31977L0539



Official Journal L 220 , 29/08/1977 P. 0072 - 0082
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 7 P. 0212
Greek special edition: Chapter 13 Volume 6 P. 0211
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 7 P. 0212
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 7 P. 0224
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 7 P. 0224


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-28 ta’ Ġunju 1977

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrigwardaw il-fanali tar-rivers għall-vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom

(77/539/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi l-ħtiġiet tekniċi li l-vetturi tal-mutur għandhom jissodisfaw skond il-liġijiet nazzjonali jirrelataw inter alia mal-fanali tar-rivers;

Billi dawn ir-ħtiġiet ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor; billi hu għalhekk meħtieġ li l-Istati Membri kollha jadottaw l-istess ħtiġiet jew b’żieda ma’ jew minflok ir-regoli eżistenti tagħhom, sabiex, b’mod partikolari, jippermettu li l-proċedura dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE li kienet is-suġġett tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [3], tiġi ntrodotta fir-rigward ta’ kull tip ta’ vettura;

Billi fid-Direttiva 76/756/KEE [4], il-Kunsill stabbilixxa l-ħtiġiet komuni għall-installazzjoni ta’ mezzi ta’ dawl u ta’ sinjalazzjoni bid-dawl fuq il-vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom;

Billi proċedura armonizzata ta’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ komponentfir-rigward ta’ fanali tar-rivers tagħmilha possibbli għal kull Stat Membru li jivverifika l-konformità mal-ħtiġiet komuni tal-kostruzzjoni u l-ittestjar u biex jinforma lill-Istati Membri l-oħra bis-sejbiet tiegħu billi jibgħat kopja taċ-ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ komponent komplut għal kull tip ta’fanal tar-rivers; billi t-tqegħid ta’ marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent fuq fanali tar-rivers kollha manifatturati b’konformità mat-tip approvat tneħħi kull ħtieġa għall-iċċekkjar tekniku fuq dawn il-fanali tar-rivers fl-Istati Membri l-oħra;

Billi hu mixtieq li jkunu kkunsidrati l-ħtiġiet tekniċi adottati mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-NU fir-Regolament tagħha Nru 23 ("Dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta’fanali tar-rivers għall-vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom") [5] li hu mehmuż mal-Ftehim ta’ l-20 ta’ Marzu 1958 dwar l-adozzjoni tal-kondizzjonijiet uniformi għall-approvazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku ta’ l-approvazzjoni għall-tagħmir u partijiet ta’ vetturi bil-mutur;

Billi l-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li jirrelataw ma’ vetturi bil-mutur tinvolvi r-rikonoxximent reċiproku mill-Istati Membri tat-testijiet magħmula minn kull wieħed minnhom abbażi tal-ħtiġiet komuni,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Kull Stat Membru għandu jagħti l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent għal kull tip ta’ fanal tar-rivers li jissodisfa l-ħtiġiet tal-kostruzzjoni u l-ittestjar stabbiliti fl-Annessi 0, II, III u IV.

2. L-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE tal-komponent għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jivverifika li l-mudelli tal-produzzjoni jikkonformaw mat-tip approvat, safejn dan ikun meħtieġ u jekk meħtieġ b’kooperazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri l-oħra. Din il-verifika għandha tkun limitata għall-verifiki saltwarji.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom għal kull tip ta’ fanal tar-rivers li huma japprovaw skond l-Artikolu 1, jagħtu lill-manifattur, jew lir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent li tikkonforma mal-mudell muri fl-Anness II.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jipprevjenu l-użu ta’ marki li jistgħu joħolqu xi konfużjoni bejn il-fanali tar-rivers li jkunu ġew mogħtija l-approvazzjoni tat-tip skond l-Artikolu 1, u mezzi oħrajn.

Artikolu 3

1. L-ebda Stat Membru ma jista’ jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ fanali tar-rivers għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kostruzzjoni tagħhom jew il-metodu ta’ kif dawn jaħdmu jekk dawn ikollhom il-marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal- KEE ta’ komponent.

2. Minkejja dan, Stat Membru jista’ jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ fanali tar-rivers li jkollhom il-marka għall-approvazzjoni tat-tip tal- KEE ta’ komponent li b’mod konsistenti jonqsu li jikkonformaw mat-tip approvat.

Dak l-Istat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni minnufih bil-miżuri meħuda, waqt li jispeċifika r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

Artikolu 4

L-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru għandhom fi żmien xahar jibagħtu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra kopja taċ-ċertifikati ta’ l-approvazzjoni tat-tip ta’komponent, li mudell tiegħu qed jingħata fl-Anness I, komplut għal kull tip ta’ fanal tar-rivers li huma japprovaw jew li jirrifjutaw li japprovaw.

Artikolu 5

1. Jekk l-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent isib li numru ta’ fanali tar-rivers li jkollhom l-istess marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal- KEE ta’ komponent ma jikkonformawx mat-tip li hu jkun approva, dan għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassiigura li l-mudelli tal-produzzjoni jikkonformaw mat-tip approvat. L-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat għandhom javżaw lil dawk ta’ l-Istati Membri l-oħra bil-miżuri meħuda li jistgħu, meta jkun hemm nuqqas konsistenti ta’ konformità, jestendu għall-irtirar ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal- KEE ta’ komponent. L-imsemmija awtoritajiet għandhom jieħdu l-istess miżuri jekk ikunu infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ xi Stat Membru ieħor b’dan in-nuqqas ta’ konformità.

2. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin fi żmien xahar bi kwalunkwe rtirar ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent, u bir-raġunijiet għal dik il-miżura.

Artikolu 6

Kull deċiżjoni meħuda skond id-disposizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, biex tiġi irrifjutata jew irtirata l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent għal xi fanal tar-rivers jew biex jiġi pprojbit it-tqegħid fis-suq jew l-użu tiegħu għandha tagħti fid-dettall ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jiġu nnotifikati lill-parti interessata, li għandha fl-istess waqt tiġi mgħarrfa bir-rimedji disponibbli lilha skond il-liġijiet li jkunu fis-seħħ fl-Istati Membri u bit-termini ta’ żmien mogħtija għall-eżerċizzju ta’ dawn ir-rimedji.

Artikolu 7

L-ebda Stat Membru ma jista’ jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE jew l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali ta’ xi vettura għal raġunjiet li għandhom x’jaqsmu mal-fanali tar-rivers tagħha jekk dawn ikollhom il-marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent u jkunu mwaħħla skond ir-ħtiġiet stabbiliti fid-Direttiva 76/756/KEE.

Artikolu 8

L-ebda Stat Membru ma jista’ jirrifjuta jew jipprojbixxi l-bejgħ, ir-reġistrazzjoni, id-dħul fis-servizz jew l-użu ta’ xi vettura għal raġunjiet li għandhom x’jaqsmu mal- -fanali tar-rivers tagħha jekk dawn ikollhom il-marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent u jkunu mwaħħla skond ir-ħtiġiet stabbiliti fid-Direttiva 76/756/KEE.

Artikolu 9

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, "vettura" tfisser kull vettura bil-mutur maħsuba għall-użu fit-triq, bil-karozzerija jew mingħajrha, li jkollha mill-inqas erba’ roti u assi veloċità massiima ddisinjata li taqbeż il-25 km fis-siegħa, u l-karrijiet tagħha, bl-eċċezzjoni ta’ vetturi li jimxu fuq il-linji, tratturi u makkinarju għall-agrikoltura u għall-forestrija u vetturi li jintużaw fix-xogħlijiet pubbliċi.

Artikolu 10

Kull emenda li hija meħtieġa sabiex jiġu addattati r-ħtiġiet ta’ l-Annessi sabiex jittieħed kont tal-progress tekniku għandha tiġi adottata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE.

Artikolu 11

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien 18-il xahar min-notifika tagħha u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni.

Artikolu 12

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Ġunju 1977.

Għall-Kunsill

Il-President

W. Rodgers

[1] ĠU C 118, tas-16.5.1977, p. 29.

[2] ĠU C 114, tal-11.5.1977, p. 3.

[3] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1.

[4] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 1.

[5] Dokument tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa E/ECE/324/E/ECE/TRANS/505/Rev. 1/Add 22, ta’ l-20.8.1971.

--------------------------------------------------

LISTA TA’ L-ANNESSI

ANNESS 0 [1] | Definizzjonijiet, speċifikazzjonijiet ġenerali, intensità tad-dawl mitfugħ, proċedura tat-test, kulur tad-dawl mitfugħ, konformità tal-produzzjoni |

ANNESS I | Mudell ta’ ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent |

ANNESS II: | Approvazzjoni tat-tip tal- KEE ta’ komponent u ħtiġiet ta’ mmarkar |

ANNESS III [1]: | Kejl fotometriku |

ANNESS IV [1]: | Kulur tad-dawl li mitfugħ, koordinati trikromatiċi |

[1] Il-ħtiġiet tekniċi ta’ dan l-Anness hume simili għal dawk tar-Regolament Nru 23 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa. B’mod partikolari it-tqassiim f’sezzjonijiet huwa l-istess. Għalhekk, fejn sezzjoni fir-Regolament Nru 23 m’għandhiex kontro-parti f’din id-Direttiva, in-numru huwa mogħti f’parentesi għar-rekord.

--------------------------------------------------