31982D0072



Official Journal L 038 , 10/02/1982 P. 0001 - 0002
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 10 P. 0087
Spanish special edition: Chapter 15 Volume 3 P. 0084
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 10 P. 0087
Portuguese special edition Chapter 15 Volume 3 P. 0084


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-3 ta' Diċembru 1981

dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta' annimali slavaġ u ambjenti naturali Ewropej

(82/72/KEE)

KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi programm ta' azzjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-ambjent kien adottat bid-dikjarazzjoni tat-22 ta' Novembru 1973 [3], u miżjud bir-riżoluzzjoni tas-17 ta' Mejju 1977 [4]; billi l-għan ta' politika ambjentali fil-Komunità, kif iddefinita f'dawn l-atti, hija li ttejjeb l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja u l-madwar u l-kondizzjonijiet tal-ħajja tal-popli tal-Komunità; billi għal dan il-għan huwa, b'mod partikolari, meħtieġ li jkun żgurat l-immaniġġar tajjeb tar-riżorsi u ta' l-ambjent naturali u tkun evitata kull esplojtazzjoni tagħhom li tikkawża ħsara sinifikanti fil-bilanċ ekoloġiku; billi, iktar minn hekk, soluzzjonijiet komuni għall-problemi ambjentali ma' Stati barra l-Komunità għandhom jitfittxu, b'mod partikolari f'organizzazzjonijiet internazzjonali;

Billi, bħala parti mill-programm ta' azzjoni dwar l-ambjent tal-Komunità, il-Kunsill adotta d-Direttiva 79/409/KEE dwar il-konservazzjoni ta' għasafar slavaġ [5], li tkopri l-protezzjoni, l-immaniġġar u l-kontroll ta' dawn l-ispeċi u tistabbilixxi regoli għall-esplojtazzjoni tagħhom;

Billi l-Komunità ħadet sehem f'negozjati fi ħdan il-Kunsill ta' l-Ewropa għal Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta' annimali slavaġ u ambjenti naturali Ewropej; billi dik il-Konvenzjoni kienet iffirmata fid-19 ta' Settembru 1979;

Billi l-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni msemmija hija meħtieġa biex jinkiseb wieħed mill-għanijiet tal-Komunità; billi l-poteri meħtieġa għal dan il-għan m'hemmx ipprovdut għalihom fit-Trattat, ħlief l-Artikolu 235 tiegħu;

Billi l-Komunità se tieħu sehem f'din l-implimentazzjoni billi teżerċita l-poteri li jitnisslu mir-regoli komuni eżistenti u minn dawk li tikseb bis-saħħa ta' atti futuri adottati mill-Kunsill kif ukoll billi tuża l-eżitu ta' l-azzjoni tal-Komunità (riċerka - skambju ta' informazzjoni) li ndaħlet għaliha fl-oqsma konċernati;

Billi huwa meħtieġ għall-Komunità li tapprova l-Konvenzjoni msemmija;

Billi l-kondizzjonijiet ta' ħajja tal-flora u l-fawna slavaġ fi Greenland huma bażikament differenti minn dawk ta' flora u fawna slavaġ fir-reġjuni l-oħra tal-Komunità minħabba ċ-ċirkustanzi ġenerali u b'mod partikolari l-klima, d-densità baxxa tal-populazzjoni u l-qies eċċezzjonali u l-pożizzjoni ġeografika tal-gżira; billi, minħabba dan il-fatt, il-Kunsill diġà kellu jeskludi lil Greenland mill-intenzjoni ta' din id-Direttiva dwar il-konservazzjoni tal-għasafar slavaġ; billi għalhekk Greenland għandha wkoll tkun eskluża mill-intenzjoni tal-Konvenzjoni,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

L-artikolu 1

Il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta' annimali slavaġ u ambjenti naturali Ewropej hija b'dan approvata f'isem il-Komunità Ekonomika Ewropea.

It-test tal-Konvenzjoni huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

L-artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jiddepożita l-istrument ta' approvazzjoni kif jipprovdi għalih l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni [6] għat-territorji li fihom it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea huwa applikat skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dak it-Trattat, bl-eċċezzjoni ta' Greenland.

Magħmul fi Brussel, fit-3 ta' Diċembru 1981.

Għall-Kunsill

Il-President

T. King

[1] ĠU C 175, ta' l-14.07.1980, p. 17.

[2] ĠU Nru C 53, 03.03.1980, p. 50.

[3] ĠU Nru C 112, 20.12.1973, p. 1.

[4] ĠU Nru C 139, 13.06.1977, p. 1.

[5] ĠU Nru L 103, 25.4.1979, p. 1.

[6] Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

--------------------------------------------------