Direttur jista’, fejn jidħlu riskji marbuta ma’ dak il-mard jew invalidità, jiddeċiedi li jagħti lil dak il-membru tal-persunal benefiċċji garantiti marbuta ma’ l-invalidità jew mewt biss wara ħames snin mid-data ta' meta jkun daħal fis-servizz mal-Fondazzjoni.

IL-KAPITOLU II

PENSJONI TA' L-IRTIRAR U GĦOTJA GĦAT-TERMINAZZJONI TAS-SERVIZZ

Sezzjoni I

Pensjoni ta' l-irtirar

Artikolu 2

Pensjoni ta' l-irtirar għandha tkun pagabbli fuq il-bażi tan-numru totali ta' snin ta' servizz pensjonabbli li jkun għamel membru tal-persunal. Kull sena ta' servizz magħduda kif imsemmija f'Artikolu 3 għandha tintitolah għal sena ta' servizz pensjonabbli u kull xahar sħiħ għal wieħed minn tnax ta' sena ta' servizz pensjonabbli.

L-ammont massimu ta' snin ta' servizz pensjonabbli li għandu jkun meqjus sabiex jiġu maħduma d-drittijiet tal-pensjoni ta' l-irtirar għandu jkun 35.

Artikolu 3

Sabiex jiġu maħduma s-snin ta' servizz pensjonabbli fit-tifsira ta' l-ewwel paragrafu ta' Artikolu 2, għandhom jitqiesu s-segwenti:

(a) it-tul tas-servizz ta' membru tal-persunal li jibda jgħodd mid-9 ta' Marzu 1982 u ż-żmien fuq leave għal servizz militari wara dik id-data, sakemm il-persuna konċernata tkun ħallset is-sehem tagħha tal-kontribuzzjoni tal-pensjoni skond dawk il-perjodi ta' servizz;

(b) il-perjodu meqjus għall-irtirar, skond Artikolu 10(2), sakemm ekwivalenti attwarjali jew is-somom imħallsa lura jkunu tħallsu, kif imsemmi f'dak l-Artikolu.

Artikolu 4

Membru tal-persunal li wara li jkun ħalla s-servizz tal-Fondazzjoni jerġa’ jaqbad xogħol ieħor attiv mal-Fondazzjoni għandu jingħata drittijiet miżjuda tal-pensjoni.

Huwa jista’ jitlob li, sabiex jiġu maħduma d-drittijiet tiegħu tal-pensjoni, għandu jitqies il-perjodu kollu tas-servizz tiegħu fil-Fondazzjoni, soġġett li huwa jħallas lura kwalunkwe somom imħallsa lilu skond Artikolu 11 jew li huwa kien irċieva mill-pensjoni ta' l-irtirar, miżjud b'imgħaxx kompost bir-rata ta' 3.5 % fis-sena.

F'każ li membru tal-persunal, li jkun intitolat għall-pensjoni ta' l-irtirar, ma jħallasx lura l-flus imsemmija fil-paragrafu ta' qabel, għandha titħallas lilu somma kapitali li tirrappreżenta l-ekwivalenti attwarja tal-pensjoni ta' l-irtirar tiegħu fid-data li l-pensjoni ma tkunx baqgħet tingħatalu, flimkien ma’ l-imgħaxx kompost bir-rata ta' 3.5 % kull sena, f'forma ta' pensjoni ta' irtirar b'lura li titħallas fl-età ta' meta jtemm id-dmirijiet tiegħu.

Artikolu 5

Il-figura minima ta' sussistenza sabiex ikunu jistgħu jiġu kkalkulati l-benefiċċji tal-pensjoni għandhom jikkorrespondu mas-salarju bażiku tal-membru tal-persunal fi grad D4, l-ewwel skala.

Artikolu 6

Is-somma ta' flus ekwivalenti għall-pensjoni ta' l-irtirar ma għandiex tkun inqas mill-ammont li l-membru tal-persunal ikun irċieva li kieku Artikolu 11 kien ġie applikat għalih.

Fejn is-somma ta' flus ekwivalenti għall-pensjoni ta' l-irtirar imħallsa skond id-dispożizzjonijiet preċedenti tkun inqas minn dan l-ammont, il-membru tal-persunal għandu jirċievi pensjoni ta' l-irtirar li l-ekwivalenti attwarja tagħha għandu jkun daqs l-ammont imsemmi fl-ewwel paragrafu.

Artikolu 7

"L-ekwivalenti attwarja tal-pensjoni ta' l-irtirar" tfisser il-valur kapitali tal-benefiċċji bl-imgħax lill-membru tal-persunal, ikkalkulati skond l-aħħar tabelli tal-mortalità magħruġa mill-awtoritajiet tal-budget tal-Komunitajiet Ewropej kif imsemmija f'Artikolu 32, ir-rata ta' l-interessi applikabbli tkun ta' 3.5 % kull sena.

Artikolu 8

Membru tal-persunal li jtemm is-servizz qabel ma jagħlaq l-età ta' 60 sena jista’ jitlob li l-pensjoni ta' l-irtirar tiegħu:

- tkun diferita sa l-ewwel ġurnata tax-xahar kalendarju mid-data li fiha jagħlaq l-età ta' 60 sena, jew

- titħallas immedjatament, dejjem jekk ma jkollux inqas minn 50 sena. F'dan il-każ, il-pensjoni ta' l-irtirar għandha titnaqqas b'ammont ikkalkulat skond l-età ta' l-uffiċjal minn meta jibda jieħu il-pensjoni tiegħu, kif jidher fit-tabella li jmiss:

Pensjoni pagabbli għall-irtirar bikri kif imfisser skond il-pensjoni pagabbli fuq l-irtirar fl-età ta' 60 sena

Età bikrija ta' irtirar | Koeffiċjent |

50 | 0.50678 |

51 | 0.53834 |

52 | 0.57266 |

53 | 0.61009 |

54 | 0.65099 |

55 | 0.69582 |

56 | 0.74508 |

57 | 0.79936 |

58 | 0.85937 |

59 | 0.92593 |

Artikolu 9

Id-dritt li jirċievi ħlas ta' pensjoni ta' l-irtirar għandu jidħol fis-seħħ mill-ewwel ġurnata tax-xahar kalendarju li jmiss wara li l-membru tal-persunal, sew jekk awtomatikament jew fuq pretensjoni tiegħu, isir eleġibbli għal dik il-pensjoni.

Artikolu 10

1. Membru tal-persunal li jħalli s-servizz tal-Fondazzjoni biex jidħol f'servizz ta' amministrazzjoni tal-gvern jew organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali li tkun laħqet ftehim mal-Fondazzjoni għandu jkun intitolat għall-ekwivalenti attwarja tad-drittijiet tal-pensjoni tiegħu fil-Fondazzjoni li tkun trasferita għall-fond tal-pensjoni ta' l-amministrazzjoni jew ta' l-organizzazzjoni.

2. Membru tal-persunal li jidħol fis-servizz tal-Fondazzjoni wara li jkun temm is-servizz tiegħu f'amministrazzjoni tal-gvern jew ta' organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali jew ta' intrapriża għandu jkollu dritt, wara li jkun temm il-perjodu bi prova imsemmi bl-Artikolu 25 tal-kondizzjonijiet ta' impjieg, li jħallas lill-Fondazzjoni jew:

- l-ekwivalent attwarju għad-drittijiet tal-pensjoni ta' l-irtirar li jkun akkwista fl-amministrazzjoni tal-gvern, f'organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali jew f'intrapriża, jew

- is-somma imħallsa lura lilu mill-fond tal-pensjoni ta' l-amministrazzjoni tal-gvern, ta' l-organizzazzjoni jew ta' intrapriża fid-data meta jkun telaq mis-servizz tagħha.

F'dak il-każ l-awtorità kompetenti għall-ħlas ta' pensjonijiet għandha, wara li tqis il-grad tiegħu meta laħaq, tistabbilixxi l-ammont ta' snin ta' servizz pensjonabbli li għandu jingħata lilu skond l-iskema ta' pensjoni preżenti, skond l-ekwivalent attwarju jew ta' somom imħallsa lura kif imsemmi qabel.

L-għażla msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun miftuħa wkoll għall-membri tal-persunal li daħlu fis-servizz qabel…, Fir-rigward tad-drittijiet għall-pensjoni li jikkorrespondu mal-pensjoni tas-servizz tagħhom mal-Fondazzjoni qabel dik id-data in-numru ta' snin ta' servizz pensjonabbli għandu, iżda, jiġi stabbilit skond il-grad u l-livell tal-persuna fid-9 ta' Marzu 1982.

Sezzjoni 2

Għotja għal terminazzjoni tas-servizz

Artikolu 11

1. Membru tal-persunal li jkollu inqas minn 60 sena u li s-servizz tiegħu jintemm għal raġuni oħra minbarra dik tal-mewt jew ta' l-invalidità u li ma jkunx intitolat għall-pensjoni ta' l-irtirar jew ma jkunx jista’ jibbenifika mid-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 10(1), għandu jkun intitolat kif itemm is-servizz għall-ħlas ta':

(a) l-ammont totali mnaqqas mis-salarju bażiku tiegħu skond il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tiegħu, flimkien ma’ l-imgħaxx kompost bir-rata ta' 3.5 % fis-sena;

(b) dejjem jekk il-kuntratt ta' impjieg tiegħu ma kienx ġie mitmum skond Artikolu 47 tal-kondizzjonijiet ta' impjieg, kumpens għal terminazzjoni tas-servizz li jkun fi proporzjon għat-tul proprju tas-servizz, u li jkun maħdum fuq medda ta' xahar u nofs għal kull sena servizz ta' l-aħħar salarju bażiku qabel it-tnaqqis. F'każijiet koperti b'Artikolu 10(2), il-perjodu tas-servizz ta' qabel għandu jitqies bl-istess mod bħala li jkun is-servizz proprju, skond in-numru ta' snin tas-servizz pensjonabbli mogħti lilu skond it-tieni subparagrafu ta' Artikolu 10(2);

(ċ) is-somma totali imħallsa lill-Fondazzjoni, skond Artikolu 10(2), fejn dik is-somma tkun tikkorrespondi mal-perjodi ta' qabel id-9 ta' Marzu 1982, u terz minn dik is-somma għall-perjodi ta' wara dik id-data, flimkien ma’ l-imgħaxx kompost bir-rata ta' 3.5 % fis-sena.

2. L-ammonti mħallsa skond Artikolu 37 hawn taħt għandhom jiġu mnaqqsa mill-għotja msemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) u (ċ).

IL-KAPITOLU III

PENSJONI TA' L-INVALIDITÀ

Artikolu 12

Skond id-diposizzjonijiet ta' Artikolu 1, membru tal-persunal li jkollu inqas minn 65 sena li f'xi żmien, waqt il-perjodu li fih ikun qiegħed jieħu d-drittijiet tal-pensjoni, huwa jkun rikonoxxut mill-Kumitat ta'l-invalidità msemmi f'Anness I bħala wieħed li jkun qiegħed ibati minn invalidità totali u permanenti u li huwa jkun obbligat fuq dawk il-kriterji biex itemm is-servizz tiegħu mal-Fondazzjoni, għandu jkun intitolat, sakemm jibqa’ marid, għall-pensjoni ta' l-invalidità kif imsemmi f'Artikolu 41b tal-kondizzjonijiet ta' impjieg.

Il-pensjoni ta' l-invalidità u l-pensjoni ta' l-irtirar ma għandhomx jiġu mħallsa fl-istess żmien.

Artikolu 13

L-intitolament għall-pensjoni ta' l-invalidità għandu jidħol fis-seħħ mill-għada ta' meta jintemm il-kuntratt ta' impjieg tal-membru tal-persunal konċernat skond Artikoli 45 u 46 tal-kondizzjonijiet ta' impjieg.

Artikolu 14

Id-Direttur jista’ fi kwalunkwe ħin jitlob prova li r-riċevitur tal-pensjoni ta' l-invalidità jkun għadu jissodisfa l-ħtiġijiet għall-ħlas tal-pensjoni. Jekk il-Kumitat ta'l-invalidità jsib li l-ħtiġijiet ma jkunux aktar sodisfatti, l-intitolament għall-pensjoni għandu jieqaf ħesrem.

Jekk il-persuna konċernata ma terġax tiddaħħal fis-servizz tal-Fondazzjoni, hija għandha tibda tirċievi l-għotja msemmija f'Artikolu 11, maħduma fuq il-bażi tal-perjodu ta' servizz li tkun fil-fatt għamlet.

Artikolu 15

F'każ li membru tal-persunal li kien qiegħed jirċievi l-pensjoni ta' l-invalidità jerġa’ jidħol jaħdem mal-Fondazzjoni, iż-żmien li fih kien qiegħed jirċievi dik il-pensjoni għandu jkun inkorporat għall-għanijiet tal-kalkolazzjoni tal-pensjoni ta' l-irtirar tiegħu, mingħajr ma jkollu għalfejn iħallas l-arretrati tal-kontribuzzjonijiet.

IL-KAPITOLU IV

PENSJONI TAS-SUPERSTITI

Artikolu 16

F'każ li membru tal-persunal imut waqt is-servizz jew waqt leave għal servizz militari l-armla tiegħu għandha tkun intitolata, dejjem jekk tkun ilha miżżewġa lilu għal mill-inqas sena qabel ma jmut u skond id-dispożizzjonijiet ta' Artikoli 1 u 21 hawn wara msemmija, għall-pensjoni tar-romol li tkun ekwivalenti għal 35 % ta' l-aħħar salarju fix-xahar bażiku tiegħu, li ma għandux ikun inqas mill-figura ta' sussistenza minima definita f'Artikolu 5.

Il-kondizzjonijiet tat-tul taż-żwieġ speċifikati fl-ewwel paragrafu ma għandhomx jitqiesu jekk ikun hemm wild wieħed jew iżjed taż-żwieġ jew taż-żwieġ ta' qabel tal-membru tal-persunal dejjem jekk l-armla tmantni jew mantniet dawk it-tfal, jew jekk il-mewt tal-membru tal-persunal tkun ġrat jew minħabba disabiltà fiżika jew marda li jkun ħa waqt il-qadi ta' dmirijietu jew waqt aċċident.

Artikolu 17

F'każ li membru tal-persunal kien qiegħed jirċievi pensjoni ta' l-irtirar, l-armla tiegħu għandha tkun intitolata, dejjem jekk kienet ilha miżżewġa lilu għal mill-inqas sena meta telaq is-servizz tal-Fondazzjoni, u soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 21, għall-pensjoni tar-romol li tkun ekwivalenti għal 60 % tal-pensjoni ta' l-irtirar li kien qiegħed jirċievi sa meta miet. L-inqas ammont tal-pensjoni tar-romol għandha tkun 35 % ta' l-aħħar salarju bażiku fix-xahar tal-membru tal-persunal u ma għandux ikun inqas mill-figura ta' sussistenza minima iddefinita fl-Artikolu 5; l-ammont tal-pensjoni tar-romol ma għandux, bl-ebda mod, iżda, jaqbeż l-ammont tal- pensjoni ta' l-irtirar li kien qiegħed jirċievi żewġha sa meta miet.

Il-kondizzjoni tat-tul taż-żwieġ imsemmija fl-ewwel paragrafu ma għandhiex tkun ikkunsidrata jekk ikun hemm wild wieħed jew iżjed minn ta' żwieġ li jkun sar qabel ma il-membru tal-persunal ikun temm is-servizz, dejjem jekk l-armla tmantni jew tkun mantniet dawk l-ulied.

Artikolu 18

L-armla ta' membru tal-persunal ta' qabel li jkun ħalla s-servizz qabel is-60 sena u u li kien talab li l-pensjoni ta' l-irtirar tiegħu tkun diferita sa l-ewwel ġurnata tax-xahar wara li jkun għalaq 60 sena għandha tkun intitolata, dejjem jekk kienet ilha miżżewġa lilu għal mill-inqas sena minn meta jkun temm is-servizz tiegħu mal-Fondazzjoni, u soġġetta għal Artikolu 21 tal-pensjoni tar-romol ekwivalenti għal 60 % tal-pensjoni ta' l-irtirar li kieku kellu jieħu żewġha fl-eta’ ta' 60 sena. Il-pensjoni minima tar-romol għandha tkun 35 % ta' l-aħħar salarju bażiku fix-xahar tal-membru tal-persunal; l-ammont tal-pensjoni ta' l-armla ma għandu bl-ebda mod, iżda, ikun ogħla mill-ammont tal-pensjoni ta' l-irtirar li kien ikun intitolat għaliha l-membru tal-persunal fl-eta’ ta' 60 sena.

Il-kondizzjoni tat-tul taż-żwieġ imsemmija fl-ewwel paragrafu ma għandhiex tkun kunsidrata jekk ikun hemm wild wieħed jew iżjed minn ta' żwieġ li jkun sar qabel ma il-membru tal-persunal ikun temm is-servizz, dejjem jekk l-armla tmantni jew tkun mantniet dawk l-ulied.

Artikolu 19

Għall-għanijiet ta' Artikoli 17 u18, il-kondizzjoni tat-tul taż-żwieġ ma għandhiex tkun ikkonsidrata f'każ li ż-żwieġ, minkejja li jkun sar wara t-tmiem tas-servizz ta' l-uffiċjal, ikun dam għal mill-inqas ħames snin.

Artikolu 20

1. Il-pensjoni ta' l-orfni msemmija f'Artikolu 41d (1) tal-Kondizzjonijiet ta' Impjieg għandha tkun, għall-ewwel orfni, ekwivalenti għal tmienja minn għaxra tal-pensjoni tas- superstiti li għaliha kienet tkun intitolata l-armla tal-membru tal-persunal, it-tnaqqis imsemmi f'Artikolu 25 ta' dan l-Anness ma jiġix ikkonsidrat.

Ma għandhiex tkun inqas mill-figura minima ta' sussistenza, kif imfisser f'Artikolu 5, skond id-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 21.

2. Il-pensjoni għandha tiġi miżjuda, għal kull wild dipendenti wara l-ewwel wieħed, b'ammont ekwivalenti għal darbtejn l-allokazzjoni ta' wild dipendenti.

3. L-ammont totali tal-pensjoni u ta' l-allokazzjoni maħdum b'dan il-mod għandu jinqasam indaqs bejn l-orfni kollha intitolati.

Artikolu 21

F'każ li membru tal-persunal iħalli warajh armla kif ukoll orfni minn żwieġ ta' qabel jew lil persuni oħra intitolati taħtu, il-pensjoni totali, maħduma daqs li kieku għal armla li jkollha dawn in-nies kollha dipendenti taħtha, għandha tinqasam fost il-persuni varji konċernati fi proporzjon għall-pensjonijiet li kieku kienu jiġu mħallsa lil kull kategorija tagħhom jekk meqjusa b'mod separat.

F'każ li membru tal-persunal iħalli warajh orfni minn żwiġijiet differenti, il-pensjoni totali, ikkalkulata daqs li kieku t-tfal kollha kienu ta' l-istess żwieġ, għandha tiġi mqassma bejn il-persuni varji konċernati fi proporzjon għall-pensjonijiet li kieku kienu jingħataw lil kull kategorija tagħhom jekk meqjusa b'mod separat.

Għall-għanijiet li jiġi maħdum dan it-tqassim, ulied dipendenti fit-tifsira ta' Artikolu 7 ta' Anness IV, ta' żwieġ ta' qabel, ta' wieħed jew l-ieħor mill-konjuġi, għandhom ikunu nklużi fil-kategorija ta' ulied taż-żwieġ għall-membru tal-persunal.

Fil-każ stipulat fit-tieni paragrafu, l-axxendenti li jkunu rikonoxxuti bħala dipendenti fit-tifsira ta' Artikolu 7(4) ta' Anness IV għandhom jiġu trattati bl-istess mod bħal ulied dipendenti, u, għall-għan li jinħadem it-tqassim, inklużi fil-kategorija tad-dixxendenti.

Artikolu 22

B'deċiżjoni speċjali meħuda mill-awtorità msemmija f'Artikolu 41ħ tal-kondizzjonijiet ta' l-impjieg, il-pensjoni maħduma skond Artikolu 16 tista’ tingħata lill-armel ta' membru femminili tal-persunal, li tmut waqt is-servizz, dejjem jekk jippreżenta provi li ma jkollux dħul tiegħu personali u li fil-mewt ta' martu kien inkapaċitat permanenti b'invalidità jew marda serja minn partiċipazzjoni f'xogħol bi qliegħ.

Artikolu 41e tal-Kondizzjonijiet ta' Impjieg għandhom jgħoddu bl-istess mod.

Il-ħlas tal-pensjoni għandu jieqaf jekk ir-raġel superstitu jiżżewweġ mill-ġdid.

Artikolu 23

Dawk intitolati taħt membru tal-persunal mejjet, kif imfisser f'dan il-Kapitolu, għandhom jirċievu wkoll l-għotja li għaliha hemm provdut f'Artikolu 11 hawn fuq.

F'każ li membru tal-persunal imut mingħajr ma jħalli superstiti intitolati għall-pensjoni tas-superstiti, il-werrieta għandhom ikunu intitolati li jirċievu l-għotja li għaliha hemm provdut f'Artikolu 11.

Iżda, l-ammonti mħallsa skond Artikolu 37 għandhom jiġu mnaqqsa mill-għotja.

Artikolu 24

Id-dritt ta' riċeviment ta' ħlas tal-pensjoni tas-superstiti għandu jidħol fis-seħħ mill-ewwel ġurnata tax-xahar wara l-mewt tal-membru tal-persunal. Iżda, fejn il-ħlas li għalih hemm provdut f’Artikolu 36 tal-Kondizzjonijiet ta' Impjieg isir fuq il-pensjoni tal-mewt, dak id-dritt għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tar-raba’ xahar wara li tkun seħħet il-mewt.

Id-dritt ta' riċeviment tal-ħlas tal-pensjoni tas-superstiti għandu jintemm fl-aħħar tax-xahar kalendarju li fih ir-riċevitur tal-pensjoni imut jew jieqaf jissodisfa il-kriterji meħtieġa għall-għoti tal-pensjoni.

Artikolu 25

Meta d-differenza fl-età bejn dik tal-membru tal-persunal mejjet u l-konjuġi superstiti tiegħu, minbarra ż-żmien kemm damu miżżewġin, ikun iżjed minn 10 snin, il-pensjoni tas-superstiti, maħduma skond id-dispożizzjonijiet preċedenti, għandha tkun soġġetta għal tnaqqis, għal kull sena sħiħa ta' differenza, li jammonta għal:

- 1 % għas-snin bejn 10 u 20 sena,

- 2 % għas-snin minn 20 sena sa iżda li ma tinkludix 25 sena,

- 3 % għas-snin minn 25 sena sa iżda li ma tinkludix 30 sena,

- 4 % għas-snin minn 30 sena sa iżda li ma tinkludix 35 sena,

- 5 % għas-snin minn 35 ‘l fuq.

Artikolu 26

L-intitolament ta' armla għall-pensjoni tas-superstiti għandu jieqaf hekk kif terġa’ tiżżewweġ. Hija għandha tkun intitolata għall-ħlas immedjat ta' somma kapitali ekwivalenti għal darbtejn l-ammont annwali tal-pensjoni tas-superstiti, dejjem jekk it-tieni paragrafu ta' Artikolu 41d (2) tal-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ma jkunx jgħodd.

Artikolu 27

Il-mara divorzjata ta' membru tal-persunal għandha tkun intitolata mal-mewt tiegħu għall-pensjoni tas-superstiti, kif imfisser f'dan il-Kapitolu, dejjem jekk il-qorti li tkun ħarġet id-digriet ma ssibx lill-mara divorzjata ħatja ta' kollox. Dan l-intitolament għandu jintemm jekk hija terġa’ tiżżewweġ qabel ma jmut ir-raġel li kellha qabel. Id-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 26 għandhom jgħoddu jekk hija terġa’ tiżżewweġ wara li jmut ir-raġel li kellha qabel.

Artikolu 28

F'każ li membru tal-persunal divorzjat li jkun reġa’ żżewweġ iħalli armla intitolata għall-pensjoni tas-superstiti, dik il-pensjoni għandha titqassam, fi proporzjon għat-tul taż-żwiġijiet, bejn il-mara divorzjata jekk ma tkunx reġgħet iżżewġet u l-armla, jekk il-qorti li tkun ħarġet id-digriet ma ssibx lill-mara divorzjata ħatja ta' kollox. L-ammont li tkun intitolata għalih il-mara divorzjata jekk ma tkunx reġgħet iżżewġet ma ghandux ikun iżjed mill-ammont ta' manteniment mogħti lilha taħt id-digriet.

Jekk xi waħda minn dawk intitolati għall-pensjoni tmut jew tirrinunzja għall-parti tagħha, il-parti tagħha għandha tiżdied ma’ l-ishma tal-persuni l-oħra, minbarra fejn jidħlu d-drittijiet ta' l-orfni skond Artikolu 41d (2) tal-kondizzjonijiet ta' impjieg.

Tnaqqis fir-rigward ta' differenza fl-età, skond Artikolu 25, għandu jsir b'mod separat għall-pensjonijiet mqassma skond dan l-Artikolu.

Artikolu 29

Fejn skond Artikolu 35 il-mara divorzjata ma tibqax intitolata għall-pensjoni, l-armla għandha titħallas il-pensjoni totali, dejjem jekk Artikolu 41d (2) ma jkunx jgħodd.

IL-KAPITOLU V

FONDI GĦALL-ISKEMA TAL-PENSJONI

Artikolu 30

Is-salarji kollha għandhom ikunu, fil-każijiet kollha soġġetti għal tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet ta' l-iskema tal-pensjoni imsemmija f'Artikoli 41a sa 41h tal-Kondizzjonijiet ta' Impjieg u f'Anness VI hawnhekk.

Artikolu 31

Il-kontribuzzjonijiet imnaqqsa sew ma għandhomx jkunu rimburzati. Kontribuzzjonijiet imnaqqsa ħażin ma għandhomx jikkonferixxu d-dritt ta' riċeviment ta' pensjoni; għandhom jiġu rimburzati mingħajr interessi fuq it-pretensjoni tal-membru tal-persunal jew ta' dawk intitolati taħtu.

Artikolu 32

It-tabelli tal-moralità u ta' l-invalidità u żjidiet fis-salarji maħsuba sabiex jintużaw fil-kalkolazzjoni tal-valuri attwarji msemmija f'dan l-Anness għandhom ikunu dawk addottati mill-awtoritajiet tal-budget tal-Komunitajiet Ewropej skond Artikolu 39 ta' Anness VI. II tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Uffiċjali ta' dawk il-Komunitajiet.

Sezzjoni 6

Ftehim dwar pretensjonijiet tal-membri tal-persunal

Artikolu 33

Id-Direttur tal-Fondazzjoni wara li jkun iddelega s-setgħat tiegħu, l-awtorità amministrattiva msemmija f'Artikolu 41ħ tal-Kondizzjonijet ta' Impjieg għandu jkun responsabbli milli jsolvi l-pretensjonijiet għall-pensjoni ta' l-irtirar, ta' l-invalidità, tas-superstiti jew proviżjonali. Prospett dettaljat ta' kif għandha tiġi milqugħa t-pretensjoni għandu jiġi ppreżentat lill-membru tal-persunal jew lil dawk intitolati taħtu u lill-Fondazzjoni fl-istess waqt mad-deċiżjoni li tagħti l-pensjoni.

Pensjoni ta' l-irtirar jew ta' l-invalidità ma tistax tingħata fl-istess waqt li jingħata s-salarju mill-Fondazzjoni jew minn waħda mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej.

L-għoti ta' pensjoni ta' l-irtirar, ta' l-invalidità jew tas-superstiti ma għandhiex tagħti intitolament għall-allokazzjoni ta' l-espatrijazzjoni.

Artikolu 34

L-ammont tal-pensjoni jista’ fi kwalunkwe ħin jiġi maħdum mill-ġdid kemm il-darba kien hemm xi tip ta' żball jew nuqqas.

Il-pensjoni tista’ tiġi mmodifikata jew miżmuma jekk il-mod kif tkun ingħatat ma jkunx jaqbel mad-dispożizzjonijiet tal-kondizzjonijiet ta' l-impjieg u ta' dan l-Anness.

Artikolu 35

F'każ li jmut membru tal-persunal u dawk intitolati taħtu ma japplikawx għall-pensjoni tagħhom fi żmien sena mid-data tal-mewt tiegħu, huma għandhom jitilfu l-intitolament tagħhom, minbarra fejn force majeure tiġi stabbilita kif xieraq .

Artikolu 36

Membru tal-persunal jew dawk intitolati taħtu għall-benefiċċji marbuta ma’ l-iskema tal-pensjoni għandhom jipprovdu l-provi kollha meħtieġa bil-miktub u jinfurmaw lill-awtorità amministrattiva msemmija f'Artikolu 41ħ tal-kondizzjonijiet ta' impjieg, dwar xi fatturi li jistgħu jaffettwaw l-intitolament tagħhom.

Artikolu 37

Taħt kondizzjonijiet li għad iridu jkunu stabbiliti mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, il-membri tal-persunal jistgħu jitolbu lill-Fondazzjoni sabiex tagħmel il-pagamenti neċessarji sabiex tikkostitwixxi jew sabiex iżżomm id-drittijiet għall-pensjoni tagħhom fil-pajjiż nattiv tagħhom.

Dawn il-pagamenti ma għandhomx ikunu iżjed minn 13.5 % tas-salarju bażiku u għandhom jitħallsu mill-budget tal-Fondazzjoni.

IL-KAPITOLU VII

ĦLAS TA' BENEFIĊĊJI

Artikolu 38

Il-benefiċċji taħt l-iskema tal-pensjoni għandhom jitħallsu kull xahar bl-arretrati.

Il-benefiċċji għandhom jiġu mħallsa mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mill-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dawk li jibbenefikaw jistgħu jiddeċiedu li l-pensjoni tagħhom titħallas fil-munita jew tal-pajjiż nattiv tagħhom jew inkella tal-pajjiż ta' residenza tagħhom jew fejn il-Fondazzjoni jkollha s-sede tagħha; l-għażla għandha tibqa’ fis-seħħ għal mill-inqas sentejn.

F'każ li la l-pajjiż nattiv u lanqas il-pajjiż ta' residenza ma jkun pajjiż tal-Komunitajiet, il-benefiċċji għandhom jitħallsu bil-munita tal-pajjiż fejn il-Fondazzjoni jkollha s-sede tagħha.

Artikolu 39

Kwalunkwe somom dovuti minn membri tal-persunal lill-Fondazzjoni, fid-data meta għandu jitħallas l-benefiċċju skond l-iskema tal-pensjoni, dawn għandhom jitnaqqsu mill-ammont tal-benefiċċju tagħhom jew mill-benefiċċji mħallsa lil dawk intitolati taħthom. It-tnaqqis jista’ jinfirex fuq numru ta' xhur.

Artikolu 40

F'każ li l-invalidità jew il-mewt ta' membru tal-persunal ikunu kkaġunati minn tielet parti, id-drittijiet għal azzjoni tal-membru tal-persunal jew ta' dawk intitolati taħtu kontra t-tielet parti għandhom jingħataw fil-Komunitajiet Ewropej fil-limiti ta' l-obbligi tagħhom taħt l-iskema tal-pensjoni.

"

--------------------------------------------------