31980L1099



Official Journal L 325 , 01/12/1980 P. 0014 - 0015
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 12 P. 0210
Greek special edition: Chapter 03 Volume 31 P. 0239
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 12 P. 0210
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 19 P. 0238
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 19 P. 0238


Id-Direttiva tal-Kunsill

tal-11 ta’ Novembru 1980

li temenda d-Direttiva 72/461/KEE fir-rigward ta’ mard vexxikulari tal-ħnieżer u deni klassiku tal-ħnieżer

(80/1099/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 43 u 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi d-Direttiva 72/461/KEE [4], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 80/213/KEE [5], tipprovdi l-ħtiġiet tas-saħħa ta’ l-annimali li għandhom jitħarsu mill-annimali li minnhom jittieħed il-laħam;

Billi l-eżistenza ta’ mard tal-ħnieżer vexxikulari fil-Komunità jirrappreżenta periklu għall-istokkijiet tal-ħnieżer tal-Komunità; billi, għalhekk, għandhom jittieħdu passi biex jiżguraw li l-marda ma tixteridx waqt il-kummerċ ta’ ċerti prodotti tal-laħam tal-majjal frisk;

Billi l-persistenza tad-deni tal-ħnieżer klassiku f’ċerti partijiet tal-Komunità tirrapreżenta periklu għall-istokkijiet tal-ħnieżer ta’ dawk l-Istati Membri li huma ħielsa mill-mard; billi sa dak iż-żmien li jkun inqered mill-partijiet fejn ikun għadu jeżisti, dawk l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li jieħdu miżuri addizzjonali biex jipprevjienu kull kontaminazzjoni fil-kors tal-kummerċ,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

B’effett mill-1 ta’ Novembru 1980, id-Direttiva 72/461/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

(a) fl-Artikolu 3(b) u (ċ), il-kliem "marda tal-ħnieżer vexxikulari" għandu jiddaħħal bejn il-kliem "deni tal-ħnieżer" u "jew paraliżi tal-ħnieżer kontaġġjuża";

(b) it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 13 għandu jitħassar;

(ċ) l-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

"Artikolu 13a

1. Stati Membri li użaw l-awtorizzazzjoni pprovduta fid-Direttiva 80/218/KEE u li huma uffiċjalment ħielsa mid-deni tal-ħnieżer ma jistgħux jopponu l-introduzzjoni ta’ laħam tal-majjal frisk ġewwa t-territorju tagħhom minn Stat Membru ieħor jekk dak il-laħam ikun inkiseb minn:

(i) ħnieżer li jissodisfaw il-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 4 ċ (1) tad-Direttiva 64/432/KEE; jew,

(ii) ħnieżer mhux imlaqqma f’irziezet uffiċjalment ħielsa mid-deni tal-ħnieżer li jinsabu f’parti mit-territorju ta’ Stat Membru magħmul minn reġjun ħieles mid-deni tal-ħnieżer jew ta’ diversi reġjuni biswit ħielsa mid-deni tal-ħnieżer, u maqtula f’dik il-parti tat-territorju,

u, fejn punt (b) ta’ l-imsemmi l-Artikolu 4 ċ (1) japplika jew fejn (ii) ta’ hawn fuq japplika, il-laħam jiġi minn ħnieżer maqtula fil-biċċeriji fejn ħnieżer mlaqqma jew ma nqatlux jew nqatlu fi żmien differenti jew f’post isseparat, iżda fil-każijiet ta’ l-aħħar il-laħam ikun maħżun separatament.

2. Waqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, fi żmien tliet xhur mid-data meta l-proposta tkun mibgħuta lilu, il-Kunsill għandu jagħmel lista ta’ Stati Membri u partijiet tat-territorji msemmija fil-paragrafu 1 (ii) li huma ħielsa mid-deni tal-ħnieżer.

L-istat ta’ l-Istati Membri u partijiet tat-territorji fuq din il-lista għandu, mingħajr preġudizzju għall-possibbilità ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8, ikun sospiż mill-Kummissjoni għall-perjodu ta’ 15-il ġurnata meta tfaqqa’ il-marda jew ifaqqgħu diversi mardiet epiżootioloġiċi marbuta ta’ deni tal-ħnieżer ġewwa arja limitata ġeografikament.

Tista’ tittieħed deċiżjoni f’dan il-perjodu skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 9 jew biex jikkonfermaw mill-ġdid l-istat ta’ l-Istat Membru jew parti tat-territorju kkonċernat.

Fil-każ ta’ irtirar, dak l-istat ma jistax jingħata mill-ġdid lill-Istat Membru jew il-parti tat-territorju skond l-istess proċedura ħlief wara perjodu ta’:

- tliet xhur, jekk ma kienx hemm tilqim,

- sitt xhur, jekk kien hemm."

Artikolu 2

1. Waqt li jaġixxi fuq il-bażi tal-proposti tal-Kummissjoni li għandhom ikunu ssottomessi qabel il-31 ta’ Diċembru 1982, il-Kunsill għandu jerġa’ jeżamina mill-ġdid il-problema tal-kummerċ intra-Komunitarju fil-laħam frisk minn ħnieżer imlaqqmin, b’referenza partikolari għas-separazzjoni fil-biċċeriji tal-laħam kif imsemmi fl-Artikolu 13 a (1) tad-Direttiva 72/461/KEE.

2. Għandu jgħodd l-Artikolu 13 tad-Direttiva 72/461/KEE sal-31 ta’ Diċembru 1985.

3. Qabel l-1 ta’ Lulju 1985 il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill rapport fuq l-iżvilupp fis-sitwazzjoni b’mod partikolari fir-rigward ta’ kummerċ, flimkien mal-proposti xierqa dwar deni tal-ħnieżer.

4. Il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni fuq dawn il-proposti mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1985.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 1981 u għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

Sad-data meta l-Istati Membri ikunu jistgħu jikkonformaw, u sa l-1 ta’ Lulju 1981 sa l-aktar tard, id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit huma awtorizzati li jżommu r-regoli nazzjonali tagħhom dwar il-protezzjoni kontra d-deni tal-ħnieżer wara l-introduzzjoni fit-territorju tal-prodotti tal-laħam tal-majjal frisk, bla ħsara għall-konformità mad-disposizzjonijiet ġenerali tat-Trattat.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, 11 Novembru 1980.

Għall-Kunsill

Il-President

C. Ney

[1] ĠU C 130, tal-31.5.1980, p. 8.

[2] ĠU C 175, ta’ l-14.7.1980, p. 79.

[3] ĠU C 300, tat-18.11.1980, p. 20.

[4] ĠU L 302, tal-31.12.1972, p. 24.

[5] ĠU L 47, tal-21.2.1980, p. 1.

--------------------------------------------------