Official Journal L 204 , 12/07/1982 P. 0027 - 0028
Finnish special edition: Chapter 2 Volume 3 P. 0129
Spanish special edition: Chapter 02 Volume 9 P. 0097
Swedish special edition: Chapter 2 Volume 3 P. 0129
Portuguese special edition Chapter 02 Volume 9 P. 0097
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ġunju 1982 li taċċetta f'isem il-Komunità r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali li għandhax’ taqsam ma’ ħtiġiet doganali rigward fatturi kummerċjali (82/457/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, Billi r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali li għandha x'taqsam ma’ ħtiġiet doganali rigward fatturi kummerċjali tista’ tiġi aċċettata mill-Komunità b'effett immedjat, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali tas-16 ta' Mejju 1979 li għandha x'taqsam ma’ ħtġiet doganali rigward fatturi kummerċjali hija permezz ta' din id-Deċiżjoni aċċettata f'isem il-Komunità b'effett immedjat. It-test tar-rakkomandazzjoni msemmija huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna li jkollha s-setgħa li tinforma s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali bl-aċċettazzjoni mill-Komunità b'effett immedjat tar-rakkomandazzjoni msemmija fl-Artikolu 1. Magħmula fil-Lussemburgu, fl-14 ta' Ġunju 1982. Għall-Kunsill Il-President P. de Keersmaeker -------------------------------------------------- RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL GĦALL-KOOPERAZZJONI DOGANALI TAS-16 TA' MEJJU 1979 LI GĦANDHA X'TAQSAM MAL-ĦTIĠIET DOGANALI RIGWARD FATTURI KUMMERĊJALI IL-KUNSILL GĦALL-KOOPERAZZJONI DOGANALI, Xewqan li jiffaċilita l-kummerċ internazzjonali billi jagħmilha possibbli għas-setturi kummerċjali li jimpjegaw metodi moderni ta' riproduzzjoni u trasmissjoni ta' informazzjoni, Wara li qies, inter alia, l-isforzi li qed isiru fil-livell internazzjonali sabiex jippermettu li d-dokumenti kollha meħtieġa għal operazzjoni kummerċjali internazzjonali jkunu preparati minn master wieħed permezz tal-metodu ′one-run’, Wara li qies ir-rakkomandazzjoni dwar il-firem u l-awtentikazzjoni adottata f'Marzu 1979 mill-Grupp tax-Xogħol fuq il-Faċilitazzjoni tal-Proċeduri tal-Kummerċ Internazzjonali tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa, li tinnota b'mod partikolari li l-adozzjoni ġenerali ta' metodi mekkaniċi jew elettroniċi ta' trasferiment ta' informazzjoni tirrikjedi bidliet fil-prattika preżenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-firem miktuba bl-idejn, Wara li kkunsidra li l-ħtieġa ta' firma fuq il-fattura kummerċjali għall-finijiet tad-dwana ma’ tagħti lid-dwana l-ebda garanzija partikolari ta' preċiżjoni, JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI GĦANDHOM: 1. JAĊĊETTAW IL-FATTURI KUMMERĊJALI PRODOTTI B'KULL PROĊESS, PER EŻEMPJU IL-METODU ′ONE-RUN’, FIL-KAŻIJIET FEJN IL-PREŻENTAZZJONI TAL-FATTURA KUMMERĊJALI TKUN MITLUBA B'KONNESSJONI MAL-IŻDOGANAR TA' L-OĠĠETTI; 2. jibqgħu lura milli jitolbu firma, għall-finijiet tad-dwana, fuq il-fatturi kummerċjali preżentati b'sostenn ta' dikjarazzjoni dwar oġġetti, JITLOB LI l-Istati Membri li jaċċettaw din ir-rakkomandazzjoni jinnotifikaw lis-Segretarjat Ġenerali bl-aċċettazzjoni tagħhom, mid-data li minnha jibdew japplikaw ir-rakkomandazzjoni, u tal-kondizzjonijiet ta' l-applikazzjoni tagħha. Is-Segretarju Ġenerali għandu jittrasmetti din l-informazzjoni lill-amministrazzjonijiet doganali ta' l-Istati Membri. --------------------------------------------------