31978L0583



Official Journal L 194 , 19/07/1978 P. 0016 - 0016
Finnish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0071
Greek special edition: Chapter 09 Volume 1 P. 0096
Swedish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0071
Spanish special edition: Chapter 09 Volume 1 P. 0102
Portuguese special edition Chapter 09 Volume 1 P. 0102


Id-Disa' Direttiva tal-Kunsill

tas-26 ta' Ġunju 1978

dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ

(78/583/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolarI l-Artikoli 99 u 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2]

,

Billi l-Artikolu 1 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ. Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima [3] jippreskrivi l-1 ta' Jannar 1978 bħala l-iktar data tard sabiex jiġu implimentati d-disposizzjonijiet tagħha fl-Istati Membri;

Billi d-Direttiva 77/388/KEE tippreskrivi disposizzjonijiet komuni għall-oqsma kollha koperti bit-taxxa fuq il-valur miżjud; billi, f'ħafna każi, hija r-responsabbilta ta' l-Istati Membri li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet li għalihom dawn id-disposizzjonijiet għandhom japplikaw; billi l-iskop ta' din id-Direttiva hu tant wiesa' hekk li jkopri numru kbir ta' regolamenti nazzjonali, numru ta' Stati Membri ma wettqux l-adattamenti meħtieġa fil-ħin sabiex jikkonformaw mad-Direttiva 77/388/KEE; billi dawn l-Istati Membri għalhekk ma lestewx l-proċedura legali meħtieġa biex jadattaw il-leġislazzjoni tagħhom dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud fil-limitu taż-żmien preskritt;

Billi l-Istati Membri interessati talbu biex jiġi mtawwal il-limitu taż-żmien għad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 77/388/KEE; billi f'dan il-kuntest għandha tkun biżżejjed estensjoni ta' massimu ta' 12-il xahar,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Bħala deroga mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 77/388/KEE, id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Olanda huma b'dan awtorizzati biex jimplimentaw id-Direttiva msemmija mhux iktar tard mill-1 ta' Jannar 1979.

Artikolu 2

Din id-Direttiva hija indirizzata lid-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Olanda.

Magħmula fil-Lussemburgu, fis-26 ta' Ġunju 1978.

Għall-Kunsill

Il-President

K. B. Andersen

[1] ĠU C 163, tal-10.7.1978, p. 68.

[2] Opinjoni mogħtija fil-20/21 ta' Ġunju 1978 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1.

--------------------------------------------------