31982L0894



Official Journal L 378 , 31/12/1982 P. 0058 - 0062
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 15 P. 0215
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 26 P. 0227
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 15 P. 0215
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 26 P. 0227


Id-Direttiva tal-Kunsill

tal-21 Diċembru 1982

dwar in-notifika ta’ mard ta’ l-annimali fil-Komunità

(82/894/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 43 u 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi l-Komunità ħarġet regolamenti fir-rigward ta’ ħtiġijiet tas-saħħa għal kummerċ fi ħdan il-Komunità fir-rigward ta annimali ta’ l-ifrat u ħnieżer, laħam frisk, laħam tat-tjur frisk u prodotti tal-laħam frisk;

Billi d-dehra jew il-preżenza ta’ ċertu mard ta’ l-annimali li jittieħed jippreżentaw sogru għall-merħla tal-Komunità, notevolment bit-tixrid tiegħu bħala riżultat ta’ kummerċ fi ħdan il-Komunità; billi informazzjoni ta’ malajr u eżatta hija essenzjali għall-applikazzjoni tad-diversi miżuri ta’ protezzjoni li hemm ipprovdut dwarhom fir-regolamenti tal-Komunità;

Billi huwa f’idejn kull Stat Membru li jinnotifika kull Stat Membru ieħor u lill-Kummissjoni bl-inċidenza u l-għajbien ta’ ċertu mard ta’ l-annimali fit-territorju tiegħu, skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar problemi tas-saħħa ta’ l-annimali li jaffettwaw il-kummerċ fi ħdan il-Komunità ta’ l-annimali ta’ l-ifrat u ħnieżer [3], kif l-aħħar emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 80/1274/KEE [4]; l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 71/118/KEE tal-15 ta’ Frar 1971 li jittratta problemi ta’ saħħa li jaffettwaw il-kummerċ fil-laħam tat-tjur frisk [5], kif l-aħħar emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 80/216/KEE [6]; l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 72/461/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1972 dwar problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ fi ħdan il-Komunità fil-laħam frisk [7], kif l-aħħar emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 80/1099/KEE [8] u l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 80/215/KEE tat-22 ta’ Jannar 1980 dwar problemi tas-saħħa ta’ l-annimali li jaffettwaw il-kummerċ fi ħdan il-Komunità fi prodotti tal-laħam [9], kif l-aħħar emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 80/1100/KEE [10];

Billi l-metodu tan-notifika u l-mard li għandu jiġi notifikat jeħtieġu jkunu speċifikament stipulati; billi, b’mod partikolari, għandu jkun hemm reviżjoni perjodika tas-sitwazzjoni tal-mard f’kull Stat Membru;

Billi, fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba min-notifika msemmija, l-adattament għall-ħtiġijiet tekniċi ser ikun skond proċedura li ssejjaħ għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. Din id-Direttiva tirreferi għan-notifika ta’:

- l-inċidenza ta’ kull waħda mill-mard elenkati fl-Anness I,

- it-tneħħija — wara l-qerda ta’ l-aħħar inċidenza — ta’ restrizzjonijiet fir-rigward ta l-inċidenza ta’ kull waħda mill-mard elenkati fl-Anness I.

2. Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet partikolari għal informazzjoni fir-rigward ta’ l-armonizzazzjoni tal-qerda u/jew il-profilassi ta’ mard ta’ l-annimali.

L-Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a) "fond" ifisser kull stabbiliment (agrikolu jew ta’ xort’oħra) li jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, li fih jitrabbew jew jinżammu l-annimali;

(b) "każ" tfisser il-konferma uffiċjali ta’ kull waħda mill-mard elenkati fl-Anness I f’kull annimal jew karkassa;

(ċ) "inċidenza" tfisser il-fond jew post li jkun jinsab fit-territorju tal-Komunità fejn jinġabru l-annimali u fejn każ wieħed jew aktar ikunu ġew konfermati uffiċjalment;

(d) "inċidenza primarja" tfisser waħda mhix marbuta b’mod epiżotoloġiku ma’ inċidenza preċedenti fl-istess reġjun ta’ Stat Membru kif definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 64/432/KEE jew l-ewwel inċidenza f’reġjun differenti ta’ l-istess Stat Membru.

L-Artikolu 3

1. Kull Stat Membru għandu jinnotifika direttament kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri l-oħra fi żmien 24 siegħa:

- bl-inċidenza primarja ta’ kull waħda mill-mard elenkati fl-Anness I li tiġi konfermata fit-territorju tiegħu;

- it-tneħħija — wara l-qerda ta’ l-aħħar inċidenza — ta’ restrizzjonijiet mit-territorju tiegħu fir-rigward ta l-inċidenza ta’ kull wieħed mill-mard elenkat fl-Anness I;

2. In-notifiki li ssir referenza għalihom fil-paragrafu I għandhom jinkludu l-informazzjoni li tidher fl-Anness II u għandhom jiġu komunikati bit-telex.

3. Fil-każ tad-deni tal-ħnieżer klassiku, l-informazzjoni li hemm ipprovduta taħt id-Direttiva tal-Kunsill 80/217/KEE tat-22 ta’ Jannar 1980 li tintroduċi l-miżuri tal-Komunità għall-kontroll tad-deni tal-ħnieżer klassiku [11], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 80/1274/KEE [12], għandha tiġi meqjusa bħala sufficjenti.

L-Artikolu 4

1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 1(2), kull Stat Membru għandu jinnotifika direttament lill-Kummissjoni, mill-inqas fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ kull ġimgħa, dwar l-inċidenza sekondarja ta’ kull wieħed mill-mard elenkat fl-Anness 1 li jiġi konfermat fit-territorju tiegħu.

In-notifika fuq imsemmija għandha tkopri l-ġimgħa li tkun għalqet f’nofs il-lejl tal-Ħadd li jiġi qabel l-istess.

Il-Kummissjoni għandha tikkorrelata l-informazzjoni kollha, li għandha tittrasmetti lill-kwartieri ġenerali veterinarji ta’ kull Stat Membru.

2. Jekk il-Kummissjoni ma tirċievi l-ebda informazzjoni dan jiġi meqjus li jfisser li ma kien hemm ebda inċidenza sekondarja fil-perjodu li ssir riferenza għalih fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.

3. In-notifiki li ssir riferenza għalihom fil-paragrafu 1 għandu jkun fihom l-informazzjoni li tidher fl-Anness II u għandhom jiġu kkomunikati bit-telex.

L-Artikolu 5

1. Il-forma kodifikata li biha l-informazzjoni li tidher fl-Anness II għandha tiġi trasmessa għandha tiġi stabbilita skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 6 u qabel id-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2. Skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 6, jista’ jiġi deċiż:

- li l-Annessi jiġu supplimentati jew emendati,

- illi, minkejja l-Artikolu 4, l-iskop, kontenut u frekwenza tan-notifika jistgħu jiġu modifikati b’mod temporanju skond il-marda inkwistjoni u l-iżvilupp epiżotoloġiku partikolari tagħha.

L-Artikolu 6

1. Fejn il-proċedura stipulata f’dan l-Artikolu għandha tiġi segwita, il-kwistjoni għandha mingħajr dewmien tiġi riferita mill-President, jew fuq inizjattiva tiegħu, inkella fuq it-talba ta’ Stat Membru, lill-Kumitat Veterinarju Permanenti (minn hawn’ l quddiem imsejjaħ "il-kumitat") stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1968.

2. Fil-kumitat, il-voti ta’ l-Istati Membri għandhom jiġu kwalifikati kif stipulat fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-president m’għandux jivvota.

3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jippreżenta abbozz tal-miżuri li għandhom jiġu adottati. Il-kumitat għandu jwassal l-opinjoni tiegħu dwar dawn il-miżuri fit-terminu ta’ żmien li jiġi stipulat mill-president, wara li jikkunsidra l-urġenza tal-kwistjonijiet taħt eżami. L-opinjonijiet għandhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ 45 vot.

4. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri u għandha timplimentahom immedjatament, fejn dawn ikunu jaqblu ma’ l-opinjoni tal-kumitat. Fejn il-miżuri previsti ma jkunux jaqblu ma’ l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ma tiġi espressa ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tippreżenta lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri permezz ta’ maġġoranza kwalifikata.

Jekk il-Kunsill ma jkun adotta l-ebda miżuri fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-kwistjoni tkun ġiet riferita lilu, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti u għandha timplimentahom immedjatament, sakemm il-Kunsill ma jkunx ivvota kontra l-imsemmija miżuri b’maġġoranza sempliċi.

L-Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 Jannar 1984 u għandhom minn issa ’l quddiem jinformaw lill-Kummissjoni dwarhom.

L-Artikolu 8

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, fil-21 ta’ Diċembru 1982.

Għall-Kunsill

Il-President

O. Møller

[1] L-Opinjoni mogħtija fit-12/13 ta’ April 1982 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU C 112, tat-3.5.1982, p. 4.

[3] ĠU C 121, tad-29.7.1964, p. 1977/64.

[4] ĠU L 375, tal-31.12.1980, p. 75.

[5] ĠU L 55, tat-8.3.1971, p. 23.

[6] ĠU L 47, tal-21.2.1980, p. 8.

[7] ĠU L 302, tal-31.12.1972, p. 24.

[8] ĠU L 325, ta’ l-1.12.1980, p. 14.

[9] ĠU L 47, tal-21.2.1980, p. 4.

[10] ĠU L 325, ta’ l-1.12.1980, p. 16.

[11] ĠU L 47, tal-21.2.1980, p. 11.

[12] ĠU L 375, tal-31.12.1980, p. 75.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

Mard li huma s-suġġett tan-notifika

Marda ta' l-ilsien u d-dwiefer

Rinderpest (pesta ta' l-ifrat)

Plewropnewmonite ta' l-ifrat li tittieħed

Ilsien ikħal

Swine vesicular disease

Deni tal-ħnieżer klassiku

Deni tal-ħnieżer Afrikan

Marda Teschen (paraliżi tal-ħnieżer li jittieħed)

Pesta tat-tjur

Marda ta' Newcastle

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Informazzjoni mogħtija taħt in-notifika

1. Informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 3 fir-rigward ta' incidenzi primarji tal-mard elenkati fl-Anness I:

1. Data li tintbagħat

2. Ħin li tintbagħat

3. Isem ta' l-Istat Membru

4. (a) Isem tal-marda

(b) Tip ta' vajrus, jekk ikun xieraq

5. Data tal-konferma

6. Lok ġeografiku tal-fond

7. Numru ta' annimali suxxettibbli fuq il-post (a) ifrat, (b) ħnieżer, (ċ) nagħaġ, (d) mogħoż, (e) tjur

8. Numru ta' rjus maqtula (a) ifrat, (b) ħnieżer, (ċ) nagħaġ, (d) mogħoż, (e) tjur

9. Numru ta' karkassi meqruda (a) ifrat, (b) ħnieżer, (ċ) nagħaġ, (d) mogħoż, (e) tjur.

2. Informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 4 fir-rigward ta' incidenzi sekondarji tal-mard elenkati fl-Anness I;

1. Data li tintbagħat

2. Ħin li tintbagħat

3. Isem ta' l-Istat Membru

4. Għal kull marda notifikata:

(a) Isem tal-marda

(b) Numru ta' incidenzi

3. Informazzjoni meħtieġa bl-Artikolu 3 fir-rigward tat-tneħħija ta' restrizzjonijiet imposti fi Stat membru wara l-qerda ta' l-aħħar inċidenza ta' waħda mill-mard elenkati fl-Anness I.

1. Data li tintbagħat

2. Ħin li tintbagħat

3. Isem ta' l-Istat Membru

4. Isem tal-marda

5. Data tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet

--------------------------------------------------