31978L0050



Official Journal L 015 , 19/01/1978 P. 0028 - 0031
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 9 P. 0146
Greek special edition: Chapter 03 Volume 19 P. 0231
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 9 P. 0146
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 13 P. 0171
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 13 P. 0171


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-13 ta’ Diċembru 1977

li tissupplimenta, fir-rigward tal-proċess tat-tkessiħ, id-Direttiva 71/118/KEE dwar il-problemi tas-saħħa li jolqtu l-kummerċ fil-laħam frisk tat-tjur

(78/50/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 43 u 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi l-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 71/118/KEE tal-15 ta’ Frar 1971 dwar il-problemi tas-saħħa li jolqtu l-kummerċ fil-laħam frisk tat-tjur [3], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 75/431/KEE [4], jistipula li l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-użu tal-proċess tat-tkessiħ tat-tjur indikat fl-Artikolu msemmi;

Billi projbizzjoni bħal din m’hijiex sa tkun torbot qabel 18-il xahar wara li l-Kummissjoni tkun issottomettiet rapport dwar il-proċessi tat-tkessiħ li ma jkunux koperti mill-projbizzjoni jew, mhux aktar tard mill-1 Jannar 1978;

Billi l-Kummissjoni, wara li kkonsultat l-Istati Membri fil-Kumitat Veterinarju Permanenti, ressqet quddiem il-Kunsill rapport li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li jirregolaw l-impjant, l-operat u l-kontroll li l-proċess tat-tkessiħ permezz ta’ l-immersjoni fl-ilma għandu jissodisfa biex ma jkunx meqjus li jaqa’ fl-ambitu tal-projbizzjoni msemmija; billi din id-Direttiva hija bbażata fuq il-konklużjonijiet ta’ dak ir-rapport,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 71/118/KEE għandu jinbidel bit-test li ġej:

"Artikolu 14

1. Mill-15 ta’ Frar 1979 l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tkessiħ tal-laħam frisk tat-tjur permezz ta’ l-immersjoni fl-ilma, sakemm dan ma jsirx skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti 28a u 28b tal-Kapitolu V ta’ l-Anness I u l-karkassi hekk imkessħa jkunu ġew iffriżati immedjatament jew deep-frozen.

2. Madankollu, fil-każ tal-karkassi akkwistati u maħsuba għas-suq fit-territorji tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiġu awtorizzati biex jagħtu, wara li jintalbu, lill-impriżi li jkunu jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju tagħhom fl-1 ta’ Jannar 1978 deroga mir-rekwiżiti tal-paragrafu 1. Derogi bħal dawn ma jistgħux jiġu estiżi oltre l-15 ta’ Awissu 1982.

L-Istati Membri li jkunu jagħmlu użu mid-derogi previsti fl-ewwel paragrafu jistgħu ma joġġezzjonawx għad-dħul fit-territorju tagħhom ta’ laħam tat-tjur akkwistat fi Stat Membru ieħor bl-istess kondizzjonijiet.

3. L-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu użu mill-possibbiltà mogħtija mill-paragrafu 2 għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ mhux iktar tard mill-15 ta’ Frar 1979.

4. Fejn il-klawsoli tad-deroga fil-paragrafu 2 jiġu invokati, l-użu tat-timbri sanitarji previsti fl-Anness I, il-Kapitolu X, għandhom jiġu pprojbiti.

Madankollu, għall-implimentazzjoni tat-tieni subparagrafu 2, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiġu awtorizzati biex jippermettu d-dħul fit-territorju tagħhom ta’ karkassi li ma jkollhomx xi timbru sanitarju kif previst fl-Anness I, il-Kapitolu X."

Artikolu 2

L-Artikolu li ġej għandu jiġi inkorporat fid-Direttiva 71/118/KEE:

"Artikolu 14a

1. Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta l-Istati Membri fil-Kumitat Veterinarju Permanenti, għandha tressaq quddiem il-Kunsill sa l-1 ta’ Jannar 1980 rapport, jekk jista’ jkun akkompanjat minn jew segwit minn proposti approprjati dwar:

(a) il-kontinwazzjoni ta’ l-istudju dwar il-proċessi tat-tkessiħ tal-karkassi li jkunu sodisfaċenti mill-aspett ta’ l-iġjene, ir-rapport li jittratta kemm l-iżvilupp tas-sistema msemmija fl-Anness I, fil-Kapitolu V, fil-punti 28a u 28b u proċessi oħra ta’ tkessiħ, b’mod partikolari dawk li jużaw is-CO2 likwidu u n-nitroġenu likwidu jew il-proċess permezz tal-bexx;

(b) il-kontrolli mikrobijoloġiċi inkluż l-irwol tal-valuri ta’ limiti u l-metodi mikrobijoloġiċi li għandhom jintużaw għall-għanijiet tal-kontrolli bħal dawn, fuq:

(i) il-grad ta’ l-iġjene tal-proċess tat-tkessiħ bl-immersjoni msemmi fl-Anness I, fil-Kapitolu V, fil-punti 28a u 28b; u

(ii) il-proċess kollu tal-qtil minn x’ħin it-tajra ħajja tidħol il-biċċerija sa l-istadju ta’ l-ippakkjar jew, meta jkun approprjat sakemm il-karkassa tħalli l-biċċerija;

(ċ) il-kwantità ta’ l-ilma assorbit-inkluża l-valutazzjoni ta’ l-irwol tal-valur tagħha bħala limitu - bħala parametru għall-kontrolli ta’ l-iġjene fuq l-apparat tat-tkessiħ bl-immersjoni.

2. Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta l-Istati Membri fil-Kumitat Veterinarju Permanenti, għandha tressaq quddiem il-Kunsill sal-15 ta’ Ottubru 1978 rapport jekk jista’ jkun akkompanjat minn proposti dwar il-kondizzjonijiet speċifiċi ta’ l-iġjene li permezz tagħhom il-proċess li jikkonforma mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti 28a u 28b ta’ l-Anness I, Kapitolu V, jista’ jiġi applikat għal karkassi li la jkunu ġew iffriżati immedjatament u lanqas deep-frozen.

3. Il-Kunsill għandu jaġixxi unanimament fuq il-proposti tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 fi żmien perjodu ta’ 12-il xahar mid-data ta’ meta jitressqu u qabel il-31 ta’ Diċembru 1978 fuq il-proposti msemmija fil-paragrafu 2."

Artikolu 3

Il-punti li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-Kapitolu V ta’ l-Anness I għad-Direttiva 71/118/KEE:

"28a. Il-karkassi li jkunu se jiġu ssoġġettati għal proċess ta’ tkessiħ bl-immersjoni skond il-proċess deskritt fi 28b għandhom, immedjatament wara t-tneħħija tal-ġewwieni, jinħaslu sewwa permezz tal-bexx u jiġu mgħaddsin bla dewmien. Il-bexx għandu jsir permezz ta’ apparat li jaħsel b’mod effiċjenti kemm is-superfiċji interni kif ukoll esterni tal-karkassi.

Għall-karkassi ta’ piż ta’:

- mhux iktar minn 2.5 kilogrammi, ta’ lanqas 1.5 litru ilma għandhom jintużaw għal kull karkassa,

- bejn it-2.5 kilogrammi u l-5 kilogrammi, ta’ l-anqas 2.5 litri ilma għandhom jintużaw għal kull karkassa,

- 5 kilogrammi jew iktar, ta’ l-anqas 3.5 litri ilma għandhom jintużaw għal kull karkassa.

28b. Il-proċess tat-tkessiħ permezz ta’ l-immersjoni għandu jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a) il-karkasssi għandhom jgħaddu minn tank jew tankijiet bl-ilma jew bis-silġ u l-ilma li l-kontenut tagħhom ikun jinbidel il-ħin kollu. Għandha tiġi aċċettata biss is-sistema li biha l-karkassi jiġu l-ħin kollu mbuttati ’l quddiem b’mezzi mekkaniċi permezz ta’ kontro-kurrent ta’ ilma;

(b) it-temperatura ta’ l-ilma fit-tank jew fit-tankijiet imkejla fil-postijiet tad-dħul u l-ħruġ tal-karkassi m’għandhiex tkun ta’ iktar minn + 16 °C u + 4 °C rispettivament;

(ċ) din għandha ssir b’tali mod li t-temperatura speċifikata fil-Kapitolu XII tintlaħaq fl-iqsar żmien possibbli;

(d) l-anqas kurrent ta’ l-ilma matul il-proċess kollu tat-tkessiħ imsemmi fil-paragrafu (a) għandu jkun ta’

- 2.5 litru għal kull karkassa li tkun tiżen 2.5 kilogrammi jew inqas,

- 4 litri għal kull karkassa li tkun tiżen bejn 2.5 kilogrammi u 5 kilogrammi,

- 6 litri għal kull karkassa li tkun tiżen 5 kilogrammi jew iktar.

Jekk ikun hemm ħafna tankijiet, id-dħul ta’ l-ilma l-ġdid u l-ħruġ ta’ l-ilma użat f’kull tank għandu jkun irregolat b’tali mod li dan jonqos progressivament fid-direzzjoni tal-moviment tal-karkassi, billi l-ilma l-ġdid jinqasam bejn it-tankijiet b’tali mod li l-kurrent ta’ l-ilma li jgħaddi mill-aħħar tank ma jkunx anqas minn:

- litru għal kull karkassa li tkun tiżen 2.5 kilogrammi jew anqas,

- 5 litru għal kull karkassa li tiżen bejn 2.5 kilogrammi u 5 kilogrammi,

- 2 litri għal kull karkassa li tkun tiżen 5 kilogrammi jew aktar.

L-ilma użat għall-ewwel mili tat-tankijiet m’għandux ikun inkluż fil-kalkolazzjoni ta’ dawn il-kwantitajiet;

(e) il-karkassi m’għandhomx jibqgħu fl-ewwel parti ta’ l-apparat jew fl-ewwel tank għal iktar minn nofs siegħa jew fil-bqija ta’ l-apparat jew it-tank (ijiet) għal aktar milli jkun strettament meħtieġ.

Kull prekawzjoni għandha tittieħed biex jiġi żgurat li, fil-każ ta’ waqfien fil-proċess, il-ħin tat-transitu stabbilit mill-ewwel subparagrafu jiġi mħares.

Kull meta jieqaf l-apparat, il-veterinarju uffiċjali għandu jkun sodisfatt li qabel ma dan jerġa’ jitħaddem il-karkassi għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva u jkunu tajbin għal konsum uman jew, jekk dan ma jkunx il-każ, jiżgura li dawn jiġu ttrasportati kemm jista’ jkun malajr fil-lokal previst mill-punt 1 (h) u (i);

(f) kull biċċa mill-apparat għandha titbattal għal kollox, titnaddaf u tiġi ddiżinfettata kull meta dan ikun meħtieġ fi tmiem il-perjodu tax-xogħol u ta’ l-anqas darba kuljum;

(g) dan għandu jkollu tagħmir ta’ kontroll ikkalibrat li jippermetti sorveljanza adegwata u kontinwa tal-kejl u rrekordjar ta’:

- il-konsum ta’ l-ilma waqt il-bexx/il-ħasil qabel l-immersjoni,

- it-temperatura ta’ l-ilma fit-tank jew it-tankijiet fil-postijiet tad-dħul u l-ħruġ tal-karkassi,

- il-konsum ta’ l-ilma waqt l-immersjoni,

- l-għadd tal-karkassi f’kull wieħed mill-imwieżen elenkati fid-(d) aktar ’il fuq u fil-punt 28a;

(h) ir-riżultati tad-diversi kontrolli li jkunu saru mill-produttur għandhom jinżammu u jingħataw malli dawn jintalbu mill-veterinarju uffiċjali;

(i) il-funzjonament korrett ta’ l-impjant tat-tkessiħ u l-effett tiegħu fuq il-livell ta’ l-iġjene għandu jiġi stmat sakemm jiġu adottati, skond l-Artikolu 14a, il-metodi mikrobijoliġiċi tal-Komunità skond il-metodi mikrobijoloġiċi xjentifiċi rrikonoxxuti mill-Istati Membri, filwaqt li t-tniġġiż tal-karkassi minn batterji totali u enterobatterjaċei għandu jiġi pparagunat qabel u wara l-immersjoni. Dan il-paragun għandu jsir meta l-makkinarju jintuża għall-ewwel darba u wara dan perjodikament u fi kwalunkwe każ kull darba li jsiru xi alterazzjonijiet fil-mekkaniżmu. Il-funzjonament tad-diversi partijiet għandu jiġi rregolat biex jiġi żgurat standard sodisfaċenti ta’ iġjene."

Artikolu 4

Matul il-perjodu ta’ l-applikazzjoni ta’ kull deroga mogħtija taħt it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 16a (a) tad-Direttiva 71/118/KEE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsiru kontrolli approprjati fuq l-istallazzjonijiet tal-bidu u l-operat kontinwu tal-proċessi tat-tkessiħ f’kull stabbiliment kopert minn deroga ta’ din ix-xorta.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 1978.

Artikolu 6

Din id-Direttiva qed tiġi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-13 ta’ Diċembru 1977.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Humblet

[1] ĠU C 293, tat-13.12.1976, p. 70.

[2] ĠU C 56, tas-7.3.1977, p. 88.

[3] ĠU L 55, tat-8.3.1971, p. 23.

[4] ĠU L 192, ta' l-24.7.1975, p. 6.

--------------------------------------------------