31980R3453



Official Journal L 360 , 31/12/1980 P. 0015 - 0015
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 12 P. 0248
Greek special edition: Chapter 03 Volume 32 P. 0121
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 12 P. 0248
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 20 P. 0073
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 20 P. 0073


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3453/80

tat-22 ta’ Diċembru 1980

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 154/75 dwar l-stabbiliment ta’ reġistru tal-koltivazzjoni taż-żebbuġ fl-Istati Membri li jipproduċu ż-żejt taż-żebbuġa

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1979, u partikolarment l-Artikoli 22 u 146 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 154/75 [1], kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1794/79 [2], jelenka l-limiti taż-żmien biex jitwaqqaf ir-reġistru tal-koltivazzjoni taż-żebbuġ fl-Istati Membri produtturi fil-Komunità tad-Disgħa; billi l-istess limiti taż-żmien għandhom ikunu stabbiliti biex jitwaqqaf reġistru tal-koltivazzjoni taż-żebbuġ fil-Greċja u għandha ssir disposizzjoni għal dawn il-limiti ta’ żmien biex jibdew mill-1 ta’ Novembru, 1982;

Billi, biex ikun żgurat li hemm fondi biex ikopru l-ispiża biex jitwaqqaf reġistru tal-koltivazzjoni taż-żebbuġ fil-Greċja, għandhom jitniżżlu l-ammont li għandu jinżamm ta’ għajnuna għall-produzzjoni mħallsa lil min ikabbar iż-żebbuġ fil-Greċja, u l-perjodu li tulu dan għandu jsir,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 154/75 huwa hawnhekk emendat kif ġej:

1. is-subparagrafu li ġej jiżdied ma’ l-Artikolu 1 (2):

"Dwar it-twaqqif tar-reġistru tal-koltivazzjoni taż-żebbuġ fil-Greċja, il-limiti taż-żmien imsemmija f’(a) u (b) jibdew mill-1 ta’ Novembru, 1982."

2. il-paragrafu 2a li ġej jiżdied fl-Artikolu 3:

"2a. L-awtoritajiet kompetenti tal-Greċja responsabbli għall-pagament ta’ għajnuna għall-produzzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 136/66/KEE, fil-mument tal-pagament, jagħmlu tnaqqis ta’ 0,96 ECU għal kull 100 kilogramma. Dan it-tnaqqis jgħodd għall-għajnuna li ngħatat għall-bejgħ li sar fis-snin ta’ tqegħid fis-suq 1980/81, 1981/82, 1982/83 u 1983/84."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jibda’ jseħħ fl-1 ta’ Jannar, 1981.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-iStati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, it-22 ta’ Diċembru, 1980.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Santer

[1] ĠU L 19, ta’ l-24.1.1975, p. 1

[2] ĠU L 206, ta’ l-14.8.1979, p. 3.

--------------------------------------------------