31978D0078



Official Journal L 025 , 31/01/1978 P. 0058 - 0058
Greek special edition: Chapter 03 Volume 20 P. 0036


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-23 ta’ Diċembru 1977

dwar ċerti regoli dettaljati għad-Direttiva 64/432/KEE dwar il-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer

(78/78/KEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar problemi tas-saħħa ta’ l-annimali li jaffettwaw in-negozju taċ-ċanga u l-majjal fil-Komunità [1], kif emendata l-aħħar permezz tad-Direttiva 77/98/KEE [2], u b’mod partikolari l-ewwel u l-aħħar paragrafu ta’ l-Artikolu 4b,

Filwaqt li l-Artikolu 4b, biex ma jkunx kompromess il-livell ta’ saħħa diġà milħuq minn ċerti Stati Membri, jawtorizza lil dawk fejn jeżistu ċerti kundizzjonijiet, u li, b’mod partikolari, ma jħallux annimali mlaqqma fit-territorju tagħhom, biex jimponu, għal perjodu li jiġi determinat bi proċedura tal-Kumitat tal-Veterinarji, kundizzjonijiet ta’ saħħa partikolari fuq l-introduzzjoni ta’ annimali fit-territorju tagħhom;

Filwaqt li annimali mwielda wara l-bidu ta’ dan il-perjodu joffru, f’dak li jikkonċerna l-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer, il-garanziji massimi, partikolarment lill-iStati Membri li huma ħielsa minn din il-marda u li ma jippermettux tilqim fit-territorju tagħhom;

Filwaqt li l-perjodu diġà msemmi jrid jagħti garanziji ta’ saħħa suffiċjenti; filwaqt li perjodu ta’ sena jista’ jkun ikkunsidrat bħala sodisfaċenti;

Filwaqt li l-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni jaqblu ma’ l-opinjoni tal-Kumitat tal-Veterinarji,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIZJONI:

Artikolu 1

Il-perjodu msemmi fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 4b tad-Direttiva 64/432/KEE li matulu l-iStati Membri uffiċċjalment m’għandhomx jippermettu li jsir aktar tilqim kontra l-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer fit-territorju tagħhom irid ikun ta’ sena.

Artikolu 2

Annimali li jkunu twieldu wara l-perjodu msemmi fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu nnegozjati fil-Komunità suġġett għall-kundizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 4b (A) (1) ta’ l-imsemmija Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-23 ta’ Diċembru 1977.

Għall-Kummissjoni

Finn Gundelach

Viċi-President

[1] ĠU C 121, tad-29.7.1964, p. 1977/64.

[2] ĠU L 26, 31.1 1977, p.81.

--------------------------------------------------