Official Journal L 015 , 19/01/1978 P. 0034 - 0041
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 9 P. 0150
Greek special edition: Chapter 03 Volume 19 P. 0235
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 9 P. 0150
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 13 P. 0175
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 13 P. 0175
Id-Direttiva tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1977 li tistabbilixxi l-kriterji tal-Komunità għall-pjani nazzjonali għall-qerda mgħaġġla tal-mard brucellosis, tuberculosis u enzootic leukosis fl-ifrat (78/52/KEE) IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, Wara li kkonsidra d-Direttiva tal-Kunsill 77/391/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 li ntroduċiet il-miżuri meħuda mill-Komunità għall-qerda tal-brucellosis, tuberculosis u leukosis fl-ifrat [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 13 ta’ l-istess Direttiva, Wara li kkonsidra l-proposta min-naħa tal-Kummissjoni, Filwaqt li f’Direttiva 77/391/KEE, meta tpoġġew fuq il-mejda l-prinċipji bażiċi biex il-Komunità tintervjeni għall-qerda tal-brucellosis, tuberculosis u leukosis, il-Kunsill iddeċida li sussegwentement jistabbilixxi l-kriterji minimi li l-pjani nazzjonali għall-qerda tal-mard imsemmi għandhom jissodisfaw biex jikkwalifikaw għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità; Filwaqt li l-ewwel waħda minn dawn il-kriterji titkellem dwar aktar għaġġla fil-pjani nazzjonali, sabiex il-kampanja biex jinqered dan il-mard in kwistjoni fl-Istati Membri fejn il-merħliet għadhom infettati tkun tista’ tiġi konkluża b’suċċess malajr kemm jista’ jkun; filwaqt li għal dan il-għan għandhom jittieħdu miżuri ġodda jew jissaħħu dawk eżistenti, fejn possibbli iseħħu t-tnejn f’daqqa, liema miżuri jikkonċernaw b’mod partikolari testijiet fuq l-ifrat ħajjin, il-mod kif jaħdmu l-laboratorji u l-kumpens imħallas għall-ifrat li jinqatlu taħt il-pjani ta’ qerda; Filwaqt li aktar minn hekk, huwa neċessarju, jiddependi fuq il-mard in kwistjoni, li wieħed iniżżel il-kundizzjonijiet li taħthom qtil, iżolazzjoni, tindif u disinfettar għandu jseħħ u l-użu li għandu jsir ta’ ċerti prodotti ta’ l-ifrat; Filwaqt li huwa essenzjali wkoll, biex wieħed jevita r-riskju ta’ nfezzjoni mill-ġdid, li jipprattika kontroll strett tal-movimenti ta’ l-ifrat, speċjalment bejn merħliet ta’ stat ta’ saħħa differenti, u li jagħmel dawk il-movimenti skond ċertu testijiet; Filwaqt li trid tiġi stabbilita d-data li fiha għandha tidħol fis-seħħ id-Direttiva 77/391/KEE, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Biex jikkwalifika għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità kif imsemmi fid-Direttiva 77/391/KEE, kull pjan ta’ qerda li jirreferu għalih l-Artikoli 2, 3 u 4 ta’ dik id-Direttiva għandu, skond il-merħliet li għalihom japplika, ta’ l-anqas jissodisfa l-kriterji mniżżla fid-Direttiva preżenti. Artikolu 2 Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet: 1. fil-każ ta’ brucellosis fl-ifrat: (a) merħliet tal-bovini tat-tip B1: merħliet li fil-każ tagħhom ma jkunx magħruf il-passat ta’ saħħithom, it-tilqim u s-serological status; (b) merħliet tal-bovini tat-tip B2: merħliet li fil-każ tagħhom ikun magħruf il-passat ta’ saħħithom, it-tilqim u s-serological status tagħhom u fejn it-testijiet ta’ moniteraġġ ta’ rutina jsiru skond ir-regoli nazzjonali li jistgħu jtellgħu lil dawn il-merħliet sa tip B3 jew B4; (ċ) merħliet tal-bovini tat-tip B3: merħliet li huma ħielsa mill-brucellosis skond it-tifsira mogħtija fid-Direttiva 64/432/KEE tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar il-problemi ta’ saħħa li jaffettwaw in-negozju taċ-ċanga u l-majjal [2] bejn pajjiżi tal-Komunità, skond kif emendati l-aħħar bid-Direttiva 77/98/KEE [3]; (d) merħla tal-bovini tat-tip B4: merħliet li huma uffiċċjalment ħielsa mill-brucellosis, skond it-tifsira mogħtija fid-Direttiva 64/432/KEE; 2. fil-każ ta’ tuberculosis fost il-bovini: (a) merħliet tal-bovini tat-tip T1: merħliet li fil-każ tagħhom il-passat ta’ saħħithom u r-riżultati tat-testijiet tat-tuberculosis ma jkunux magħrufa; (b) merħliet tal-bovini tat-tip T2: merħliet li fil-każ tagħhom ikun magħruf il-passat ta’ saħħithom u anki r-riżultati tat-testijiet tat-tuberculosis, u fejn it-testijiet ta’ moniteraġġ ta’ rutina jsiru skond ir-regoli nazzjonali li jtellgħu lil dawn il-merħliet sat-tip T3; (ċ) merħliet tal-bovini tat-tip T3: merħliet li huma uffiċċjalment ħielsa mit-tuberculosis, skond it-tifsira mogħtija fid-Direttiva 64/432/KEE; 3. annimal suspett: kull annimal bovin li juri sintomi li jindikaw il-possibilità tal-preżenza tat-tuberuculosis, brucellosis jew bovine enzootic leucosis, u li fil-każ tiegħu ebda eżami mediku għadu la kkonferma uffiċċjalment u lanqas elimina uffiċċjalment il-possibilità tal-preżenza ta’ waħda jew aktar minn dawn il-mard; 4. veterinarju uffiċċjali: il-veterinajru assenjat mill-awtorità kompetenti ċentrali ta’ l-Istat Membru; 5. mezz ta’ trasport: dawk il-partijiet ta’ karozzi, ferroviji jew ajruplani li jintużaw għall-ġarr, il-partijiet ta’ vapuri u containers għal trasport fuq l-art, bil-baħar jew bl-ajru. KAPITLU I Dispożizzjonijiet ġenerali Artikolu 3 L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, f’kull każ, l-għaġġla li titkellem dwarha d-Direttiva 77/391/KEE tkun tinvolvi t-tnaqqis fil-perjodu ta’ żmien li hemm bżonn biex jitlestew il-pjani ta’ qerda b’suċċess, meta kkomparati maż-żmien li jittieħed permezz tal-programmi mħaddma bħalissa. Il-miżuri li għandhom jittieħdu biex dan iseħħ għandhom ikunu dawn li ġejjin: 1. Il-proporzjon tal-popolazzjoni nazzjonali ta’ l-ifrat li huwa s-suġġett tal-miżuri ta’ qerda u ta’ prevenzjoni, għandhom jiżdiedu biex ħafna minn dawn l-ifrat, jew l-ifrat kollha jkunu jistgħu jitpoġġew jew jinżammu taħt moniteraġġ mill-aktar fis possibbli. 2. Il-kumpens għall-annimali maqtula skond l-istruzzjonijiet tal-veterinarju uffiċċjali għandu jiġi aġġustat sabiex dawk li jrabbuhom jiġu kkkumpensati b’mod xieraq. 3. In-numru ta’ persunal fil-laboratorju għandu jiżdied u għandu jkun hemm titjib fil-kundizzjonijiet għat-tmexxija tat-testijiet mediċi fil-laboratorju – sakemm dawn il-passi għad iridu jittieħdu – sabiex jintlaħaq livell suffiċjenti li jagħmel possibbli l-miżuri msemmija f’punt numru 1. 4. Miżuri introdotti biex jiġġieldu l-mard enzootic iridu jiġu applikati b’mod sistematiku. Biex jiggarantixxu li l-għaġġla tkun effettiva b’mod sħiħ, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li jidħlu fis-seħħ il-miżuri msemmija f’punti numru 1 sa numru 4. Artikolu 4 1. Bil-għan li jiġi sorveljat uffiċċjalment il-moviment ta’ l-annimali, l-Istati Membri ghandhom jassiguraw li l-ifrat jkunu rreġistrati u identifikati b’mod permanenti. 2. L-Istati Membri, għal kull marda li għaliha jeżisti pjan ta’ qerda, għandhom joħolqu, u jżommu aġġornat, dokument uffiċċjali dwar il-merħliet tal-bovini li jaqgħu taħt dan il-pjan, ikklassifikat skond l-istat ta’ saħħithom. KAPITLU II Dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw brucellosis fl-ifrat Artikolu 5 L-Istati Membri għandhom jiżguraw li taħt il-pjan ta’ qerda tal-brucellosis: (a) il-preżenza jew is-suspett tal-preżenza tal-brucellosis trid tiġi nnotifikata lill-awtorità kompetenti bil-fors u b’mod immedjat; (b) kull trattament terapewtiku kontra l-brucellosis huwa pprojbit; (ċ) jekk tkun prattikata, it-tilqima kontra l-brucellosis għandha ssir taħt superviżjoni uffiċċjali iżda għandha tiġi sospiza kemm jista’ jkun malajr biex b’hekk il-merħliet ikunu jistgħu jgħaddu fl-istadju ta’ merħliet li huma uffiċċjalment ħielsa mill-brucellosis. Artikolu 6 1. Fejn merħla jkollha annimal suspettat li għandu l-brucellosis, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li jitwettqu malajr kemm jista’ jkun investigazzjonijiet uffiċċjali biex jikkonfermaw jew jiċħdu l-preżenza ta’ dik il-marda. Sakemm joħrog ir-riżultat ta’ dawn l-investigazzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jordnaw: - li l-merħla tiġi mqegħda taħt sorveljanza uffiċċjali; - li jkun ipprojbit kull ċaqlieq lejn il-merħla jew barra minnha, sakemm ma jkunx awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti bil-għan li jsir qtil mingħajr dewmien. Madanakollu, fir-razzett, iċ-ċaqlieq ta’ l-ifrat kastrati jista’ jkun awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti wara li jiġu iżolati l-annimali suspettati, dejjem jekk l-annimali kastrati jittieħdu mal-kumplament tal-merħla li eventwalment trid tinqatel. - l-iżolament mill-merħla ta’ l-annimali suspettati. 2. L-ordnijiet imsemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx jitneħħew sakemm tkun eskluża uffiċċjalment il-preżenza jew il-preżenza suspettata tal-brucellosis fil-merħla kkonċernata. 3. Meta f’merħla tkun ikkonfermata uffiċċjalment il-preżenza ta’ brucellosis, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji biex ma jħallux il-marda tkompli tinfirex u b’mod partikolari għandhom jiżguraw li: - jiġi pprojbit kull ċaqlieq lejn il-merħla jew barra minnha, sakemm ma jkunx awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti bil-għan li jsir qtil mingħajr dewmien; madanakollu, fir-razzett, iċ-ċaqlieq tal-ifrat kastrati jista’ jkun awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti wara li l-annimali infettati kif ukoll dawk l-ifrat meqjusa mill-istess awtoritajiet bħala infettati, jiġu iżolati u mmarkati għall-qtil, dejjem jekk l-annimali kastrati jittieħdu fil-merħla għas-smin u eventwalment għall-biċċerija, - jiġu iżolati mill-merħla l-annimali li jkunu uffiċċjalment ikkonfermati bħala annimali milquta mill-brucellosis, kif ukoll l-annimali li ġew infettati minnhom, - suġġett għall-osservanza tat-termini ipprovduti f’Direttiva 64/432/KEE, u dawk tad-Direttiva 78/51/KEE tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1977 li ttawwal ċerti miżuri ta’ derogi rigward il-brucellosis u tubercolosis mogħtija lid-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit [4], l-annimali għandhom jiġu eżaminati mingħajr dewmien għall-brucellosis, - annimali li kienu uffiċċjalment ikkonfermati bħala annimali milquta mill-brucellosis, annimali li kienu eżaminati kif stipulat fit-tielet punt b’riżultati mhux favorevoli, u annimali li l-awtoritajiet kompetenti kkunsidrawhom bħala infettati jiġu iżolati u mmarkati sakemm jinqatlu kif imsemmi fl-Artikolu 7, - ħalib minn baqar infettati jista’ jingħata biss lill-annimali ta’ l-istess razzett wara li dan ikun ittrattat tajjeb bis-sħana, - mingħajr preġudizzju lejn dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-ikel, ħalib tal-baqar minn merħla nfettata, ma jistax jittieħed f’fabbrika tal-ħalib, jekk mhux biex jingħata trattament tajjeb bis-sħana, - karkassa, nofs karkassa, kwart, biċċiet u fdalijiet ta’ annimali nfettati li jkunu ser jintużaw bħala għalf għall-annimali, għandhom jiġu ttrattati b’tali mod li tiġi evitata l-kontaminazzjoni, - feti, għoġġiela mwielda mejta, għoġġiela li jkunu mietu wara t-twelid kawża ta’ brucellosis, jew placentae għandhom jintremew b’attenzjoni u jinqerdu immedjatament, jekk ma jkunux ser jigu eżaminati, - tiben, skart jew materjal ieħor u sustanzi li jkunu ġew f’kuntatt mal-baqra, għoġol jew placenta infettati għandhom jinqerdu immedjatament, jew billi jinħarqu jew billi jinħaslu bid-diżinfettant u jindifnu, - regolamenti uffiċċjali biex jiġu kkontrollati stabbilimenti bħal ma huwa mpjant għar-rimi ta’ karkassa, jiżguraw li ma jkunx hemm periklu li l-materjal prodott ikompli jifrex il-brucellosis, - demel mill-kmamar tar-razzett jew bnadi oħra użati mill-annimali, għandu jinżamm f’post inaċċessibbli għall-annimali, u għandu jiġi ttrattat permezz ta’ diżinfettant tajjeb u jintrefa’ għal mill-anqas tliet ġimgħat. Jekk id-demel ikun mgħotti b’saff ta’ demel mhux infettat jew bil-ħamrija, ma jkunx hemm il-bzonn li jintuża diżinfettant. Skart likwidu mill-kmamar tar-razzett jew bnadi oħra użati mill-annimali għandu jiġi diżinfettat jekk dan ma jkunx inġabar mad-demel l-ieħor. Artikolu 7 L-Istati Membri għandhom jassiguraw li wara li jsir eżami batterjoloġiku, patoloġiku u seroloġiku, annimali li fihom tkun uffiċċjalment ikkonfermata l-preżenza ta’ brucellosis, u annimali li skond l-awtoritajiet kompetenti huma nfettati, għandhom jinqatlu taħt superviżjoni uffiċċjali kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard minn 30 jum wara li s-sid jew il-persuna responsabbli tiġi nfurmata uffiċċjalment bir-riżultati tat-testijiet u bl-obbligazzjoni tiegħu, taħt il-pjan ta’ qerda, biex joqtol l-ifrat kkonċernati fiż-żmien stipulat. Artikolu 8 L-Istati Membri għandhom jiżguraw li: 1. wara l-qtil ta’ l-ifrat kif imsemmi fl-Artikolu 7, u qabel ma wieħed jerġa’ jibda jrabbi, il-kmamar tar-razzett u bnadi oħra fejn kien hemm il-merħla, u l-kontenituri kollha, l-apparat u l-oggetti oħra użati għall-annimali, jiġu mnaddfa u ddiżinfettati taħt superviżjoni uffiċċjali, skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-veterinarju uffiċċjali. L-użu mill-ġdid ta’ għelieqi li kellhom fihom dawn l-annimali ma jistax isir qabel ma jgħaddu 60 jum minn meta dawn jitneħħew mill-istess għelieqi. Madanakollu, fil-każ ta’ annimali kastrati, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jidderogaw minn din il-projibizzjoni, bil-kundizzjoni li dawn l-annimali jħallu dawn l-għelieqi għall-qatla biss jew inkella jintużaw minn merħla li tissemmen biex eventwalment tinqatel; 2. kull mezz ta’ trasport, kontenitur u apparat jiġu mnaddfa u ddiżinfettati, wara li jiġu ttrasportati annimali minn merħla infettata, jew materjal minn dawn l-annimali, jew materjal jew sustanzi li kienu f kuntatt ma’ dawn l-annimali. Wara li jintużaw, iridu jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati ż-żoni minn fejn tgħabbew dawn l-annimali; 3. id-diżinfettant li għandu jintuża u l-elementi tiegħu għandhom ikunu awtorizzati uffiċċjalment mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Artikolu 9 L-Istati Membri għandhom jiżguraw li wara l-qtil ta’ l-ifrat kif imsemmi fl-Artikolu 7, - bla preġudizzju lejn id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11, l-ebda annimal ta’ l-ifrat ma jista’ jħalli l-merħla kkonċernata jekk ma tkunx ingħatat awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti bil-għan li jsir qtil mingħajr dewmien. Madanakollu, iċ-ċaqlieq ta’ l-annimali kastrati fir-razzett jista’ jiġi awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti, dejjem jekk l-annimali kastrati jittieħdu mal-merħla li eventwalment trid tinqatel, - isiru testijiet ta’ brucellosis fuq il-merħla kkonċernata biex ikun ikkonfermat li l-marda ġiet eliminata, - il-merħla ma terġax tilqa’ fiha annimali ġodda għat-tgħammir sakemm l-annimali li jkollhom aktar minn 12–il xahar fl-istess merħla, u li jkunu għadhom hemm għal dan il-għan, jgħaddu minn eżami seroloġiku għall-brucellosis wieħed, jew aktar. Madanakollu, fil-każ ta’ ifrat li jkunu ġew imlaqqma skond il-proviżjonijiet tad-Direttiva 64/432/KEE, dan l-eżami m’għandux għalfejn isir sakemm l-annimali jkollhom 18–il xahar. Artikolu 10 L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-testijiet seroloġici uffiċċjali jsiru f’merħliet tat-tip B1 u tat-tip B2 sakemm dawn isiru tat-tip B3 jew tat-tip B4. Artikolu 11 L-Istati Membri għandhom jiżguraw li: (i) il-baqar kollha u l-barrin kollha li minn merħliet tat-tip B1 ikunu ser jittieħdu f’merħliet tat-tip B2: - jekk ikollhom aktar minn 12–il xahar, ikunu għaddew minn test seroloġiku approvat uffiċċjalment fil-perjodu ta’ 30 jum qabel ma jsir iċ-ċaqlieq u jkunu akkumpanjati b’ċertifikat għal dawn il-fini minn veterinaju uffiċċjali, - ikunu iżolati immedjatament mal-wasla tagħhom għal mill-anqas 60 jum u jekk ikollhom iktar minn 12–il xahar, ikunu għaddew minn test seroloġiku ieħor approvat uffiċċjalment qabel ma jiġu aċċettati f’merħla tat-tip B2; (ii) il-baqar kollha u l-barrin kollha li minn merħla tat-tip B2 jkunu ser jittieħdu f’merħla oħra tat-tip B2: - jekk ikollhom aktar minn 12–il xahar, ikunu għaddew minn test seroloġiku approvat uffiċċjalment fil-perjodu ta’ 30 jum qabel ma jsir iċ-ċaqlieq u jkunu akkumpanjati b’ċertifikat għal dawn il-fini minn veterinarju uffiċċjali, - ma jiġux f’kuntatt, matul it-trasferiment, ma’ annimali minn merħliet ta’ stat ta’ saħħa agħar; (iii) it-trasferiment ta’ annimali bejn merħliet tat-tip B3 u B4 isiru suġġett għall-osservanza tar-regolamenti msemmija f’Direttiva 64/432/KEE. Artikolu 12 L-Istati Membri għandhom jassiguraw li: - jittieħdu miżuri ta’ kontroll uffiċċjali li jipprevjenu milli merħla li minnha tkun diġà ġiet eliminata l-brucellosis, tiġi infettata mill-ġdid permezz ta’ sorsi oħra ta’ infezzjoni, - iċ-ċaqlieq kollu ta’ ifrat fl-istess merħla u bejn merħliet oħra koperti bi pjan ta’ qerda, huwa suġġett għal moniteraġġ uffiċċjali, - il-miżuri ta’ kontroll ta’ ċaqlieq msemmija fit-tieni punt jistgħu jiġu applikati mingħajr preġudizzju għall-miżuri eżistenti tal-Komunità dwar iċ-ċaqlieq lejn u l-barra minn merħliet li jkunu ħielsa mill-brucellosis u merħliet li jkunu uffiċċjalment ħielsa mill-brucellosis. KAPITLU III Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-tuberculosis fil-bovini Artikolu 13 L-Istati Membri għandhom jiżguraw li taħt pjan ta’ qerda mgħaġġla tat-tuberculosis: (a) il-preżenza jew is-suspett tal-preżenza tat-tuberculosis trid tiġi nnotifikata bilfors u b’mod immejdat lill-awtorità kompetenti; (b) dawn li ġejjin huma pprojbiti: (i) kull trattament terapewtiku jew desensitizing treatment għat-tuberculosis; (ii) tilqim kontra t-tuberculosis. Artikolu 14 1. Fejn merħla jkollha fiha annimal suspettat li għandu t-tuberculosis, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jassiguraw li jitwettqu malajr kemm jista’ jkun investigazzjonijiet uffiċċjali biex tiġi kkonfermata jew miċħuda l-preżenza ta’ din il-marda. Sakemm ikun magħruf ir-riżultat ta’ dawn l-investigazzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jordnaw li: - il-merħla titpoġġa taħt sorveljanza uffiċċjali, - jkun ipprojbit kull ċaqlieq lejn jew barra mill-merħla, sakemm dan ma jkunx awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti bil-għan li jsir qtil mingħajr dewmien, - l-annimali suspettati jiġu iżolati mill-merħla. 2. L-ordnijiet msemmija fil-paragrafu 1 ma jistgħux jitneħħew sakemm tiġi eliminata kompletament il-preżenza jew is-suspett tal-preżenza tat-tuberculosis fil-merħla kkonċernata. 3. Fejn il-preżenza tat-tuberculosis tkun ikkonfermata uffiċċjalment, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adattati biex ma jħallux il-marda tkompli tinfirex u b’mod partikolari għandhom jiżguraw li: - ikun ipprojbit kull moviment lejn jew barra mill-merħla in kwistjoni sakemm dan ma jkunx awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti bil-għan li jsir qtil mingħajr dewmien, - l-ifrat li jkunu ikkonfermati bħala morda bit-tuberculosis, u ifrat oħra li setgħu ġew infettati minnhom, jiġu iżolati mill-merħla, - mingħajr dewmien l-ifrat jiġu eżaminati biex jiġi stabbilit jekk għandhomx il-marda tuberculosis, - ifrat li jkunu kkonfermati uffiċċjalment bħala morda bit-tuberculosis, ifrat li gew eżaminati kif imsemmi fit-tielet punt b’riżultati mhux favorevoli, u ifrat kkunsidrati mill-awtoritajiet kompetenti bħala infettati jiġu iżolati u mmarkati sakemm isir il-qtil kif imsemmi fl-Artikolu 15, - ħalib minn baqar infettati jista’ jingħata biss lill-annimali fl-istess razzett wara li dan ikun għadda minn trattament ta’ sħana, - mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-ikel, ħalib ta’ baqar li ġejjin minn merħla nfettata, ma jistax jiġi ttrasportat lejn fabbrika tal-ħalib, ħlief biex jingħata trattament adattat ta’ sħana, - karkassa, nofs karkassa, kwart, biċċiet u fdalijiet ta’ ifrat intenzjonati biex jintużaw bħala għalf għall-annimali jiġu ttrattati b’tali mod li tiġi evitata l-kontaminazzjoni, - regoli uffiċċjali għall-kontroll ta’ stabbilimenti, bħal impjanti għar-rimi tal-karkassi, jiżguraw li m’hemm l-ebda perikolu li l-materjal prodott ikompli jxerred it-tuberculosis, - demel mill-kmamar tar-razzett jew bnadi oħra użati mill-annimali, għandu jinżamm f’post inaċċessibbli għall-annimali, u għandu jinħasel permezz ta’ diżinfettant tajjeb u merfugħ għal mill-anqas tliet ġimgħat. Jekk id-demel ikun mgħotti b’saff ta’ demel mhux infettat jew bil-ħamrija, ma jkunx hemm il-bżonn li jintuża diżinfettant. Jekk ma jinġabarx mad-demel l-ieħor, skart likwidu mill-kmamar tar-razzett jew bnadi oħra użati mill-annimali għandu jiġi ddiżinfettat. Artikolu 15 L-Istati Membri għandhom jassiguraw li wara li jsir eżami batterjoloġiku, patoloġiku u eżami dwar tuberculosis, l-annimali li fihom tkun uffiċċjalment ikkonfermata l-preżenza ta’ tuberculosis, u l-annimali li skond l-awtoritajiet kompetenti huma infettati, għandhom jinqatlu taħt superviżjoni uffiċċjali kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard minn 30 jum wara li s-sid jew il-persuna responsabbli tiġi nnotifikata uffiċċjalment bir-riżultati tat-testijiet u bl-obbligazzjoni tiegħu, taħt il-pjan ta’ qerda, li joqtol il-merħla kkonċernata fiż-żmien stipulat. Madanakollu, f’każ ta’ annimali li jkunu ġew eżaminati għat-tuberculosis b’riżultati mhux favorevoli mingħajr ma urew sintomi kliniċi ta’ din il-marda, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jestendu l-perjodu msemmi fil-paragrafu ta’ hawn fuq għal mhux aktar minn tliet xhur, - fil-każ ta’ baqar li huma mistennija jwelldu f’dan il-perjodu ta’ tliet xhur, - fejn huma jordnaw il-qtil ta’ l-ifrat kollha f’merħla li tkun tikkonsisti f’aktar minn 20 ras f’reġjun li fih, għal raġunijiet tekniċi relatati mal-kobor tal-postijiet li fihom jinqatlu l-annimali, il-qtil ma jkunx jista’ jseħħ fi żmien 30 jum. Artikolu 16 L-Istati Membri għandhom jassiguraw li: 1. wara l-qtil ta’ l-ifrat kif imsemmi fl-Artikolu 15 u qabel ma wieħed jerġa’ jibda jrabbi, il-kmamar tar-razzett u bnadi oħra fejn kien hemm il-merħla, u kull kontenitur, apparat u oġġett ieħor użati għall-annimali, jiġu mnaddfa u ddiżinfettati taħt superviżjoni uffiċċjali, skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-veterinarju uffiċċjali; 2. kull mezz ta’ trasport, kontenituri u apparat jiġu mnaddfa u ddiżinfettati, wara li jiġu ttrasportati minn merħla infettata annimali, jew materjal minn dawn l-annimali, jew materjal jew sustanzi li kienu f’kuntatt ma’ dawn l-annimali. Wara li jintużaw, iridu jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati ż-żoni minn fejn tgħabbew dawn l-annimali; 3. id-diżinfettant li jintuża u l-elementi tiegħu jkunu awtorizzati uffiċċjalment mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Artikolu 17 L-Istati Membri għandhom jassiguraw li wara l-qtil ta’ l-ifrat kif imsemmi fl-Artikolu 15, - mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 19, l-ebda annimal ta’ l-ifrat ma jista’ jħalli l-merħla kkonċernata, sakemm ma tkunx ingħatat l-awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti bil-għan li jseħħ il-qtil mingħajr dewmien, - jitwettqu testijiet għat-tuberculosis fuq il-merħla kkonċernata biex jiġi kkonfermat li l-marda nqerdet, - ma jinġibux ifrat ġodda fil-merħla sakemm isir eżami uffiċċjali wieħed tat-tuberculosis, jew aktar, fuq l-annimali li jkunu għadhom fil-merħla u li jkollhom aktar minn sitt ġimgħat. Artikolu 18 L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, taħt il-pjan għall-qerda tat-tuberculosis, jitwettaq eżami tat-tuberculosis msejjaħ intradermal, li jkun segwit b’mod uffiċċjali, fuq l-ifrat kollha li jkollhom aktar minn sitt ġimgħat u li jkunu jagħmlu parti minn merħliet tat-tip T1 u tat-tip T2, sakemm dawn jibdew jagħmlu parti minn merħla tat-tip T3. Artikolu 19 L-Istati Membri għandhom jassiguraw li: (i) kull annimal minn merħla tat-tip T1 u li jkun ser jintbagħat f’merħla tat-tip T2: - jkun għadda minn eżami tat-tuberculosis msejjaħ intradermal, li jkun sar fil-perjodu ta’ 30 jum qabel iċ-ċaqlieq, u li jkun akkumpanjat b’ċertifikat għal dan il-fini magħmul mill-veterinarju uffiċċjali, - mal-wasla tiegħu jkun iżolat immedjatament għal mill-anqas 60 jum u jkun għadda minn eżami tat-tuberculosis imsejjaħ intradermal ieħor qabel ma jitħalla jidħol fil-merħla l-ġdida; (ii) kull annimal minn merħla tat-tip T2 li jkun ser jintbagħat f’merħla oħra tat-tip T2: - għandu jkun għadda minn eżami tat-tuberculosis msejjaħ intradermal, li jkun sar fil-perjodu ta’ 30 jum qabel iċ-ċaqlieq, u jkun akkumpanjat b’ċertifikat dwar dan is-suġġett magħmul mill-veterinarju uffiċċjali, - matul it-trasport tiegħu, ma jiġix f’kuntatt ma’ ifrat li jkunu ġejjin minn merħliet ta’ stat ta’ saħħa aktar baxx; (iii) kull trasferiment ta’ ifrat bejn merħliet tat-tip T3 jiġi mwettaq suġġett għall-osservanza tar-regolamenti msemmija f’Direttiva 64/432/KEE. Artikolu 20 L-Istati Membri għandhom jassiguraw li: - jittieħdu miżuri uffiċċjali ta’ kontroll biex wieħed ma jħallix li merħla li minnha tkun ġiet eliminata t-tuberculosis, terġa’ tiġi nfettata minn sorsi oħra ta’ infezzjoni, - kull moviment ta’ ifrat lejn u l-barra minn merħliet li jaqgħu taħt pjan ta’ qerda huma suġġett għal superviżjoni uffiċċjali, - il-miżuri ta’ kontroll fuq il-movimenti msemmija taħt punt numru tnejn jistgħu japplikaw mingħajr preġudizzju għall-miżuri eżistenti tal-Komunità dwar il-moviment lejn u ’l barra minn merħliet li jkunu uffiċċjalment ħielsa mill-marda tat-tuberculosis. KAPITLU IV Dispożizzjonijiet speċifici relatati ma’ enzootic bovine leukosis Artikolu 21 Sakemm jidħlu fis-seħħ ir-regoli tal-Komunità, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4, subparagrafu tlieta tad-Direttiva 77/391/KEE, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar is-sejba ta’ leukosis u dwar il-klassifikazzjoni ta’ merħliet rigward il-leukosis. Artikolu 22 L-Istati Membri għandhom jassiguraw, li taħt il-pjan ta’ qerda tal-leukosis, (a) il-presenza jew is-suspett tal-presenza tal-leukosis, b’mod partikolari tumur tal-lympathic system u organi oħra ta’ l-ifrat, trid tiġi bil-fors u immedjatament innotifikata lill-awtorità kompetenti; (b) trattament terapewtiku jew tilqim kontra l-leukosis ta’ kwalunkwe tip huwa pprojbit. Artikolu 23 Minkejja kull miżura adottata aktar kmieni fid-dispożizzjonijiet nazzjonali f’każ ta’ suspett ta’ leukosis, meta l-presenza ta’ leukosis tkun uffiċċjalment ikkonfermata f’merħla, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex ma jħallux il-marda tkompli tinfirex, u b’mod partikolari għandhom jassiguraw illi: - kull ċaqlieq ta’ annimali minn din il-merħla huwa pprojbit, sakemm ma jkunx awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti biex isir il-qtil mingħajr dewmien, - il-merħla in kwistjoni tiġi iżolata biex l-ifrat ma jkunux jistgħu jiġu f’kuntatt ma’ ifrat li ma jagħmlux parti minn din il-merħla, - ħalib minn baqar infettati jista’ jingħata għax-xorb lill-annimali wara trattament tajjeb bis-sħana jew wara li jkun ittieħed f’fabbrika tal-ħalib biex jingħata trattament simili; l-għoti ta’ ħalib għax-xorb lill-annimali mingħajr trattament tas-sħana jista’ jiġi awtorizzat f’każ ta’ merħliet fejn l-annimali kollha jkunu ser jinqatlu skond l-Artikolu 24, punt numru 1, - karkassa, nofs karkassa, kwart, biċċiet u fdalijiet ta’ annimali infettati intenzjonati għall-użu bħala għalf għall-annimali jiġu ppreparati b tali mod li tiġi evitata l-kontaminazzjoni, - r-regoli uffiċċjali għall-kontroll ta’ stabbilimenti, bħall-impjanti għar-rimi tal-karkassi, jiżguraw li m’hemm l-ebda periklu li l-materjal prodott jifrex il-leukosis, - il-bidwi jinforma lill-veterinarju uffiċċjali bil-mewt jew bil-qtil ta’ emerġenza ta’ kwalunkwe annimal ta’ l-ifrat fir-razzett tiegħu. Artikolu 24 L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, skond il-mod kif tqassam il-pjan ta’ qerda, 1. fejn pjan simili jipprovdi għall-qtil ta’ l-ifrat kollha li jkunu jagħmlu parti minn merħla li fiha ġiet stabbilita l-leukosis, dawn l-annimali jinqatlu f’perjodu li jiġi definit mill-awtoritajiet kompetenti; 2. fejn pjan simili jipprovdi biss għall-qtil ta’ dawk l-ifrat li fihom tkun stabbilita b’mod uffiċċjali l-leukosis u possibilment dawk li huma kkunsidrati mill-awtoritajiet kompetenti bħala infettati, dan il-qtil iseħħ f’perjodu ta’ 30 jum wara li s-sid tagħhom jew il-persuna responsabbli tiġi uffiċċjalment infurmata bir-riżultat ta’ l-eżamijiet u bl-obligazzjoni tiegħu, skond il-pjan ta’ qerda, li joqtol l-ifrat kkonċernati f’dan il-perjodu. Artikolu 25 L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, f’każ ta’ qtil skond l-Artikolu 24, punt numru 2, - l-ebda annimal ma jista’ jħalli l-merħla kkonċernata sakemm ma tkunx ingħatat awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti bil-għan li jsir il-qtil mingħajr dewmien, - eżamijiet tal-leukosis jitwettqu fuq il-merħla kkonċernata biex jikkonfermaw li l-marda ġiet eliminata, - biex terġa’ titkabbar il-merħla mill-ġdid jistgħu jintużaw biss dawk l-annimali minn merħliet ikkunsidrati mill-awtoritajiet kompetenti bħala li m’ humiex infettati bil-leukosis. Artikolu 26 L-Istati Membri għandhom jassiguraw li: 1. wara l-qtil ta’ l-ifrat msemmi fl-Artikolu 24 u qabel ma wieħed jerġa’ jibda jrabbi, il-kmamar tar-razzett u bnadi oħra fejn kien hemm il-merħla, u kull kontenitur, apparat u oġġett ieħor użat għall-annimali, jiġu mnaddfa u ddiżinfettati taħt superviżjoni uffiċċjali, skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-veterinarju uffiċċjali; 2. kull mezz ta’ trasport, kontenituri u apparat jiġu mnaddfa u ddiżinfettati, wara t-trasport ta’ annimali nfettati, jew materjal minn dawn l-annimali, jew materjal jew sustanzi li kienu f’kuntatt ma’ dawn l-annimali. Wara li jintużaw, iridu jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati ż-żoni minn fejn tgħabbew dawn l-annimali; 3. d-diżinfettant li jintuża u l-elementi tiegħu jkunu awtorizzati uffiċċjalment mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Artikolu 27 L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-ifrat minn merħla kklassifikata bħala mhux suspetta ma jiġux f’kuntatt ma’ ifrat minn merħliet li m’humiex ikklassifikati b’dan il-mod. KAPITLU V Dispożizzjonijiet finali Artikolu 28 Qabel ma jgħaddi l-perjodu ta’ tliet snin imsemmi f’Direttiva 77/391/KEE, il-Kummissjoni trid tissottometti rapport quddiem il-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-pjani msemmija f’dik id-Direttiva, akkumpanjat, jekk hemm bżonn, bi proposti biex ikun hemm aktar armonija bejn il-miżuri preventivi nazzjonali. Artikolu 29 1. Id-Direttiva 77/391/KEE għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1978. 2. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali għall-qerda mgħaġġla adottata skond l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 77/391/KEE, fid-data msemmija mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha li tapprova l-pjani, u l-pjani approvati matul l-1978, mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1978. 3. Il-perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ tliet snin imsemmi fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 77/391/KEE għandu jibda jgħaddi għal kull Stat Membru, mid-data msemmija mill-Kummissjoni skond paragrafu 2. Madanakollu, il-finanzi tal-Komunità għandhom f’kull każ ikunu ristretti għal qtil imwettaq qabel l-1 ta’ Jannar 1982. 4. Il-Kunsill, jaħdem b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’, meta l-implimentazzjoni tal-pjan dwar id-data msemmija tkun tolqot ċerti diffikultajiet konsiderevoli f’uħud mill-Istati Membri, għal dawn il-pajjiżi, jipposponi d-dati speċifikati f’paragrafi 2 u 3 b’mhux aktar minn sena. Artikolu 30 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fit-13 ta’ Diċembru 1977. Għall-Kunsill Il-President A. Humblet [1] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 44. [2] ĠU C 121, tad-29.7.1964, p. 1977/64. [3] ĠU L 26, tal-31.1.1977, p. 81. [4] ĠU L 15, tad-19.1.1978, p. 32. --------------------------------------------------