Official Journal L 233 , 24/08/1978 P. 0010 - 0014
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0006
Greek special edition: Chapter 05 Volume 3 P. 0021
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0006
Spanish special edition: Chapter 06 Volume 2 P. 0040
Portuguese special edition Chapter 06 Volume 2 P. 0040
Id-Direttiva Tal-Kunsill tal-25 ta’ Lulju 1978 dwar il-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet ipprovduti bil-liġi, regolament jew l-azzjoni amministrattiva fejn għandhom x’jaqsmu l-attivitajiet tat-tobba dentisti (78/687/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 49, 57, 66 u 235 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Billi, biex jintlaħaq ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, iċ-ċertifikati u evidenza oħra tal-kwalifiki formali tad-dentisti, provduti bid-Direttiva tal-Kunsill 78/686/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 li jikkonċernaw ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, iċ-ċertifikati u evidenza oħra ta’ kwalifiki formali tat-tobba dentisti, inklużi l-miżuri biex ikun ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu provduti servizzi [3], ix-xorta paragunabbli tal-korsijiet ta’ l-istħarriġ fl-Istati Membri tagħmel possibbli l-koordinazzjoni f’dan il-qasam li tiġi limitata għall-ħtieġa li l-livelli minimi jiġu osservati, li mbagħad iħalli l-Istati Membri fil-libertà ta’ l-organizzazzjoni fejn għandu x’jaqsam it-tagħlim; Billi, bil-għan ta’ rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, iċ-ċertifikati u evidenza oħra ta’ kwalifiki formali ta’ tabib dentist speċjalizzata u biex il-membri kollha tal-professjoni li huma ċittadini ta’ l-Istati Membri jitqiegħdu fuq livell indaqs fi ħdan il-Komunità, hi meħtieġa xi koordinazzjoni tal-ħtiġiet għat-taħriġ bħala professjonist tad-dentistrija speċjalizzata; billi ċerti kriterji minimi għandhom ikunu provduti għal dan l-iskop fuq id-dritt li jsir taħriġ speċjalizzat, il-perjodu minimu tat-taħriġ, il-metodu li bih dan it-taħriġ jingħata u l-post fejn għandu jitwettaq, kif ukoll is-superviżjoni li għaliha għandu jkun soġġett; billi dawn il-kriterji jikkonċernaw biss l-ispeċjalizzazzjonijiet komuni għal ħafna Stati Membri; Billi jeħtieġ għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika li jkun hemm moviment fi ħdan il-Komunità lejn definizzjoni komuni tas-settur ta’ l-attività tal-persuni professjonali konċernati; billi din id-Direttiva f’dan l-istadju ma tagħmilx possibbli l-kisba tal-koordinazzjoni kompleta fejn għandu x’jaqsam is-settur ta’ l-attività tat-tobba dentisti fid-diversi Stati Membri; Billi l-Istati Membri għandhom jassiguraw li, mill-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, t-taħriġ tat-tobba dentisti għandu jipprovdihom bil-ħiliet neċessarja għat-twettiq ta’ l-attivitajiet kollha li jinvolvu l-prevenzjoni, id-dijanjosi u t-trattament ta’ l-anomaliji u l-mard tas-snien, il-ħalq, ix-xedaq u t-tessuti assoċjati; Billi l-koordinazzjoni tal-kondizzjonijiet għat-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet, kif ipprovdut taħt din id-Direttiva ma teskludix xi koordinazzjoni wara; Billi l-koordinazzjoni maħsuba minn din id-Direttiva tkopri t-taħriġ professjonali tat-tobba dentisti; billi, safejn it-taħriġ hu konċernat, ħafna Stati Membri fil-preżent ma jagħmlux distinzjoni bejn dentisti professjonisti li jwettqu l-attivitajiet tagħhom bħala persuni impjegati u dawk li huma impjegati għal rashom; billi għal din ir-raġuni u biex jiġi mħajjar safejn hu possibbli l-moviment liberu tal-persuni professjonali fi ħdan il-Komunità, jidher neċessarju li l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva tiġi estiża għal tobba dentisti li jwettqu l-attivitajiet tagħhom bħala persuni impjegati; Billi, fiż-żmien tan-notifika ta’ din id-Direttiva, id-dentistrija hi pprattikata fl-Italja minn tobba biss, kemm jekk jispeċjalizzaw fl-odontostomatoloġija jew le; billi, taħt din id-Direttiva, l-Italja hi obbligata li tikkrea kategorija ġdida ta’ persuni professjonali intitolati li jipprattikaw is-sengħa tad-dentisti taħt titolu ta’ xort’oħra minn dak ta’ tabib; billi fil-kreazzjoni ta’ professjoni ġdida l-Italja m’għandhiex biss tintroduċi sistema speċifika tat-taħriġ li tikkonforma mal-kriterji provduti f’din id-Direttiva, imma wkoll tistabbilixxi strutturi tajbin għal din il-professjoni ġdida, bħal Kunsill, per eżempju; billi, għalhekk, minħabba l-firxa tal-miżuri li għandhom jittieħdu, l-Italja għandha tiġi mogħtija perjodu addizzjonali biex tħalliha tikkonforma ma’ din id-Direttiva, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: IL-KAPITOLU I ĦTIĠIET TAT-TAĦRIĠ L-Artikolu 1 1. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu persuni li jixtiequ jieħdu u jwettqu professjoni ta’ dentisti taħt it-titoli msemmija fl-artikolu 1 tad-Direttiva 78/686/KEE li jkollhom diploma, ċertifikat jew evidenza oħra ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 3 ta’ l-istess Direttiva li jiggarantixxu li matul il-perjodu tat-taħriġ kollu tagħha l-persuna konċernata tkun kisbet: (a) tagħrif xieraq tax-xjenzi li fuqhom hi bbażata d-dentistrija u għarfien tajjeb tal-metodi xjentifiċi, inklużi l-prinċipji tal-kejl tal-funzjonijiet bijoloġiċi, il-valutazzjoni ta’ fatti stabbiliti xjentifikament u l-analiżi tad-data; (b) tagħrif xieraq dwar il-kostituzzjoni, il-fiżjoloġija u l-atteġġament ta’ persuni b’saħħithom u morda kif ukoll l-influwenza ta’ l-ambjent naturali u soċjali dwar l-istat tas-saħħa tal-persuna, safejn dawn il-fatturi jaffettwaw id-dentistrija; (ċ) tagħrif xieraq dwar l-istruttura u l-funzjoni tas-snien, il-ħalq, ix-xedaq u t-tessuti assoċjati, kemm b’saħħithom u morda, u r-relazzjoni tagħhom ma’ l-istat ġenerali tas-saħħa u l-qagħda fiżika u soċjali tal-pazjent; (d) tagħrif xieraq dwar dixxiplini u metodi kliniċi, li jipprovdu d-dentist bi stampa koerenti ta’ anomaliji, leżjonijiet u mard tas-snien, tal-ħalq, tax-xedaq u tat-tessuti assoċjati u tad-dentistrija preventiva, dijanjostika u terapewtika; (e) esperjenza klinika xierqa taħt superviżjoni xierqa. Dan it-taħriġ għandu jipprovdih bil-ħiliet neċessarji għat-twettiq ta’ l-attivitajiet kollha li jinvolvu l-prevenzjoni, id-dijanjożi u t-trattament ta’ l-anomaliji u l-mard tas-snien, tal-ħalq, tax-xedaq u tat-tesuti assoċjati. 2. Perjodu komplet ta’ taħriġ dentali ta’ din ix-xorta għandu jinvolvi mill-inqas kors full-time ta’ ħames snin ta’ istruzzjoni teoretika u prattika mogħtija f’università, f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla magħrufa li għandha grad ekwivalenti jew taħt is-superviżjoni ta’ università u għandu jinkludi s-suġġetti mniżżla fl-Anness. 3. Biex jiġi aċċettat għal dan it-taħriġ, il-kandidat għandu jkollu diploma jew ċertifikat li jintitolah biex ikun ammess għall-kors ta’ l-istudju konċernat fl-universitajiet ta’ Stat Membru jew f’istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla magħrufin li għandhom grad ekwivalenti. 4. Xejn f’din id-Direttiva m’għandu jippreġudika xi faċilità li tista’ tingħata skond ir-regoli tagħhom stess minn Stati Membri fejn għandu x’jaqsam it-territorju tagħhom stess biex jawtorizzaw persuni fil-pussess ta’ diplomi, ċertifikati jew evidenza oħra ta’ kwalifiki formali li ma ġewx miksuba minn Stat Membru li jieħdu u jwettqu l-attivitajiet ta’ professjonist dentist. L-Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-taħriġ li jwassal għal diploma, ċertifikat jew evidenza oħra ta’ kwalifiki formali bħala professjonist tad-dentistrija speċjalizzat jilħaq ta’ lanqas il-ħtiġiet li ġejjin: (a) għandu jinvolvi t-tmiem u l-validazzjoni ta’ kors full-time ta’ ħames snin ta’ struzzjoni teoretika u prattika fi ħdan il-qafas ta’ taħriġ imsemmi fl-Artikolu 1, jew il-pussess ta’ dokumenti msemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 78/686/KEE. (b) għandu jinvolvi l-istruzzjoni teoretika u prattika; (ċ) għandu jkun kors full-time ta’ mill-inqas tliet snin tul b’superviżjoni mill-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti; (d) għandu jkun f’ċentru ta’ università, f’ċentru ta’ trattament, tagħlim u riċerka jew, fejn xieraq, fi stabbiliment tas-saħħa approvat għal dan l-iskop mill-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti; (e) għandu jinvolvi l-parteċipazzjoni personali tad-dentist professjonist li qed jitħarreġ biex ikun speċjalista fl-attività u fir-responsabbiltajiet ta’ l-istabbilimenti konċernati. 2. L-Istati Membri għandhom jagħtu diploma, ċertifikat jew evidenza oħra ta’ kwalifiki formali bħala professjonist tad-dentistrija speċjalizzata soġġett għall-pussess ta’ wieħed mid-diplomi, iċ-ċertifikati jew evidenza oħra ta’ kwalifiki formali fid-dentistrija msemmija fl-Artikolu 1, jew għall-pussess tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 78/686/KEE. 3. Fil-limitu ta’ żmien ipprovdut fl-Artikolu 8 l-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti biex joħorġu d-diplomi, iċ-ċertifikati jew evidenza oħra ta’ kwalifiki formali msemmija fil-paragrafu 1. 4. L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-paragrafu 1(a). Il-persuni li fir-rigward tagħhom ssir din id-deroga m’għandhomx ikunu intitolati jagħmlu użu mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 78/686/KEE. L-Artikolu 3 1. Mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ taħriġ full-time kif provdut fl-Artikolu 2(1)(ċ), u saż-żmien li l-Kunsill jieħdu deċiżjoni skond il-paragrafu 3, l-Istati Membri jistgħu jippermettu taħriġ ta’ speċjalista part-time, taħt kondizzjonijiet approvati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta taħriġ fuq bażi full-time ma kienx ikun prattiku għal raġunijet tajbin. 2. Il-perjodu totali ta’ taħriġ speċjalizzat ma jistax jitqassar permezz tal-paragrafu 1. Il-livell tat-taħriġ ma jistax jitħassar, la mix-xorta part-time tiegħu lanqas mill-prattika ta’ attività professjonali privata b’remunerazzjoni. 3. Mhux aktar tard minn erba’ snin wara n-notifika ta’ din id-Direttiva u fid-dawl ta’ kostatazzjoni tas-sitwazzjoni, f’azzjoni fuq proposta mill-Kumissjoni, u fl-għarfien li l-possibbiltà ta’ taħriġ part-time għandu jibqa’ jeżisti f’xi ċirkostanzi li għandhom jiġu eżaminati separatament għal kull speċjalizzazzjoni, il-Kunsill għandu jiddeċiedi jekk id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 għandhom jinżammu jew jiġu emendati. L-Artikolu 4 Bħala miżura transitorja u minkejja l-Artikoli 2(1)(ċ) u 3, l-Istati Membri li d-dispożizzjonijiet tagħhom provduti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva jippermettu metodu ta’ taħriġ speċjalist part-time fiż-żmien tan-notifika ta’ din id-Direttiva jistgħu jibqgħu japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-kandidati li bdew it-taħriġ tagħhom bħala speċjalisti mhux iktar tard minn erba’ snin wara n-notifika ta’ din id-Direttiva. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż jekk il-Kunsill ma jkunx ħa deċiżjoni skond l-Artikolu 3(3). IL-KAPITOLU II IS-SETTUR TA’ L-ATTIVITÀ L-Artikolu 5 L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-kirurgi dentali għandhom ġeneralment ikunu intitolati jieħdu u jwettqu attivitajiet li jinvolvu l-prevenzjoni, d-dijanjożi u t-trattament ta’ anomaliji u mard tas-snien, il-ħalq, ix-xedaq u t-tessuti assoċjati skond id-disopożizzjonijiet regolatorji u r-regoli tal-kondotta professjonali li jiggvernaw l-professjoni fiż-żmien tan-notifika ta’ din id-Direttiva. Dawk l-Istati Membri li m’għandhomx dawn id-dispożizzjonijiet jew ir-regoli jistgħu jiddefinixxu jew jillimitaw it-twettiq ta’ xi attivitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu safejn huwa paragunabbli ma dak li jeżisti fl-Istati Membri l-oħrajn. IL-KAPITOLU III DISPOŻIZZJONIJIET FINALI L-Artikolu 6 Persuni koperti mill-Artikolu 19 tad-Direttiva 78/686/KEE jkunu meqjusa bħala li jħarsu l-ħtiġiet provduti fl-Artikolu 2(1)(a). Għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(2), persuni koperti mill-Artikolu 19 tad-Direttiva 78/686/KEE għandhom jiġu trattati fl-istess mod bħal dawk li huma fil-pussess tad-diplomi, iċ-ċertifikati jew evidenza oħra ta’ kwalifiki formali fid-dentistrija msemmija fl-Artikolu 1. L-Artikolu 7 Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal ċittadini ta’ l-Istati Membri li, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità [4], qegħdin jew ser ikunu jwettqu, bħala persuni impjegati, xi attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 78/686/KEE. L-Artikolu 8 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien 18-il xahar min-notifika tagħha u għandhom imbagħad jinfurmaw lill-Kummisjoni biha. Iżda, l-Italja għandha tieħu dawn il-miżuri fi żmien massimu ta’ sitt snin. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li jadottaw fis-settur kopert minn din id-Direttiva. L-Artikolu 9 Fejn Stat Membru jiltaqa’ ma’ diffikultajiet maġġuri f’xi setturi fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha teżamina dawn id-diffikultajiet flimkien ma’ dak l-Istat u għandha titlob l-opinjoni tal-Kumitat ta’ l-Uffiċjali Anzjani dwar is-Saħħa Pubblikastabbilit mid-Deċiżjoni 75/365/KEE [5], kif l-aħħar emendata mid-Deċiżjoni 78/689/KEE [6]. Fejn neċessarju, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposti xierqa lill-Kunsill. L-Artikolu 10 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fil-25 ta’ Lulju 1978. Għall-Kunsill Il-President K. von Dohnanyi [1] ĠU C 101, ta’ l-4.8.1970, p. 19. [2] ĠU C 36, tat-28.3.1970, p. 19. [3] ĠU L 233, ta’ l-24.8.1978, p. 1. [4] ĠU L 257, tad-19.10.1968, p. 2. [5] ĠU L 167, tat-30.6.1975, p. 19. [6] ĠU L 233, ta’l-24.1.1978, p. 17. -------------------------------------------------- L-ANNESS Programm ta’ studju għall- professjonisti tad-dentistrija Il-programm ta’ studju li jwassal għal diploma, ċertifikat jew evidenza oħra ta’ kwalifiki formali fid-dentistrija għandu jinkludi mill-inqas is-suġġetti li ġejjin. Wieħed jew iktar minn dawn is-suġġetti jista’ jkun mgħallem fil-kuntest tad-dixxiplini l-oħra jew flimkien magħhom. (a) Suġġetti bażiċi il-kimika, il-fiżika, il-bijoloġija. (b) Suġġetti mediċi-bijoloġiċi u suġġetti tal-mediċina ġenerali l-anatomija, l-embrijoloġija, l-istoloġija, inkluża s-cytology fiżjoloġija bijokimika (jew kimika fiżjoloġika), anatomija patoloġika, patoloġija ġenerali, farmakoloġija, mikrobijoloġija, iġjene, mediċina preventiva u epidemjoloġija, radjoloġija, fiżjoterapija, kirurġija ġenerali, mediċina ġenerali, inkluż il-pedjatrija, larinġoloġija oto-rhino, dermato-veneroloġija, psikoloġija ġenerali — psikopatoloġija — newropatoloġija, anestetiċi. (ċ) Suġġetti direttament relatati mad-dentistrija prostodontiċi, apparat u materjal dentali, dentistrija konservattiva, dentistrija preventiva, anestetiċi u sedazzjoni fid-dentistrija, kirurġija speċjali, patoloġija speċjali, xogħol fil-klinika, pedodontiċi, ortodontiċi, perjodontiċi, radjoloġija dentali, okklużjoni dentali u funzjoni tax-xedaq, organizzazzjoni professjonali, etika u leġislazzjoni, aspetti soċjali tax-xogħol ta’ dentist. --------------------------------------------------