31978R2754



Official Journal L 331 , 28/11/1978 P. 0013 - 0013
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 10 P. 0128
Greek special edition: Chapter 03 Volume 23 P. 0065
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 10 P. 0128
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 15 P. 0060
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 15 P. 0060


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2754/78

tat-23 ta’ Novembru 1978

dwar l-intervent fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunita Ekonomika Ewropea,

Wara li kunsidra r-Regolament tal-Kunsill Nru 136/66/KEE tat-22 ta’ Settembru 1966 dwar it-twaqqif ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq fiż-żjut u x-xaħmijiet [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1562/78 [2], u partikolarment l-Artikolu 12(3) miġjub fih,

Waqt li kunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi, skond il-prattika kummerċjali, iż-żejt taż-żebbuġa huwa ġeneralment mibjugħ matul l-ewwel ħdax il-xahar tas-sena tal-bejgħ fis-suq; billi, biex jiġu evitati tranżazzjonijiet spekulattivi, għandu jiġi provvdut li għall-aħħar xahar tas-sena tal-bejgħ fis-suq l-aġenziji ta’ l-intervent iridu jixtru ż-żejt bil-prezz li japplika fil-bidu ta’ dik is-sena ta’ bejgħ fis-suq;

Billi ż-żejt taż-żebbuġa miżmum mill-aġenziji ta’ l-intervent irid jinħareġ għall-bejgħ mingħajr xi diskriminazzjoni bejn ix-xerrejja tal-Komunità u fuq termini l-aktar favorevoli;

Billi l-bejgħ bl-offerta jidher li huwa l-aktar sistema xierqa għal dan il-għan;

Billi, madankollu, f’ċerti sitwazzjonijiet speċjali huwa tal-parir li jintużaw proċeduri oħra għajr bl-offerta;

Billi, bil-ħsieb li tiġi organizzata s-sistema ta’ l-intervent fuq bażi razzjonali, ċentri ta’ l-intervent għandhom jiġu stabbiliti b’ riferenza kemm għall-volum ta’ produzzjoni tal-erji varji li jipproduċu ż-żejt taż-żebbuġa u anke għall-faċilitajiet ta’ ħażna disponibbli f’postijiet li jistgħu jiġu nominati bħala ċentri ta’ l-intervent;

Billi r-Regolament tal-Kunsill Nru 164/66/KEE tas-27 ta’ Ottubru 1966 li jistabbilixxi ċ-ċentri prinċipali ta’ l-intervent għaż-żejt taż-żebbuġa u jippreskrivi l-kriterji li jridu jiġu applikati meta ċ-ċentri ta’ l-intervent qed jiġu stabbiliti [3] għandu jiġi mħassar,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-aġenziji ta’ l-intervent maħtura mill-Istati Membri produtturi għandhom jixtru ż-żejt taż-żebbuġa:

- matul ix-xhur ta’ Awissu u Settembru, bil-prezz ta’ l-intervent li jgħodd matul Lulju,

- matul ix-xahar ta’ Ottubru, bil-prezz ta’ l-intervent li jgħodd matul l-ewwel xahar tas-sena tal-bejgħ fis-suq korrenti.

Artikolu 2

1. Iż-żejt taż-żebbuġa miżmum mill-aġenziji ta’ l-intervent għandu jinħareġ għall-bejgħ bl-offerta.

Madankollu, fejn kondizzjonijiet speċjali hekk jitolbu, tista’ tintuża proċedura ta’ bejgħ oħra.

2. Il-kundizzjonijiet ta’ bejgħ bl-offerta jew ta’ xi proċedura oħra ta’ bejgħ iridu jiżguraw aċċess ugwali u trattament lill-partijiet kollha, hu x’inhu l-post ta’ stabbiliment tagħhom fil-Komunità.

Artikolu 3

Iċ-ċentri ta’ l-intervent iridu jinstabu f’erja bi produzzjoni annwali medja ta’ żejt taż-żebbuġa ta’ mhux anqas minn 1000 tunnellata metrika. Jistgħu jitwaqqfu biss f’postijiet fejn jeżistu faċilitajiet adegwati għall-ħażna taż-żejt offrut għall-intervent.

Artikolu 4

Ir-Regolament Nru 164/66/KEE huwa hawnhekk imħassar.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Kominitajiet Ewropej.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 1979.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-23 ta’ Novembru 1978.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Ertl

[1] ĠU C 172, tat-30.9.1966, p. 3025/66.

[2] ĠU L 185, tas-7.7.1978, p. 1.

[3] ĠU C 197, tad-29.10.1966, p. 3398/66.

--------------------------------------------------