31976R1860



Official Journal L 214 , 06/08/1976 P. 0024 - 0046
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 2 P. 0070
Greek special edition: Chapter 01 Volume 2 P. 0036
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 2 P. 0070
Spanish special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0185
Portuguese special edition Chapter 15 Volume 1 P. 0185


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEFA, KEE, Euratom) Nru 1860/76

tad-29 ta' Ġunju 1976

li jistabbilixxi l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg tal-persunal tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol.

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 tas-26 ta' Mejju 1975 dwar il-ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi huwa f'idejn il-Kunsill li, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, jadotta d-disposizzjonijiet li jirregolaw il-persunal ta' din l-Fondazzjoni,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

IT-TITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 1

1. Dawn il-Kondizzjonijiet ta' Impjieg għandhom japplikaw:

- għad-direttur u għad-deputat direttur tal-Fondazzjoni,

- għall-persunal tal-Fondazzjoni,

- għall-persunal lokali tal-Fondazzjoni.

2. Għall-għanijiet ta' dawn il-Kondizzjonijiet ta' Impjieg, il-persunal li jiġi ingaġġat sabiex jimla kariga li tkun inkluża fil-budget tal-Fondazzjoni għandu jiġi meqjus bħala persunal tal-Fondazzjoni.

3. Għall-għanijiet ta' dawn il-Kondizzjonijiet ta' Impjieg, "persunal lokali" tfisser dak il-persunal ingaġġat skond il-prattika lokali għal-xogħol manwali jew ta' servizz, assenjat f'kariga mhux inkluża fil-lista ta' karigi f'anness mal-budget tal-Fondazzjoni u mħallas mill-approprjazzjonijiet totali għall-għan taħt il-budget.

4. Id-direttur, li għandu jiġi nnominat mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, għandu jiġi ngaġġat f'kariga li tkun inkluża fil-lista ta' karigi annessa mal-budget tal-Fondazzjoni bil-għan li jeżerċita d-dmirijiet li għalihom hemm ipprovdut fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) Nru 1365/75.

Id-deputat direttur, li għandu jiġi nnominat mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, għandu jiġi ingaġġat sabiex jaħdem f'kariga li tkun inkluża fil-lista ta' karigi annessa mal-budget tal-Fondazzjoni bil-għan li jassisti lid-direttur u jieħu postu f'każ li d-direttur ikun assenti jew b'xi mod ieħor imfixkel milli jaqdi dmirijietu.

5. Id-direttur għandu s-setgħa li jtemm il-kuntratti ta' l-impjieg mal-persunal imsemmi fil-paragrafi 2 u 3.

Il-President tal-Bord Amministrattiv tal-Fondazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jiffirma l-kuntratti ta' impjieg mad-direttur u mad-deputat direttur.

IT-TITOLU II

IL-PERSUNAL TAL-FONDAZZJONI

IL-KAPITOLU 1

L-Artikolu 2

Il-persunal jista' jiġi ngaġġat sabiex jaħdem għal perjodu definit jew indefinit.

Il-kuntratti li jkunu għal tul ta' żmien fiss ma jistgħux jiġu mitmuma għal perjodi itwal minn ħames snin u għandhom ikunu jistgħu jiġu mġedda.

L-Artikolu 3

Il-persunal ma għandux jiġi ingaġġat għall-ebda għan ieħor ħlief għal dak li jimla, skond dan it-Titolu, karigi vakanti inklużi fil-lista ta' karigi annessa mal-budget tal-Fondazzjoni. Kull kariga vakanti li għandha tiġi mimlija, għandha tiġi rreklamata b'mod addattat. Il-proċedura ta' reklamar għandha tiġi stabbilita mill-Bord Amministrattiv.

L-Artikolu 4

Il-persunal għandu jiġi maqsum f'erba' kategoriji, suddiviżi fi gradi li jikkorrispondu għax-xogħolijiet li għandhom jiġu mwettqa.

Il-persunal għandu jiġi ggradat skond il-kwalifiki u l-esperjenza.

It-tabella segwenti turi l-grad li jikkorrispondi ma' kull kariga bażika:

Kategorija | Gradi | Post bażiku |

A | A5 | Amministratur Prinċipali |

A6 | Amministratur |

A7 |

A8 | Assistent Amministratur |

B | B1 | Assistent Amministratur Prinċipali |

B3 | Assistent Amministratur Ogħla |

B5 | Assistent Amministratur |

C | C1 | Segretarju/a Prinċipali |

Uffiċjal Klerikali Prinċipali |

C2 | Segretarju/a / Tajpist/a tax-short hand Uffiċjal Klerikali |

C3 |

C5 | Tajpist/a |

Assistant Klerikali |

D | D2 | Impjegat imħarreġ |

D4 | Impjegat mhux imħarreġ |

B'riferenza għal din il-lista, il-Bord Amministrattiv għandu, bi ftehim mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, jiddefinixxi x-xogħlijiet u s-setgħa li kull kariga bażika għandha tkun tinkludi.

L-Artikolu 5

Il-grad u l-iskala li fihom jiġi ingaġġat il-persunal għandhom ikunu mogħtija fil-kuntratt.

Membru tal-persunal għandu jkun ingaġġat fl-ewwel skala tal-grad tiegħu. Madankollu, id-direttur jista', meta jikkunsidra t-taħriġ u l-esperjenza speċjali għall-kariga tal-persuna kkonċernata, iħalli li jkun hemm anzjanità addizzjonali fil-grad tiegħu. Din ma għandhiex taqbeż it-48 xahar.

L-assenjazzjoni tal-persunal f'kariga li jkollha grad ogħla minn dik li fih kien ingaġġat għandu jiġi rreġistrat fi ftehim supplementari għall-kuntratt ta' impjieg.

L-Artikolu 6

1. Għandu jitwaqqaf Kumitat tal-Persunal li għandu jaqdi d-dmirijiet assenjati lilu b'dawn il-Kondizzjonijiet ta' Impjieg.

2. Il-kompożizzjoni u l-proċedura ta' dan il-Kumitat għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord Amministrattiv tal-Fondazzjoni skond l-Anness 1.

3. Il-Kumitat tal-persunal għandu jirrappreżenta l-interessi tal-persunal vis-à-vis l-Fondazzjoni u jżomm kuntatt kontinwu bejn il-Fondazzjoni u bejn il-persunal. Għandu jikkontribwixxi għat-tmexxija bla problemi tal-Fondazzjoni billi jipprovdi kanal li permezz tiegħu il-persunal ikun jista' jesprimi l-opinjoni tiegħu.

Għandu jġib għall-attenzjoni tad-direttur kwalunkwe diffikultà li jkollha implikazzjoni ġenerali li tikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta' dawn il-Kondizzjonijiet ta' Impjieg. Jista' jiġi kkonsultat fuq xi diffikultà ta' din ix-xorta.

Il-Kumitat għandu jissottometti suġġerimenti lid-direttur, li jikkonċernaw l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-servizz u l-proposti għat-titjib tal-Kondizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal jew il-kondizzjonijiet tal-ħajja ġenerali.

4. Membru tal-persunal li l-kuntratt tiegħu jkun għal perjodu ta' aktar minn sena jew għal perjodu indefinit għandu jkollu d-dritt li jivvota fl-elezzjonijiet u li joħroġ għall-elezzjoni tal-Kumitat tal-persunal.

Membru tal-persunal li l-kuntratt tiegħu jkun għal inqas minn sena għandu jkun intitolat li jivvota jekk ikun ilu jaħdem mal-Fondazzjoni għal mhux inqas minn sitt xhur.

IL-KAPITOLU 2

Drittijiet u dmirijiet

L-Artikolu 7

Il-persunal għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu u jġib quddiem għajnejh l-interessi tal-Fondazzjoni fl-imġieba tiegħu; ma għandux ifittex u lanqas jieħu struzzjonijiet minn kwalunkwe gvern, awtorità, organizzazzjoni jew persuna barra l-Fondazzjoni.

Ma għandux jaċċetta minn kwalunkwe gvern jew minn kwalunkwe sors ieħor barra mill-Fondazzjoni, mingħajr il-permess tad-direttur, kwalunkwe unur, dekorazzjoni, favur, rigal jew ħlas ta' kwalunkwe tip, barra mis-servizzi li jkun ta jew qabel ma jkun ġie ingaġġat jew fil-leave li jkun ingħata għal servizz militari jew servizz ieħor nazzjonali u fir-rigward ta' servizz bħal dan.

L-Artikolu 8

Il-persunal għandu jastjeni minn kwalunkwe azzjoni u, b'mod partikolari minn kwalunkwe espressjoni jew opinjoni pubblika li tista' tirrifletti l-posizzjoni tiegħu.

Ma jistax jiġi ingaġġat f'attivita barra mill-Fondazzjoni, sew jekk bi ħlas, u sew jekk bla ħlas.

L-Artikolu 9

Jekk il-konjuġi ta' xi membru tal-persunal jaħdem bi qligħ, il-membru tal-persunal għandu jinforma b'dan lid-direttur.

Jekk in-natura ta' l-impjieg ma tkunx kompatibbli ma' dak il-membru tal-persunal u jekk il-membru tal-persunal ma jkunx f'posizzjoni li jikkommetti ruħu li huwa jieqaf f'perjodu speċifiku, id-direttur għandu jiddeċiedi jekk l-impjegat għandux ikompli fil-kariga tiegħu.

L-Artikolu 10

Kwalunkwe membru tal-persunal li fil-qadi ta' dmirijietu jkollu jiddeċiedi fuq kwestjoni li fl-amministrazzjoni jew l-eżitu tagħha huwa jkollu xi interess personali b'tali mod li l-indipendenza tiegħu tkun imfixkla, għandu jinforma lid-direttur b'dan.

L-Artikolu 11

Membru tal-persunal li jkun kandidat għal elezzjoni parlamentari għandu japplika għal leave bla ħlas għal perjodu li ma jaqbiżx tliet xhur.

Id-direttur għandu jikkonsidra l-każ ta' kwalunkwe membru tal-persunal li jkun ġie elett b'dan il-mod. Wara li jikkunsidra l-importanza tal-kariga li għaliha jkun ġie elett il-membru tal-persunal u d-doveri li tkun tinvolvi, id-direttur għandu jiddeċiedi jekk l-impjegat ikkonċernat għandux ikompli l-impjieg tiegħu attiv jew inkella għandux japplika għal leave bla ħlas. Fil-każ ta' l-aħħar, it-tul tal-leave għandu jkun ugwali għall-perjodu li għalih ikun ġie elett il-membru tal-personal.

L-Artikolu 12

Wara li jitlaq, il-persunal tas-servizz għandu jibqa' marbut bid-dmir li jġib ruħu b'integrita u diskrezzjoni fir-rigward ta' l-aċċettazzjoni ta'ċerti appuntamenti jew benefiċċji.

L-Artikolu 13

Il-persunal għandu jeżerċita l-akbar diskrezzjoni fir-rigward tal-fatti u l-informazzjoni kollha mgħarrfa lilu waqt li jkun qiegħed jaqdi dmirijietu jew f' konnessjoni mal-qadi ta' dmirijietu; ma għandu bl-ebda mod jgħaddi lil xi persuna mhux awtorizzata xi dokument jew informazzjoni li ma tkunx diġa ġiet magħmula pubblika. Għandu jibqa' jkun marbut b'dan l-obbligu anke wara li jħalli s-servizz.

Il-membri tal-persunal ma għandhomx, sew jekk weħidhom u sew jekk ikunu flimkien ma' oħrajn, jippubblikaw jew jikkaġunaw li ssir il-pubblikazzjoni, mingħajr il-permess tad-direttur, ta' kwalunkwe kwistjoni li jkollha x'taqsam max-xogħol tal-Fondazzjoni. Il-permess għandu jiġi rrifjutat biss jekk il-pubblikazzjoni proposta tista' toħloq preġudizzju għall-interessi tal-Fondazzjoni.

L-Artikolu 14

Id-drittijiet fi kwalunkwe kitbiet u xogħol ieħor li jkun sar minn persunal fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu għandu jkun il-proprjeta tal-Fondazzjoni.

L-Artikolu 15

Il-persunal ma għandux, mingħajr il-permess tad-direttur, jgħaddi għal liema raġuni tkun, fi proċeduri legali, informazzjoni li tkun ġiet għandu minħabba d-dmirijiet tiegħu. Il-permess għandu jiġi rrifjutat biss fejn l-interessi tal-Fondazzjoni jkunu jitlobu li dan isir u dan ir-rifjut ma għandu jkollu l-ebda konsegwenzi kriminali sa fejn il-membru tal-persunal imsemmi jkun ikkonċernat. Il-persunal għandu jkun marbut b'dan l-obbligu anke wara li jħalli s-servizz.

Il-paragrafu preċedenti ma għandux japplika għall-persunal jew għall-persunal preċedenti li jkun qiegħed jixhed quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fuq kwestjoni li tikkonċerna il-persunal jew il-persunal preċedenti tal-Fondazzjoni.

L-Artikolu 16

Il-persunal għandu jgħix jew fil-post fejn ikun impjegat jew mhux aktar 'il bogħod minn dak il-post milli jkun kompatibbli mal-qadi xieraq ta' dmirijietu.

L-Artikolu 17

Indipendendent mill-grad tiegħu, il-membru tal-persunal għandu jassisti u jagħti pariri lis-superjuri tiegħu; huwa għandu jkun responsabbli mill-qadi tad-dmirijiet li jkunu ġew assenjati lilu.

Membru tal-persunal li jkollu taħtu fergħa tas-servizz għandu jkun responsabbli lejn is-superjuri tiegħu fir-rigward ta' l-awtorità konferita lilu u sabiex iwettaq l-istruzzjonijiet li huwa jagħti. Ir-responsabilità tan-nies ta' taħtu ma għandha bl-ebda mod teħilsu mir-responsabiltajiet tiegħu.

Membru tal-persunal li jirċievi struzzjonijiet li huwa jikkonsidra li jkunu irregolari jew li x'aktarx jqajmu diffikultajiet serji għandu jinforma lis-superjur immedjat fuqu, jekk ikun hemm bżonn, bil-kitba. Jekk imbagħad huwa jirċievi konferma bil-miktub ta' l-istruzzjonijiet mis-superjur tiegħu, għandu jwettaqhom sakemm ma jikkostitwixxux ksur tad-dritt penali.

L-Artikolu 18

Membru tal-persunal jista' jiġi mitlub li jagħmel tajjeb, b'mod sħiħ jew parzjali, għad-dannu li ssofri l-Fondazzjoni bħala riżultat ta' mġieba ħażina serja min-naħa tiegħu filwaqt li jaqdi dmirijietu jew f'konnessjoni mal-qadi ta' dmirijietu.

Għandha tingħata deċiżjoni raġunata mid-direttur skond il-proċedura stabbilita fir-rigward ta' kwistjonijiet dixxiplinari.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha ġurisdizzjoni illimitata f'tilwim li joħroġ taħt din id-disposizzjoni.

L-Artikolu 19

Il-privileġġi u l-immunitajiet tal-persunal jingħataw biss fl-interessi tal-Fondazzjoni. Soġġett għall-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Kommunitajiet Ewropej, il-persunal ma għandux ikunu eżenti milli jaqdi l-obbligi privati tiegħu jew milli jobdi l-liġijiet u r-regolamenti tal-pulizija fis-seħħ.

L-Artikolu 20

Il-Fondazzjoni għandha tgħin lil kull membru tal-personal, b'mod partikolari fi proċeduri kontra xi persuna li tkun qiegħda thedded, tinsulta jew tagħmel atti jew tgħid kliem diffamatorju, jew tagħmel xi attakk fuq il-persuna jew fuq il-propjetà, li huwa jew membru tal-familja tiegħu jkunu suxxettibbli għaliha minħabba l-pożizzjoni jew id-doveri tiegħu.

Għandha tikkompensah għad-danni li jkun sofra f'dawn il-każijiet, sakemm il-membru tal-persunal ma kienx jew intenzjonalment jew permezz ta' negliġenza gravi ikkawża d-danni u ma kisibx il-kumpens mill-persuna li kkawzathom.

Għandha tiffaċilita aktar taħriġ u struzzjoni għall-persunal skond kif ikun kompatibbli mal-funzjoni xierqa tas-servizz u skond l-interessi tagħha stess.

L-Artikolu 21

Il-persunal għandu jkollu d-dritt li jeżerċita d-dritt ta' l-assoċjazzjoni; jista' b'mod partikolari jkun membru tas-sindakati jew ta' għaqdiet tal-personal.

L-Artikolu 22

Il-persunal jista' jdaħħal talbiet għand id-direttur.

Kwalunkwe deċiżjoni li jkollha x'taqsam ma' individwu speċifiku li tittieħed taħt dawn il-Kondizzjonijiet ta' Impjieg għandha, bla telf ta' żmien, tiġi kkomunikata bil-kitba lill-membru tal-persunal konċernat. Kwalunkwe deċiżjoni li taffetwa b'mod żvantaġġjuż membru tal-persunal għandha tgħid ir-raġunijiet li fuqha tkun ibbażata.

Id-deċiżjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-istatus amministrattiv ta' membru tal-persunal għandhom jintbagħtu bla telf ta' żmien fil-bini tal-Fondazzjoni.

IL-KAPITOLU 3

Kondizzjonijiet ta' Ingaġġjar

L-Artikolu 23

1. L-ingaġġjar tal-persunal għandu jsir bil-għan li l-Fondazzjoni tiġi assigurata bis-servizzi ta' persuni ta' l-ogħla livell ta' kapaċità, effiċjenza u integrità, ingaġġati fuq l-usa' raġunijiet ġeografiċi possibbli minn fost in-nazzjonali ta' l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej.

Il-persunal għandu jiġi magħżul bla riferenza għar-razza, twemmin jew sess.

Ma għandhomx jiġu merfugħin karigi għal persuni ta' nazzjonalita ta' kwalunkwe Stat Membru speċifiku.

2. Membru tal-persunal jista' jiġi ingaġġat biss fuq il-kondizzjoni li:

(a) jkun persuna ta' nazzjonalità ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, sakemm ma tiġix awtorizzata eċċezzjoni mill-Bord Amministrattiv u li tkun tgawdi mid-drittijiet sħaħ tagħha ta' ċittadin;

(b) ikun issodisfa kull obbligu impost fuqu mil-liġijiet li jikkonċernaw is-servizz militari;

(ċ) jipproduċi r-riferenzi xierqa dwar il-karattru tiegħu li jikkonfermaw l-idoneita tiegħu għall-qadi ta' dmirijietu;

(d) jkun fiżikament tajjeb sabiex jaqdi dmirijietu; u

(e) jagħti prova biżżejjed li huwa jaf sew waħda mil-lingwi tal-Komunitajiet Ewropej u li għandu tagħrif sodisfaċenti ta' lingwa oħra tal-Komunitajiet safejn ikun meħtieġ għall-qadi ta' dmirijietu.

L-Artikolu 24

Qabel ma jiġi ingaġġat sabiex jaħdem, membru tal-persunal għandu jiġi eżaminat minn tabib maħtur mill-Fondazzjoni bil-għan li l-Fondazzjoni tkun tista' tkun soddisfatta li huwa jissodisfa r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 23(2)(d).

L-Artikolu 25

Membru tal-persunal jista' jiġi mitlub jagħmel perjodu ta' prova li ma jaqbiżx is-sitt xhur.

Meta jispiċċa l-perjodu ta' prova, l-impjieg tal-membru tal-persunal li x-xogħol tiegħu ma jkunx sodisfaċenti għandu jiġi tterminat. F'dan il-każ, il-membru tal-persunal għandu jirċievi kumpens daqs terz tas-salarju bażiku tiegħu għal kull xahar sħiħ li jkun ħadem fil-perjodu ta' prova.

IL-KAPITOLU 4

Kondizzjonijiet tax-xogħol

L-Artikolu 26

Il-persunal f'impjieg attiv għandu jkun il-ħin kollu, għad-disposizzjoni tal-Fondazzjoni.

Madankollu, il-ġimgħa tax-xogħol normali ma għandhiex taqbeż it-42 siegħa, is-sigħat tal-ġurnata tax-xogħol għandhom jiġu stabbiliti mid-direttur.

L-Artikolu 27

Il-persunal ma jistax jiġi mitlub jagħmel sahra ħlief f'każijiet ta' urġenza jew meta jkun hemm pressjoni mhux tas-soltu ta' xogħol; ix-xogħol kollu ta' bil-lejl u x-xogħol fil-Ħdud jew festi pubbliċi għandhom jiġu awtorizzati biss skond il-proċedura msemmija mid-direttur. Is-sahra totali li membru tal-persunal għandu jkun mitlub li jaħdem ma għandhiex taqbeż il-150 siegħa matul kwalunkwe sitt xhur.

Is-sahra maħduma mill-persunal f'Kategoriji A u B ma għandha ġġorr l-ebda dritt għal kumpens jew rimunerazzjoni.

Kif stabbilit fl-Anness II, is-sahra maħduma mill-persunal tal-Kategoriji Ċ u D għandha tintitolahom jew għal leave bħala kumpens jew għal rimunerazzjoni fejn il-ħtiġiet tas-servizz ma jippermettux leave b'kumpens matul ix-xahar ta' wara dak li fih tkun inħadmet is-sahra.

L-Artikolu 28

Il-persunal għandu jkollu d-dritt għal leave annwali ta' mhux Inqas minn 24 ġurnata xogħol u mhux aktar minn tletin ġurnata xogħol għal sena kalendarja, skond ir-regoli li għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord Amministrattiv bi qbil mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, wara li jiġi kkonsultat il-Kumitat tal-Persunal.

Barra mil-leave annwali, il-persunal jista' b'mod eċċezzjonali, fuq applikazzjoni, jingħatalu leave speċjali. Ir-regoli li għandhom x'jaqsmu ma' dan il-leave huma stabbiliti fl-Anness III.

L-Artikolu 29

Minbarra għall-leave stabbilit fl-Artikolu 28, nisa inċinti għandhom ikunu intitolati fuq preżentazzjoni ta' ċertifikat mediku għal leave li jibda sitt ġimgħat qabel id-data mistennija tal-ħlas murija fuq iċ-ċertifikat u li jispiċċa tmien ġimgħat wara d-data tal-ħlas; dan il-leave ma għandux ikun għal inqas minn 14-il ġimgħa.

L-Artikolu 30

1. Membru tal-persunal li jagħti prova ta' l-inkapaċità li jaqdi dmirijietu minħabba mard jew aċċident għandu jkun awtomatikament intitolat għal leave bi ħlas.

Għandu javża lill-Fondazzjoni bl-inkapaċità tiegħu bla telf ta' żmien u fl-istess ħin għandu jgħid l-indirizz preżenti tiegħu. Għandu jippreżenta ċertifikat mediku jekk huwa jkun assenti għal aktar minn tlett ijiem. Huwa jista' jiġi mitlub li jsirlu eżami mediku organizzat mill-Fondazzjoni.

Jekk, fuq perjodu ta' 12-il xahar, membru tal-persunal ikun assenti sa tlett ijiem minħabba mard għal total ta' aktar minn 12-il jum, id-direttur għandu jieħu deċiżjoni fuq il-parir tat-tabib magħżul mill-Fondazzjoni wara li jkun ikkonsulta ma' tabib magħżul mill-membru tal-personal.

Izda l-leave imħallas għall-mard ma għandux, jaqbeż it-tul ta' żmien, li ma għandux fi kwalunkwe każ ikun inqas minn xahar, maħdum mill-membru tal-persunal. Il-leave ma għandux ikun itwal miż-żmien tal-kuntratt tiegħu.

Meta jiskadu dawn il-limiti ta' żmien, il-membru tal-persunal li l-kuntratt tiegħu ma jkunx ġie terminat, minkejja l-inkapaċità tiegħu li jerġa' jibda jaqdi d-dmirijiet tiegħu, għandu jitqiegħed fuq leave bla ħlas.

Madankollu, meta membru tal-persunal jimrad b'marda bħala konsegwena tax-xogħol tiegħu jew ikollu inċident waqt il-qadi ta' dmirijietu, għandu jkompli jirċievi r-rimunerazzjoni sħiħa matul il-perjodu li waqtu huwa jkun inkapaċi jaħdem sa dak iż-żmien li huwa jkollu l-benefiċċji stabbiliti għal dan il-għan mil-liġijiet nazzjonali li jkunu applikabbli taħt l-Artikolu 38.

2. Il-persunal għandu jagħmel eżami mediku kull sena minn tabib magħżul mill-Fondazzjoni jew minn tabib magħżul minnu.

Fil-każ ta' l-aħħar, it-tabib għandu jiġi mħallas mill-Fondazzjoni liema ħlas ma għandux jaqbeż il-limitu massimu hekk kif stabbilit mill-Fondazzjoni.

L-Artikolu 31

Minbarra fil-każ ta' mard jew aċċident, membru tal-persunal ma jistax ikun assenti mingħajr permess minn qabel mingħand is-superjur immedjat tiegħu. Mingħajr preġudizzju għal xi miżuri dixxiplinari li jistgħu jkunu applikabbli, kwalunkwe assenza mhux awtorizzata li tiġi debitament stabbilita għandha titnaqqas mil-leave annwali għall-persuna kkonċernata. Jekk ikun uża l-leave annwali tiegħu, għandu jitlef ir-rimunerazzjoni tiegħu għal perjodu ekwivalenti.

Jekk membru tal-persunal jixtieq iqatta' l-leave tal-mard f'post li ma jkunx dak fejn ikun impjegat, għandu jikseb permess minn qabel mingħand id-direttur.

L-Artikolu 32

Il-lista ta' festi pubbliċi għandha tiġi mfassla mill-Bord Amministrattiv bi qbil mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej wara li jikkonsultaw lill-Kumitat tal-Persunal.

L-Artikolu 33

F'ċirkostanzi eċċezzjonali, persunal jista', fuq talba tiegħu, jingħata leave bla ħlas għal raġunijiet personali li ma jħallux għażla. Id-direttur għandu jistabbilixxi t-tul ta' dan il-leave, li ma għandux jaqbeż kwart taż-żmien li jkun diġà ġie maħdum mill-membru tal-persunal ikkonċernat jew tliet xhur, skond liema minnhom ikun l-iqsar.

Kwalunkwe perjodu ta' leave mogħti skond l-ewwel paragrafu ma għandux jgħodd għall-għanijiet ta' l-applikazzjoni tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 35.

L-Artikolu 34

Il-membru tal-persunal li jiġi msejjaħ lura biex iservi fil-forzi armati għandu jitqiegħed fuq leave b'rimunerazzjoni sħiħa, għal perjodu ugwali għat-tul ta' żmien maħdum minnu, sa massimu ta' tliet xhur. Sa l-aħħar ta' dan il-perjodu għandu, għall-bqija tas-servizz tiegħu fil-forzi armati u sa massimu ta' nofs it-tul ta' żmien maħdum minnu, jirċievi kumpens ugwali għal terz tas-salarju bażiku tiegħu. Fl-aħħar ta' dan il-perjodu addizzjonali, għandu jitqiegħed fuq leave bla ħlas.

Madankollu, il-ħlasijiet stabbiliti fil-paragrafu preċedenti għandhom jitnaqqsu mill-ammont ta' ħlas riċevut mill-persuna interessata fil-perjodu rilevanti.

IL-KAPITOLU 5

Rimunerazzjoni u spejjeż

L-Artikolu 35

Skond l-Anness IV, membru tal-persunal għandu jkun intitolat għar-rimunerazzjoni tal-grad u ta' l-iskala tiegħu.

Membru tal-persunal li jkun ilu fl-iskala tal-grad tiegħu għal sentejn għandu javvanza awtomatikament għall-iskala li jmiss f'dak il-grad.

L-Artikolu 36

Fil-każ ta' mewt ta' membru tal-personal, il-konjuġi superstiti jew it-tfal dipendenti għandhom jirċievu r-rimunerazzjoni sħiħa tal-membru tal-persunal li jkun ġie nieqes sa l-aħħar tat-tielet xahar wara x-xahar li fih tkun seħħet il-mewt.

L-Artikolu 37

Membru tal-persunal għandu jkun intitolat, kif stabbilit fl-Anness IV, għar-rimbors ta' l-ispejjeż li huwa jkun ħareġ meta jkun ġie ingaġġat jew meta jkun ħareġ mis-servizz, u wkoll għar-rimbors ta' l-ispejjeż li jkun daħal fihom fil-qadi ta' dmirijietu jew f'konnessjoni mal-qadi ta' dmirijietu.

IL-KAPITOLU 6

Benefiċċji tas-sigurtà soċjali

L-Artikolu 38

1. Sabiex il-membri tal-persunal ikunu assigurati kontra l-mard, inċidenti, invalidità jew mewt u jkunu jistgħu jibnu pensjoni għal meta jirtiraw, għandhom ikunu soġġetti għal-liġijiet tas-sigurtà soċjali fis-seħħ fl-Istat Membru li fih huma jkunu impjegati.

Madankollu, fir-rigward tad-dispozizzjonijiet minbarra dawk li jkollhom x'jaqsmu ma' allowances tal-familja (ir-regolamenti li jirregolaw l-għoti ta' dawn il-benefiċċji huma stabbiliti fl-Annes IV), il-membri tal-persunal jistgħu jagħżlu bejn il-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru msemmi jew dik ta' l-Istat Membru li għalih huma kienu l-aħħar soġġetti jew dak l-Istat Membru li tiegħu huma għandhom in-nazzjonalità. Din l-għażla, li għandha tiġi eżerċitata darba biss fi żmien sitt xhur minn meta jiġi konkluż il-kuntratt ta' impjieg jew minn meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ, għandha tidħol fis-seħħ mid-data tad-dħul fis-servizz.

Il-Fondazzjoni għandha tħallas il-kontribuzzjonijiet ta' min iħaddem mitlubin taħt il-leġislazzjoni applikabbli fejn il-membru tal-persunal ikun affiljat ma' skema ta' sigurtà soċjali obbligatorja, jew żewġ-terzi tal-kontribuzzjonijiet tal-membru meta huwa jibqa affiljat b'mod volontarju ma' l-iskema ta' sigurtà soċjali nazzjonali li tagħha huwa kien membru qabel ma daħal fis-servizz tal-Fondazzjoni jew ingħaqad b'mod volontarju ma' skema ta' sigurtà soċjali nazzjonali.

2. Fejn ma jkunx possibbli li jiġi applikat paragrafu 1, il-membri tal-persunal għandhom jiġu assigurati, fuq ħlas mill-Fondazzjoni, kontra mard, aċċident, invalidità, u mewt u għall-provdiment ta' pensjoni ta' l-irtirar, għall-ekwivalenti ta' sehem ta' żewg terzi speċifikat fil-paragrafu 1. Ir-regoli fid-dettall sabiex jiġi applikat dak li għadu kemm ingħad għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord Amministrattiv.

L-Artikolu 39

1. Mat-twelid ta' tarbija lil xi membru tal-persunal, huwa għandu jirċievi għotja ta' 7000 Bfrs.

2. L-għotja li għaliha hemm provdut f'paragrafu 1 għandha titħallas ukoll fil-każ ta' tmiem ta' tqala wara mhux inqas minn seba' xhur.

3. Membru tal-persunal li jirċievi l-għotja mat-twelid ta' tarbija għandu jiddikjara kull għotja ta' l-istess natura li huwa jew il-konjuġi tiegħu jirċievi minn xi sors ieħor għall-istess tarbija; dawn l-għotjiet għandhom jiġu mnaqqsa mill-għotja stabbilita hawn fuq. Jekk il-missier u l-omm ikunu membri tal-Fondazzjoni, l-għotja għandha titħallas lill-omm biss.

L-Artikolu 40

Fil-każ ta' mewt ta' membru tal-personal, il-Fondazzjoni għandha tħallas l-ispejjeż involuti fil-ġarr tal-ġisem lura lejn il-post ta' l-oriġini tiegħu.

L-Artikolu 41

Jistgħu isiru rigali, self jew ħlas bil-quddiem lill-membri tal-persunal li jkunu f'pożizzjoni partikolarment diffiċli bħala riżultat ta', inter alia, mard serju u twil jew minħabba ċirkostanzi familjari.

Il-paragrafu preċedenti għandu jgħodd bl-istess mod għall-membri tal-persunal ta' qabel, wara li jiskadi l-kuntratt fejn, bħala riżultat ta' mard serju u twil jew ta' aċċident li jkun imġarrab matul l-impjieg tiegħu, huwa ma jkunx kapaċi jaħdem u jagħti prova li din il-marda jew dan l-aċċident ma humiex koperti bi skema oħra ta' sigurtà soċjali.

IL-KAPITOLU 7

L-Irkuprar ta' ħlas żejjed

L-Artikolu 42

Kwalunkwe somma li tkun tħallset iżżejjed għandha tiġi rkuprata jekk min ikun irċieviha kien jaf li ma kien hemm l-ebda raġuni xierqa għall-ħlas jew jekk il-fatt tal-ħlas żejjed kien b'mod evidenti ta' natura li ma setax ikun mhux infurmat dwarha.

IL-KAPITOLU 8

Appelli

L-Artikolu 43

1. Kwalunkwe persuna li għaliha jgħoddu dawn il-Kondizzjonijiet ta' Impjieg tista' titlob lid-direttur sabiex jieħu deċiżjoni dwarha. Id-direttur għandu jinnotifika lill-persuna interessata dwar id-deċiżjoni motivata tiegħu fi żmien erba' xhur mid-data li fiha tkun saret it-talba. Jekk sa tmiem dak il-perjodu ma tkun waslet l-ebda risposta għat-talba, din għandha titqies bħala li tkun tikkostitwixxi deċiżjoni impliċita li ma tilqagħhiex, li kontra tagħha jista' jsir ilment skond il-paragrafu 2.

2. Kull persuna li għaliha jgħoddu l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg tista' ddaħħal ilment quddiem il-Bord Amministrattiv kontra att li qed jeffettwaha ħażin, sew fejn id-direttur ikun ħa deċiżjoni u sew jekk ikun naqas milli jaddotta miżura preskritta mill-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg. L-ilment għandu jiddaħħal fi żmien tliet xhur. Il-perjodu jibda jgħodd:

- mid-data tan-notifikazzjoni tad-deċiżjoni lill-persuna interessata, imma fl-ebda każ mhux aktar tard mid-data li fiha huwa jkun sar jaf bid-deċiżjoni, jekk il-miżura taffettwa persuna speċifika; jekk, madankollu, att li jaffettwa persuna speċifika jaffettwa ħażin persuna oħra wkoll, il-perjodu jibda jgħodd fir-rigward tal-persuna l-oħra, mid-data li fiha hija tirċievi n-notifika tagħha imma fl-ebda każ mhux aktar tard mid-data tal-pubblikazzjoni;

- mid-data ta' l-għeluq tal-perjodu preskritt għal risposta fejn l-ilment ikun jikkonċerna deċiżjoni impliċita li tirrifjuta talba kif hemm ipprovdut fil-paragrafu 1.

Il-Bord Amministrattiv għandu jinnotofika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni raġunata tiegħu fi żmien erba' xhur mid-data li fiha ikun ġie mdaħħal l-ilment. Jekk fit-tmiem ta' dak il-perjodu ma tkunx waslet risposta għall-ilment, dan għandu jiġi meqjus bħala fatt li jikkostitwixxi deċiżjoni impliċita li ma tilqagħhiex, li kontriha jista' jsir appell taħt l-Artikolu 44.

3. Talba jew ilment minn membru tal-persunal għandha ssir permezz tas-superjur immedjat tiegħu, minbarra fejn ikunu jikkonċernaw lil dik il-persuna, f'liema każ jistgħu jiddaħħalu direttament għand l-awtorità superjuri li jkun imiss.

L-Artikolu 44

1. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha ġurisdizzjoni fi kwalunkwe kawża bejn il-Fondazzjoni u kwalunkwe persuna li għaliha jgħoddu dawn il-Kondizzjonijiet ta' Impjieg dwar il-legalità ta' att li jkun jeffettwa b'mod żvantaġġuż din il-persuna taħt it-tifsira ta' l-Artikolu 43(2). F'tilwim ta' natura finanzjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni bla limitu.

2. Appell lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jżomm biss jekk:

- il-Bord Amministrattiv ikun wasallu ilment qabel ma jkun sar lilu taħt l-Artikolu 43(2) fil-perjodu fih preskritt, u,

- l-ilment ma jkunx ġie milqugħ b'deċiżjoni espressa jew impliċita.

3. Appelli taħt il-paragrafu 2 għandhom isiru fi żmien tliet xhur. Il-perjodu għandu jibda:

- fid-data tan-notifikta tad-deċiżjoni meħuda bħala risposta għall-ilment;

- fid-data ta' meta jiskadi l-perjodu preskritt għar-risposta meta l-appell ikun kontra deċiżjoni impliċita li ma tilqax l-ilment li jkun sar taħt l-Artikolu 43(2); madankollu, meta ilment ma jkunx intlaqa' permezz ta' deċiżjoni espressa wara li ma jkunx ġie milqugħ b'deċiżjoni impliċita imma qabel ma jiskadi l-perjodu sabiex isir appell, il-perjodu sabiex isir l-appell jerġa' jibda jiddekorri mill-ġdid.

4. Permezz ta' deroga minn paragrafu 2, il-persuna konċernata tista' wara li tagħmel ilment lill-Bord Amministrattiv skond Artikolu 43(2), immedjatament, tagħmel talba għal appell mal-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm dan l-appell jiddaħħal flimkien ma' applikazjoni jew għal sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta' l-att kontestat jew għall-addozzjoni ta' miżuri mhux permanenti. Il-proċeduri fl-azzjoni prinċipali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom imbagħad jiġu sospiżi sakemm tittieħed deċiżjoni espliċita jew impliċita li ma tilqax l-ilment.

5. L-appelli taħt dan l-Artikolu għandhom jiġu investigati u mismugħa kif stabbilit fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

IL-KAPITOLU 9

Tmiem ta' l-Impjieg

L-Artikolu 45

Minbarra waqfien f'każ ta' mewt, l-impjieg għandu jieqaf:

1. meta l-kuntratt ikun għal perjodu stabbilit:

(a) fid-data stabbilita fil-kuntratt;

(b) fit-tmiem tal-perjodu tal-preavviż kif speċifikat fil-kuntratt, fejn il-kuntratt ikollu klawsola li tagħti lill-membru tal-persunal jew lill-Fondazzjoni l-għażla li jispiċċa qabel. Dan il-perjodu ta' preavviż ma għandux ikun ta' aktar minn tliet xhur;

(ċ) fit-tmiem tax-xahar li fih il-membru tal-persunal jagħlaq l-età ta' 65 sena. Jekk il-fondazzjoni ttemm il-kuntratt, il-membru tal-persunal għandu jkun intitolat għal kumpens li jkun ugwali għal terz tas-salarju bażiku tiegħu għall-perjodu ta' bejn id-data meta jiskadu d-doveri tiegħu u d-data meta jiskadi l-kuntratt;

2. meta l-kuntratt ikun għal perjodu indefinit:

(a) fit-tmiem tal-perjodu tal-preavviż stipulat fil-kuntratt; it-tul tal-perjodu tal-preavviż ma għandux ikun anqas minn jumejn għal kull xahar sħiħ ta' servizz, soġġett għall-minimu ta' 15-il ġurnata u massimu ta' tliett ijiem. Il-perjodu tal-preavviż, madankollu, ma għandux jibda jgħodd waqt leave tal-maternita jew leave tal-mard, sakemm dan il-leave tal-mard ma jaqbiżx it-tliet xhur. Barra minn hekk, għandu jkun sospiż waqt il-leave tal-maternità jew tal-mard soġġett għal-limitu msemmi qabel

(b) fit-tmiem tax-xahar li fih il-membru tal-persunal jagħlaq l-età ta' 65 sena

L-Artikolu 46

L-impjieg, kemm jekk għal perjodu definit jew indefinit:

1. għandu jiġi tterminat mill-Fondazzjoni bla preavviż jekk il-membru tal-persunal jiġi msejjaħ biex iservi fil-forzi armati;

2. jista' jiġi tterminat mill-Fondazzjoni bla preavviż:

(a) fit-tmiem tal-perjodu ta' prova skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 25;

(b) mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11, jekk il-membru tal-persunal jiġi elett għall-uffiċċju pubbliku u d-direttur iqis dan l-uffiċċju pubbliku bħala inkompatibbli mal-qadi tad-dmirijiet normali tiegħu mal-Fondazzjoni;

(ċ) jekk il-membru tal-persunal ma jibqax jissodisfa r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 23(2)(a) u (d);

(d) jekk il-membru tal-persunal ma jkunx jista' jerġa' jaqbad id-doveri tiegħu fi tmiem il-perjodu ta' leave tal-mard imħallas kif stabbilit fl-Artikolu 30. F'dan il-każ, il-membru tal-persunal għandu jirċievi allowance li jkun ugwali għas-salarju bażiku tiegħu flimkien mal-allowances tal-familji bir-rata ta' jumejn għal kull xahar sħiħ ta' servizz.

L-Artikolu 47

1. Impjieg jista' jiġi tterminat bla avviż għal raġunijiet dixxiplinari f'każijiet serji ta' nuqqas milli l-persunal jikkonforma ma' l-obbligi tiegħu, sew b'mod intenzjonali u sew minħabba negliġenza min-naħa tiegħu. Għandha tittieħed deċiżjoni raġunata mid-direttur wara li l-persuna konċernata tkun ingħatatilha opportunità li tiddefendi ruħha.

2. F'dawn il-każijiet id-direttur jista' jiddeċiedi li jżomm l-allowance ta' ristabbilizzazzjoni kollu kemm hu jew parti minnu li għalih hemm provdut fl-Anness IV.

L-Artikolu 48

1. L-impjieg ta' membru tal-persunal għandu jiġi terminat mill-Fondazzjoni, bla pre-avviz jekk id-direttur isib:

(a) li meta jkun ġie ingaġġat huwa jkun ta informazzjoni falza apposta dwar il-kapaċità professjonali tiegħu jew ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 23(2); u

(b) l-informazzjoni falza li jkun ta kienet fattur determinanti li waslet għall-ingaġġar tiegħu.

2. F'dan il-każ id-direttur għandu, wara li jisma' l-membru tal-persunal interessat, jiddikjara li l-impjieg tiegħu ġie terminat. Il-membru tal-persunal għandu mbagħad jieqaf immedjatament milli jaqdi dmirijietu. L-Artikolu 47(2) għandu japplika.

IT-TITOLU III

IL-PERSUNAL LOKALI

L-Artikolu 49

Soġġetti għad-disposizzjonijiet ta' dan it-Titolu, il-kondizzjonijiet ta' impjieg ta' l-impjegati lokali, b'mod partikolari:

(a) kif ġew ingaġġati u t-tmiem tal-kuntratt tagħhom,

(b) il-leave tagħhom, u

(ċ) ir-rimunerazzjoni tagħhom,

għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord Amministrattiv bi qbil mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej skond ir-regoli u l-prattika kurrenti fil-post fejn huma għandhom jaqdu dmirijiethom.

L-Artikolu 50

Fir-rigward tas-sigurtà soċjali, il-Fondazzjoni għandha tkun responsabbli min-naħa ta' min iħaddem mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali taħt ir-regolamenti kurrenti fil-post fejn l-impjegati lokali għandhom jaqdu dmirijiethom.

L-Artikolu 51

Kwalunkwe tilwima bejn il-Fondazzjoni u membru tal-persunal lokali għandha ssir quddiem il-qorti kompetenti skond il-liġijiet fis-seħħ fil-post fejn il-membru tal-persunal interessat jaqdi dmirijietu.

L-Artikolu 52

Membru tal-persunal lokali li l-kuntratt tiegħu ikun ta' perjodu ta' sena jew għal perjodu indefinit għandu jkollu d-dritt li jivvota fl-elezzjonijiet u li joħroġ għall-elezzjoni tal-Kumitat tal-Personal. Membru tal-persunal lokali li l-kuntratt tiegħu ikun ta' inqas minn sena għandu jkun intitolat li jivvota jekk ikun ilu jaħdem għal mhux inqas minn sitt xhur.

IT-TITOLU IV

ID-DIRETTUR U D-DEPUTAT DIRETTUR

L-Artikolu 53

1. Mingħajr preġudizju għall-Artikolu 54, id-disposizzjonijiet li japplikaw għad-direttur u d-deputat direttur għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord Amministrattiv.

2. Id-deputat direttur għandu jassisti lid-direttur u jeħodlu postu meta jkun assenti jew b'xi mod ieħor imfixkel milli jaqdi dmirijietu.

L-Artikolu 54

L-Artikoli 3, 7, 8, 10, 12, 13, 15, 16, 18, 19, 20 u 21, li jikkonċernaw id-drittijiet u d-dmirijiet, u l-Artikoli 43 u 44 li jinteressaw appelli mill-persunal tal-Fondazzjoni għandhom japplikaw bl-istess mod għad-direttur u d-deputat direttur.

IT-TITOLU V

IL-PRIVILEĠĠI U L-IMMUNITAJIET

L-Artikolu 55

L-Artikoli 12 sa16 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Kommunitajiet Ewropej għandhom japplikaw għall-persunal tal-Fondazzjoni kif ukoll għad-direttur u d-deputat direttur.

Il-persunal lokali għandu jkun kopert bl-Artikolu 12(a) ta' dan il-Protokoll.

IT-TITOLU VI

IT-TASSAZZJONI

L-Artikolu 56

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi l-kondizzjoni u l-proċedura għall-applikazzjoni tat-taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet Ewropej [2] għandu japplika bl-istess mod għall-persunal tal-Fondazzjoni kif ukoll għad-direttur u għad-deputat direttur.

It-taxxa għandha tinġabar mill-Fondazzjoni permezz ta' tnaqqis mill-bidu. Id-dħul mit-taxxa għandu jiddaħħal bħala dħul fil-budget tal-Komunitajiet Ewropej.

IT-TITOLU VII

ID-DISPOSIZZJONIJIET FINALI

L-Artikolu 57

Id-disposizzjonijiet ġenerali biex jagħtu effett għal dawn il-Kundizzjoni ta' Impjieg għandhom jiġu addottati mill-Bord Amministrattiv, bi qbil mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, fuq proposta mid-direttur wara li jkun ikkonsulta lill-Kumitat tal-Personal.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu lill-Istati Membri kollha u għandu jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fid-29 ta' Ġunju 1976.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Thorn

[1] ĠU L 139, tat-30.5.1975, p. 1.

[2] ĠU L 56, ta'l-4.3.1968, p. 8.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

IL-KOMPOŻIZZJONI U L-PROĊEDURI TAL-KUMITAT TAL-PERSUNAL

Artikolu waħdieni

Il-Kumitat tal-persunal għandu jkun magħmul mill-personal, flimkien ma' l-alternattivi għalihom, jekk ikun hemm, li t-tul ta' żmien ta' l-uffiċċju tagħhom għandu jkun ta' sentejn. Il-Fondazzjoni tista', madankollu, tiddeċiedi li tistabbilixxi tul ta' żmien ta' l-uffiċċju iqsar li ma jistax ikun inqas minn sentejn.

Il-kondizzjonijiet għall-elezzjoni għall-Kumitat tal-persunal għandhom jiġu stabbiliti mil-laqgħa ġenerali tal-persunal li jkunu fis-servizz fil-post relevanti ta' l-impjieg. L-elezzjoni għandha ssir b'vot sigriet.

Is-sħubija fil-Kumitat tal-Persunal għandha tkun b'tali mod li tiżgura r-rappreżentanza tal-kategoriji kollha tal-personal.

L-elezzjonijiet tal-Kumitat tal-Persunal għandhom ikunu validi biss jekk jieħu sehem żewġ terzi tal-persunal li jkun intitolat jivvota. Iżda, jekk dan il-proporzjon ma jintlaħaqx, it-tieni vot għandu jkun validu jekk jieħdu sehem il-maġġoranza ta' dawk intitolati.

Ix-xogħlijiet magħmula mill-persunal tal-Kumitat tal-Persunal u mill-persunal appuntat għal organi imwaqqfa mill-Fondazzjoni għandhom jitqiesu bħala parti mis-servizz normali tagħhom. Il-fatt tal-qadi ta' dawn id-dmirijiet ma għandu jkun bl-ebda mod ta' preġudizzju għall-persuna kkonċernata.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

IL-LEAVE B'KUMPENS U R-RIMUNERAZZJONI GĦAL SAHRA

L-Artikolu 1

Fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 27 tal-Kondizzjonijiet ta' Impjieg, sahra maħduma minn membru tal-persunal f'Kategorija Ċ jew D għandha tintitolah għal leave b'kumpens jew għal rimunerazzjoni kif segwit:

(a) għal kull siegħa sahra, għandu jkun intitolat għal siegħa 'l bogħod mix-xogħol bħala leave b'kumpens; jekk is-siegħa sahra tinħadem bejn l-22:00 u s-0700 jew fil-Ħdud jew fi btala pubblika, id-dritt għal leave b'kumpens għandu jkun ta' siegħa u nofs; fl-għotja ta' leave b'kumpens, għandu jingħata kas ta' l-esiġenzi tas-servizz u tal-preferenza tal-membru tal-persunal ikkonċernat;

(b) fejn l-esiġenzi tas-servizz ma jippermettux leave b'kumpens matul ix-xahar ta' wara dak li fih tkun inħadmet is-sahra, id-direttur għandu jawtorizza rimunerazzjoni għal sigħat mingħajr kumpens ta' sahra bir-rata ta' 0,72 % tas-salarju bażiku fix-xahar għal kull siegħa ta' sahra fuq il-bażi stabbilita f'sottoparagrafu (a);

(ċ) biex jikkwalifika għal-leave jew rimunerazzjoni b'kumpens għal siegħa sahra, il-ħin żejjed li jkun ġie maħdum għandu jkun ta' aktar minn 30 minuta.

L-Artikolu 2

Jekk membru tal-persunal ikun qiegħed jivvjaġġja fuq missjoni, il-ħin li matulu kien qiegħed jivvjaġġja ma għandux jitqies bħala sahra għall-għanijiet ta' dan l-Anness. Fir-rigward ta' sigħat maħduma fil-post tal-biċċa xogħol li jkun jaqbeż in-numru normali ta' sigħat tax-xogħol, il-leave jew ir-rimunerazzjoni b'kumpens, skond kif ikun il-każ, jista' jiġi permess b'deċiżjoni tad-direttur.

L-Artikolu 3

Minkejja Artikoli 1 u 2, ir-rimunerazzjoni għal sahra maħduma minn ċerti gruppi ta' persunal fil-Kategoriji Ċ u D f'kondizzjonijiet speċjali jistgħu jitħallsu fil-forma ta' allowance fiss li l-ammont u l-kondizzjonijiet tiegħu għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord Amministrattiv wara li jikkonsulta mal-Kumitat tal-Personal.

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

IL-LEAVE

Is-Sezzjoni 1

IL-LEAVE ANNWALI

L-Artikolu 1

Fis-sena li fiha l-membru tal-persunal jidħol fis-servizz jew iħalli s-servizz, huwa għandu jkun intitolat għal leave ta' jumejn xogħol għal kull xahar sħiħ ta' servizz, għal jumejn xogħol għal xahar mhux sħiħ li jkun jikkonsisti f'aktar minn ħmistax-il jum u għal jum wieħed għal xahar mhux sħiħ ta' 15-il jum jew inqas.

L-Artikolu 2

Il-leave annwali jista' jiġi meħud jew kollu f'daqqa jew f'bosta perjodi kif mixtieq mill-membru tal-persunal u skond il-ħtiġiet tas-servizz. Iżda, għandu, jinkludi għallinqas perjodu ta' ġimagħtejn konsekuttivi. Il-persunal li jidħol fis-servizz għandu jingħata leave annwali biss wara li jtemm tliet xhur xogħol; il-leave jista' jiġi approvat qabel f'każijiet eċċezzjonali f'każijiet sustanzjati kif dovut.

L-Artikolu 3

Jekk, waqt il-leave annwali, membru tal-persunal taqbdu xi marda li ma tħallihx imur jaqdi dmirijietu li kieku dan ma kienx ikun fuq leave, il-leave annwali tiegħu għandu jiġi estiż bit-tul ta' żmien ta' l-inkapaċità tiegħu, jekk kemm-il darba jiġi ppreżentat ċertifikat mediku.

L-Artikolu 4

Jekk membru tal-persunal, għal raġunijiet barra l-ħtiġiet tas-servizz tiegħu, ma użax il-leave annwali tiegħu qabel l-aħħar tas-sena kalendarja kurrenti, l-ammont ta' leave li jkun jista' jiġi meħud fis-sena ta' wara ma għandux jaqbeż 12-il jum.

Fejn membru tal-persunal fiż-żmien li jitlaq is-servizz ma jkunx uża l-leave annwali tiegħu kollu, għandu jiġi mħallas kumpens li jkun ugwali għal wieħed fuq tletin tar-rimunerazzjoni tiegħu ta' kull xahar fiż-żmien meta huwa jitlaq mis-servizz għal kull ġurnata leave li jkunu dovuti lilu.

Għandha tiġi mnaqqsa somma maħduma bil-mod kif għaliha hemm ipprovdut fil-paragrafu preċedenti mill-ħlas dovut lill-membru tal-persunal li fiż-żmien li fih jitlaq mis-servizz ikun ħa leave aktar milli jkun intitolat għalih sa dik id-data.

L-Artikolu 5

Fejn membru tal-persunal ikun imsejjaħ lura għax-xogħol minħabba raġunijiet ta' servizz waqt li jkun fuq il-leave annwali jew ikollu l-leave tiegħu kkanċellat, kwalunkwe spejjeż li huwa jkun ġarrab għandhom jiġu rimborsati, sakemm huwa jagħti evidenzi xierqa, u ż-żmien meħud fl-ivvjaġġar għandu jerġa' jingħata mill-ġdid.

Is-Sezzjoni 2

IL-LEAVE SPEĊJALI

L-Artikolu 6

Flimkien mal-leave annwali, il-persunal jista', fuq applikazzjoni, jingħata leave speċjali. B'mod partikolari, fil-każijiet li ġejjin, leave speċjali għandu jingħata kif muri:

- iż-żwieġ ta' membru tal-persunal: erbat ijiem,

- bidla fir-residenza ta' membru tal-personal: sa jumejn,

- mard serju tal-konjuġi: sa tlett ijiem,

- mewt tal-konjuġi:erbat ijiem,

- mard serju ta' qarib fil-linja axxendentali: sa jumejn,

- mewt ta' qarib fil-linja axxendentali: jumejn

- twelid jew żwieġ ta' wild: jumejn,

- mard serju ta' wild: sa jumejn,

- mewt ta' wild: erbat ijiem.

Is-Sezzjoni 3

ĦIN MEĦUD FL-IVVJAĠĠJAR

L-Artikolu 7

Għall-perjodu ta' leave stabbilit fis-Sezzjoni 1 hawn fuq għandu jiġi miżjud il-ħin meħud fl-vjaġġar ibbażat fuq id-distanza bil-ferrovija bejn il-post tal-leave u l-post ta' l-impjieg, ikkalkulat kif ġej:

- 50 sa 250 km: jum wieħed għall-vjaġġ 'l hemm u lura,

- 251 sa 600 km: jumejn għal vjaġġ 'l hemm u lura,

- 601 sa 900 km: tlett ijiem għall-vjaġġ 'l hemm u lura,

- 901 sa 1400 km: erbat ijiem għall-vjaġġ 'l hemm u lura,

- 1401 sa 2000 km: ħames ijiem għal vjaġġ 'l hemm u lura,

- aktar minn 2000 km: sitt ijiem għall-vjaġġ 'l hemm u lura.

Jistgħu jingħataw eċċezzjonijiet speċjali fuq applikazzjoni mill-persuna kkonċernata fuq preżentazzjoni ta' evidenza li l-vjaġġ 'l hemm u lura ma jkunx jista' jsir fiż-żmien imsemmi

Għall-għanijiet ta' dan l-Artikolu, il-post tal-leave fir-rigward tal-leave annwali huwa il-post ta' oriġini tal-membru tal-personal.

Id-dispożizzjonijiet preċedenti għandhom jgħoddu għall-persunal li l-post ta' l-impjieg u l-post ta' l-oriġini tiegħu ikunu fl-Ewropa. Jekk il-post ta' l-impjieg u/jew il-post ta'l-oriġini ikunu barra mill-Ewropa, iż-żmien meħud fl-ivvjaġġjar għandu jiġi stabbilit b'deċiżjoni speċjali li tieħu f'konsiderazzjoni il-ħtiġiet speċjali.

Fejn jingħata leave speċjali skond Sezzjoni 2 fuq, kull żmien meħud fl-ivvjaġġar għandu jiġi stabbilit b'deċiżjoni speċjali li tieħu f'konsiderazzjoni il-ħtiġiet speċjali.

--------------------------------------------------

L-ANNESS IV

IR-RIMUNERAZZJONI U L-ISPEJJEŻ

Is-Sezzjoni 1

ID-DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 1

Ir-rimunerazzjoni għandha tinkludiu s-salarju bażiku, l-allowance tal-familja u allowances oħra.

L-Artikolu 2

Ir-rimunerazzjoni ta' membru tal-persunal għandha tiġi mogħtija fi franki Belġjani.

Għandu jitħallas fil-munita tal-pajjiż fejn il-membru tal-persunal jaqdi dmirijietu.

Ir-rimunerazzjoni mħallsa f'munita li ma tkunx il-frank Belġjan għandha tiġi maħduma fuq il-bażi tal-valuri pari aċċettati mill-Fond Internazzjonali Monetarju li kienu fis-seħħ nhar l-1 ta' Jannar, 1995.

L-Artikolu 3

Fejn ir-rimunerazzjoni ta' membru tal-persunal tkun maħduma fi franki Belġjani għandu, wara t-tnaqqis obbligatorju stabbilit f'dawn il-Kondizzjonijiet ta' Impjieg jew fi kwalunkwe regolamenti implimentattivi li kienu saru, jiġu peżati b'rata ogħla, taħt jew ugwali għal 100 %, skond il-kondizzjonijiet ta' l-għixien fil-postijiet varji ta' l-impjieg.

Dawn il-kalkoli għandhom ikunu dawk stabbiliti mill-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej kif għalihom hemm provdut fl-Artikoli 64 u 65(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 4

Is-salarji bażiċi ta' kull xahar jiġu stabbiliti għal kull grad u skala kif hemm ipprovdut fit-tabella segwenti:

Gradi | Skali |

1 | 2 | 3 | 4 | 5 | 6 | 7 | 8 |

A5 | 52068 | 55348 | 58628 | 61908 | 65188 | 68468 | 71748 | 75028 |

A6 | 44538 | 47120 | 49702 | 52284 | 54866 | 57448 | 60030 | 62612 |

A7 | 37926 | 39969 | 42012 | 44055 | 46098 | 48141 | 50184 | 52227 |

A8 | 33193 | 34644 | 36095 | 37546 | 38997 | 40448 | 41899 | 43350 |

B1 | 44538 | 47120 | 49702 | 52284 | 54866 | 57448 | 60030 | 62612 |

B3 | 31528 | 33141 | 34754 | 36367 | 37980 | 39593 | 41206 | 42819 |

B5 | 23675 | 24805 | 25935 | 27065 | 28195 | 29325 | 30455 | 31585 |

C1 | 27443 | 28679 | 29915 | 31151 | 32387 | 33623 | 34859 | 36095 |

C2 | 23460 | 24590 | 25720 | 26850 | 27980 | 29110 | 30240 | 31370 |

C3 | 21687 | 22655 | 23623 | 24591 | 25559 | 26527 | 27495 | 28463 |

C5 | 17492 | 18353 | 19214 | 20075 | 20936 | 21797 | 22658 | 23519 |

D2 | 18140 | 19054 | 19968 | 20882 | 21796 | 22710 | 23624 | 24538 |

D4 | 15558 | 16310 | 17062 | 17814 | 18566 | 19318 | 20070 | 20822 |

L-Artikolu 5

Ir-rimunerazzjoni għandha tkun soġġetta għall-istess aġġustamenti ta' dawk deċiżi mill-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej għar-rimunerazzjoni ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha s-setgħa li tapplika dawn l-aġġustamenti għal-lista tas-salarji bażiċi u l-ammonti ta' l-allowance tal-familja u allowances oħra.

Is-Sezzjoni 2

ALLOWANCES TAL-FAMILJA

L-Artikolu 6

1. L-allowance tad-dar għandu jiġi ffissat għal 5 % tas-salarju bażiku jew għal 1276 Bfrs, skond liema minnhom ikun l-akbar.

2. L-allowance tad-dar għandu jingħata lil:

(a) membru tal-persunal miżżewweġ

(b) membru tal-persunal li jkun armel, divorzjat, separat legalment jew mhux miżżewweġ u li jkollu wild wieħed jew aktar dipendenti fuqu fit-tifsira ta' l-Artikolu 7(2) u (3);

(ċ) b'deċiżjoni speċjali rraġunata tad-direttur ibbażata fuq id-dokumenti ta' sostenn, membru tal-persunal li, filwaqt li ma jissoddisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti f'(a) u (b), fil-fatt, madankollu, jassumi ir-responsabiltajiet tal-familja.

3. Jekk il-konjuġi ta' membru tal-persunal jaħdem bi qligħ, bi dħul annwali, qabel it-tnaqqis tat-taxxa, ta' aktar minn 250000 Bfrs, il-membru tal-persunal li jkun intitolat għall-allowance tad-dar ma għandux jirċievi dan il-benefiċċju minbarra permezz ta' deċiżjoni speċjali tad-direttur. Il-membru tal-personal, madankollu, għandu jkun intitolat għall-allowance sew jekk il-koppja miżżewġa jkollha wild wieħed u sew jew ikollha aktar minn wild wieħed dipendenti.

4. F'każijiet fejn, taħt il-paragrafi 1 sa 3, iż-żewġ konjuġi jkunu t-tnejn impjegati mill-Fondazzjoni, jkunu t-tnejn intitolati għall-allowance tad-dar, dan għandu jitħallas biss għall-persuna li jkollha l-ogħla salarju bażiku.

L-Artikolu 7

1. Membru tal-persunal li jkollu wild wieħed jew aktar dipendenti għandu, skond il-paragrafi 2 u 3 taħt, jirċievi allowance ta' 1983 Bfrs fix-xahar għal kull wild dipendenti.

2. "Wild dipendenti" jfisser wild leġittimu, naturali jew addottat ta' membru tal-personal, jew tal-konjuġi tiegħu li jkun qiegħed fil-fatt jiġi mantenut mill-membru tal-personal.

L-istess għandu japplika għal wild li għalih tkun saret applikazzjoni għal addozzjoni u l-proċedura ta' addozzjoni tkun inbdiet.

3. L-allowance għandu jingħata:

(a) awtomatikament għat-tfal ta' taħt it-18-il sena;

(b) fuq applikazzjoni, bi provi ta' sostenn, mill-membru tal-persunal għal tfal ta' bejn it-18 u s-26 sena li jkunu qegħdin jirċievu t-taħriġ edukattivi u vokazzjonali.

4. Kull persuna li l-membru tal-persunal ikun legalment responsabbli li jmantni u li l-manteniment tagħha ikun jinvolvi spiża kbira, din tista', eċċezzjonalment, tiġi ttrattata daqs li kieku kienet wild dipendenti b'deċiżjoni speċjali rraġunata tad-direttur, ibbażata fuq id-dokumenti ta' sostenn.

5. Il-ħlas ta' l-allowance fir-rigward ta' wild li jkun imfixkel minħabba marda serja jew invalidità milli jaqla' l-għixien għandu jkompli, matul il-perjodu tal-marda jew l-invalidità, irrispettivament mill-età.

6. Ma għandux jitħallas allowance għal aktar minn wild dipendenti wieħed fir-rigward ta' kwalunkwe wild dipendenti fit-tifsira ta' dan l-Artikolu, anke meta l-konjuġi jew il-mart tal-membru tal-persunal ikun fis-servizz ta' istituzzjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 8

Membru tal-persunal għandu jirċievi allowance għall-edukazzjoni li jkun ugwali għall-ispejjeż attwali tiegħu li jkun daħal fihom għall-edukazzjoni sa massimu ta' 1772 Bfrs fix-xahar għal kull wild dipendenti fit-tifsira ta' l-Artikolu 7(2) fuq li jattendi stabbiliment edukattiv fuq bażi regolari full time.

Id-dritt għal dan l-allowance għandu jibda fl-ewwel ġurnata tax-xahar li fih il-wild jibda jattendi stabbiliment ta' l-edukazzjoni primarja u għandu jieqaf fl-aħħar tax-xahar li fih il-wild jagħlaq l-età ta' 26.

Il-massimu preskritt fl-ewwel paragrafu għandu jiġi rduppjat għal:

- membru tal-persunal li l-post ta' impjieg tiegħu ikun mill-anqas 50 km 'il bogħod minn Skola Ewropea jew minn stabbilitment edukattiv li jaħdem bil-lingwa tiegħu, sakemm il-wild ikun fil-fatt jattendi l-istabbiliment edukattiv mill-anqas 50 km 'il bogħod mill-post ta' l-impjieg; u

- membru tal-persunal li l-post ta' l-impjieg tiegħu ikun mill-inqas 50 km 'il bogħod minn stabbiliment ta' l-edukazzjoni għolja fil-pajjiż li tiegħu huwa jkollu n-nazzjonalità jew li jaħdem bil-lingwa tiegħu, sakemm il-wild ikun fil-fatt jattendi l-istabbilment ta' edukazzjoni għolja li jkun mill-inqas 50 km 'il bogħod mill-post ta' l-impjieg u l-membru tal-persunal ikun intitolat għall-allowance ta' l-espatrijazzjoni; din il-kondizzjoni ta' l-aħħar ma għandhiex tapplika jekk ma jkunx hemm stabbiliment ta' din ix-xorta fil-pajjiż li tiegħu, il-membru tal-personal, ikollu n-nazzjonalità.

L-Artikolu 9

1. Il-persunal li jirċievi l-allowances tal-familja li hemm riferenza għalihom f'din is-sezzjoni għandu jiddikjara l-allowances ta' natura simili imħallsa minn sorsi oħra; dawn l-allowances ta' l-aħħar għandhom jitnaqqsu minn dawk imħallsa taħt l-Artikoli 6, 7, u 8.

2. L-allowance ta' wild dipendenti jista' jiġi rdoppjat b'deċiżjoni speċjali raġunata tad-direttur, li tkun ibbażata fuq dokumenti mediċi, li jistabbilixxu li l-wild konċernat ikun qiegħed isofri minn disabilità fiżika jew mentali li tkun qiegħda ddaħħal lill-membru tal-persunal fi spiża kbira.

Is-Sezzjoni 3

L-ALLOWANCE TA' L-ESPATRIJAZZJONI

L-Artikolu 10

L-allowance ta' l-espatrijazzjoni li jkun ugwali għal 16 % ta' l-ammont totali tas-salarju bażiku flimkien mal-benefiċċju tad-dar u l-benefiċċju tal-wild dipendenti, li għalih, il-membru tal-persunal ikun intitolat, għandu jitħallas:

(a) lill-personal:

- li ma jkunx u li qatt ma kien persuna ta' nazzjonalità ta' l-Istat li fit-territorju Ewropew tiegħu ikun jinsab il-post fejn ikun impjegat, u

- li matul il-ħames snin li jispiċċaw sitt xhur qabel ma kienu daħlu fis-servizz ma kinux joqogħdu b'mod abitwali jew ma wettqux ix-xogħol ewlieni tagħhom fit-territorju Ewropew ta' l-Istat. Għall-għanijiet ta' din id-disposizzjoni, iċ-ċirkostanzi li joħorġu mix-xogħol magħmul għal Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali ma għandux jitqies;

(b) lil persunal li jkun jew li kien persuna ta' nazzjonalita ta' l-Istat li fit-territorju tiegħu ikun jinsab il-post ta' l-impjieg tiegħu imma li matul l-għaxar snin li jagħlqu fid-data li huwa kien daħal fis-servizz kien jirrisjedi b'mod abitwali barra mit-territorju Ewropew ta' dak l-Istat għal raġunijiet li ma għandhomx x'jaqsmu mal-qadi ta' dmirijietu fis-servizz ta' l-Istat jew ta' organizzazzjoni internazzjonali.

L-allowance ta' l-espatrijazzjoni ma għandux ikun inqas minn 3543 Bfrs għal kull xahar.

Is-Sezzjoni 4

RIMBORS TA' L-ISPEJJEŻ

A. L-allowance ta' l-Installazzjoni u l-benefiċċju għar-ristabbilizzazzjoni

L-Artikolu 11

1. Membru tal-persunal li jkun imqabbad biex jaħdem għal perjodu fiss ta' inqas minn sena jew meqjus mid-direttur li jkun imqabbad biex jaħdem għal perjodu ekwivalenti jekk il-kuntratt tiegħu jkun għal perjodu indefinit, għandu jirċievi l-allowance ta' l-istallazzjoni kif ipprovdut fil-paragrafu 2 li jammonta, għall-perjodu mistenni ta' servizz ta':

—mhux inqas minn sena iżda inqas minn sentejn: | għal terz | tar-rata stabbilita fil-paragrafu 2(a) taħt |

—mhux inqas minn sentejn iżda inqas minn tliet snin: | għal żewġ terzi |

—tliet snin jew iktar: | għal tliet terzi |

2. (a) Membru tal-persunal li jikkwalifika għall-allowance ta' l-espatrijazzjoni jew iforni provi li kien ġie mġiegħel jibdel il-post tar-residenza tiegħu biex ikun konformi ma' l-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg għandu jkun intitolat għal benefiċċju ta' l-istallazzjoni li jkun ugwali għal xahrejn salarju bażiku jekk huwa jkun intitolat għall-benefiċċju tad-dar, jew ugwali għal xahar salarju bażiku jew huwa ma jkunx.

Fil-każijiet fejn il-konjuġi, it-tnejn impjegati mal-Fondazzjoni jkunu t-tnejn intitolati għall-allowance ta' l-installazzjoni, dan għandu jitħallas biss lill-persuna li jkollha l-ogħla salarju bażiku.

L-allowance ta' l-installazzjoni għandu jiġi peżat bir-rata stabbilita għall-post fejn il-membru tal-persunal ikun impjegat.

(b) Għandu jitħallas allowance ta' l-installazzjoni ta' l-istess ammont lil kwalunkwe membru tal-persunal li jiġi trasferit lejn post ta' impjieg ġdid u li jkun għalhekk obbligat li jbiddel il-post ta' residenza tiegħu sabiex ikun konformi ma' l-Artikolu 16 tal-Kundizzjonijiet ta' l-Impjieg.

(ċ) L-allowance ta' l-installazzjoni għandu jiġi maħdum b'riferenza lejn l-istat maritali u s-salarju tal-membru tal-persunal jew fiż-żmien ta' meta jkun ġie ingaġġat jew fi tmiem taż-żmien ta' prova tiegħu, fejn ikun hemm żmien ta' prova, jew fid-data tat-trasferiment tiegħu lejn il-post ta' impjieg ġdid.

L-allowance ta' l-installazzjoni għandu jiġi mħallas meta jiġu ppreżentati d-dokumenti li jistabbilixxu l-fatt li l-membru tal-personal, flimkien mal-familja tiegħu jekk ikun intitolat għall-benefiċċju tad-dar, ikunu stabbilew rwieħhom fil-post fejn ikun impjegat.

(d) Membru tal-persunal li jkun intitolat għall-allowance tad-dar u li ma jistabbilixxix ruħu mal-familja tiegħu fil-post fejn huwa jkun impjegat għandu jirċievi biss nofs il-benefiċċju li għalih huwa kieku kien ikun intitolat; it-tieni nofs għandu jkun imħallas meta l-familja tiegħu tistabbilixxi ruħha fil-post fejn ikun impjegat; jekk kemm-il darba il-familja tiegħu tagħmel dan fil-perjodi stabbiliti fl-Artikolu 16(4). Meta l-membru tal-persunal jiġi trasferit lejn il-post fejn il-familja kienet tirrisjedi qabel ma l-familja tiegħu stabbilit ruħha fil-post fejn huwa impjegat, huwa ma jkunx intitolat b'dan il-mezz għall-allowance ta' l-installazzjoni.

(e) Membru tal-persunal li jkun irċieva l-allowance ta' l-installazzjoni u li jkun telaq is-servizz tal-Fondazzjoni b'mod volontarju fi żmien sentejn mid-data li fiha jkun daħal fis-servizz għandu, meta jitlaq mis-servizz, jagħti lura parti mill-allowance, skond il-proporzjon tal-parti li ma tkunx skadiet minn dan il-perjodu ta' sentejn.

(f) Membru tal-persunal li jkun irċieva l-allowance ta' l-installazzjoni għandu jiddikjara kwalunkwe benefiċċju ta' natura simili li huwa jkun irċieva minn sorsi oħra: dawn l-allowances ta' l-aħħar għandhom jiġu mnaqqsa mill-allowance stabbilit f'dan l-Artikolu.

L-Artikolu 12

1. Membru tal-persunal li jissodisfa r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 11(1) għandu jkun intitolat, meta jieqaf mis-servizz, għall-allowance ta' ristabilizzazzjoni li jkun ugwali għas-salarju bażiku ta' xahrejn f'każ ta' membru tal-persunal li jkun intitolat għall-allowance tad-dar, jew għas-salarju bażiku ta' xahar fil-każijiet l-oħra, sakemm huwa jkun temm erba' snin ta' servizz u ma jirċivix allowance ta' l-istess natura fl-impjieg il-ġdid tiegħu.

Fil-każijiet fejn iż-żewġ konjuġi jkunu impjegati mal-Fondazzjoni, it-tnejn ikunu intitolati għall-allowance tar-ristabilizzazzjoni, dan għandu jitħallas biss lill-persuna li s-salarju bażiku tagħha jkun l-ogħla.

Membru tal-persunal li jkun temm servizz ta' aktar minn sena iżda ta' inqas minn erba' snin għandu jirċievi l-allowance ta' ristabbilizzazzjoni li jkun fi proporzjon għat-tul tas-servizz tiegħu, snin mhux mitmuma ma jkunux meqjusa.

Il-perjodi ta' leave bla ħlas ma għandhomx jiġu meqjusa fil-kalkolazzjoni ta' dan il-perjodu.

Il-benefiċċju tar-ristabbilizzazzjoni għandu jiġi peżat bir-rata stabbilita għall-post fejn il-membru tal-persunal kien l-aħħar impjegat.

2. Fil-każ tal-mewt ta' membru tal-personal, l-allowance tar-ristabbilizzazzjoni għandu jiġi mħallas lill-konjuġi superstiti jew, fin-nuqqas ta' din il-persuna, lid-dipendenti fit-tifsira ta' l-Artikolu 7 hawn fuq imsemmi, anke jekk il-ħtieġa dwar it-tul tas-servizz imsemmija fil-paragrafu 1 ma tiġix sodisfatta.

3. L-allowance tar-ristabbilizzazzjoni għandu jiġi maħdum b'riferenza għall-istat maritali u s-salarju tal-membru tal-persunal fid-data tat-tmiem tas-servizz.

4. L-allowance tar-ristabbilizzazzjoni għandu jiġi mħallas fuq prova li l-membru tal-persunal u l-famijla tiegħu, jew fejn il-membru tal-persunal ikun miet, il-familja tiegħu biss, stabbilew rwieħhom mill-ġdid f'post mhux inqas minn 70 km mill-post fejn il-membru tal-persunal kien impjegat.

Ir-ristabbilizzazzjoni ta' membru tal-persunal jew tal-familja ta' membru tal-persunal li jkun miet għandha ssir fi żmien tliet snin mid-data tat-tmiem tas-servizz tiegħu.

Dan il-limitu ta' żmien ma għandux jgħodd kontra l-persuni li jkunu intitolati taħtu u li jkunu jistgħu jagħtu prova li huma ma kinux konxji tad-disposizzjonijiet hawn fuq imsemmija.

L-Artikolu 13

Madankollu, l-allowance tar-ristabbilizzazzjoni stabbilit taħt l-Artikolu 11 u l-allowance tar-ristabbilizzazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12 ma għandux ikun inqas minn:

- 5000 frank Belġjan għal membru tal-persunal li jkun intitolat għall-benefiċċju tad- dar; u

- 3000 Bfrs għal membru tal-persunal li ma jkunx intitolat għall-allowance tad-dar.

B. L-Ispejjeż ta' l-Ivvjaġġar

L-Artikolu 14

1. Membru tal-persunal għandu jkun intitolat għal rimbors għall-ispejjeż ta' l-ivvjaġġjar tiegħu, tal-konjuġi tiegħu u tad-dipendenti tiegħu li jkunu attwalment jgħixu fid-dar tiegħu:

(a) meta jiġi impjegat, mill-post fejn huwa kien ġie ingaġġat sal-post fejn ikun impjegat;

(b) fit-tmiem tas-servizz, mill-post fejn ikun impjegat sal-post ta' l-oriġini kif iddefinit fil-paragrafu 3 taħt.

Fil-każ tal-mewt ta' membru tal-personal, l-armla u d-dipendenti tiegħu għandhom ikunu intitolati għal rimbors ta' l-ispejjeż taħt l-istess kundizzjonijiet.

L-ispejjeż ta' l-ivvjaġġjar għandhom jinkludu wkoll il-prezz tar-riservar tal-postijiet, it-trasport tal-bagalji u, fejn ikun applikabbli, l-ispejjeż tal-lukanda li jkun daħal fihom.

2. Il-bażi għall-kalkolazzjoni tar-rimbors għandha tkun:

- l-iqsar u l-aktar rotta ekonomika u bażika bil-ferrovija bejn il-post ta' l-impjieg u l-post ta' l-ingaġġjar jew ta' l-oriġini;

- noll ta' l-ewwel klassi għall-persunal f'Kategoriji A u B; noll tat-tieni klassi għall-persunal l-ieħor kollu;

- fejn il-vjaġġ ikun jinkludi vjaġġ ta' mhux inqas minn sitt sigħat bil-lejl bejn l-22:00 u s-07:00, akkomodazzjoni għall-irqad sal-prezz tal-klassi turistika jew couchette, fuq preżentazzjoni tal-biljett rilevanti.

Fejn jiġi użat mezz ta' trasport li ma jkunx dak hawn fuq imsemmi, il-kalkolazzjoni tar-rimbors għandha tkun ibbażata fuq il-prezz bil-ferrovija fil-klassi l-addattata, minbarra l-akkomodazzjoni għall-irqad. Fejn il-kalkolazzjoni fuq din il-bażi ma tkunx possibbli, it-termini tar-rimbors għandhom ikunu stabbiliti b'deċiżjoni speċjali tad-direttur.

3. Il-post ta' l-oriġini tal-membru tal-persunal għandu jiġi stabbilit meta jiġi impjegat filwaqt li għandu jingħata kas ta' fejn kien ġie ingaġġjat jew taċ-ċentru ta' l-interessi tiegħu. Il-post ta' l-oriġini li jkun ġie stabbilit b'dan il-mod jista', b'deċiżjoni speċjali tad-direttur, jiġi mibdul waqt li l-membru tal-persunal ikun fis-servizz jew meta jitlaq is-servizz. Meta jkun fis-servizz, madankollu, din id-deċiżjoni għandha tittieħed b'mod eċċezzjonali biss u meta jiġu ppreżentati mill-membru tal-persunal il-provi ta' sostenn.

L-effett ta' din il-bidla ma għandux, madankollu, jkun tali li jirrikonoxxi bħala iċ-ċentru ta' l-interessi tal-membru tal-persunal xi post barra mit-territorji ta' l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej jew tal-pajjiżi u t-territorji imsemmija fl-Anness IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita Ekonomika Ewropea.

L-Artikolu 15

1. Membru tal-persunal għandu jkun intitolat li jkun imħallas somma ekwivalenti għall-prezz tal-vjaġġ mill-post fejn ikun impjegat għall-post ta' l-oriġini kif definit fl-Artikolu 14 għalih u, jekk ikun intitolat għall-allowance tad-dar, għall-konjuġi tiegħu u għad-dipendenti tiegħu fit-tifsira ta' l-Artikolu 7:

- darba f'kull sena kalendarja jekk id-distanza bil-ferrovija bejn il-post ta' l-impjieg u l-post ta' l-oriġini tkun ta' aktar minn 50 km iżda anqas minn 725 km;

- darbtejn f'kull sena kalendarja jekk id-distanza bil-ferrovija bejn il-post ta' l-impjieg u l-post ta' l-oriġini tkun ta' 725 km jew aktar;

dawn id-distanzi għandhom jiġu maħduma skond il-metodu stabbilit fl-Artikolu 14(2).

F'każijiet fejn il-konjuġi jkunu t-tnejn impjegati mal-Fondazzjoni, kull wieħed għandu jkollu d-dritt fir-rigward tiegħu jew tagħha u fir-rigward tad-dipendenti għall-ħlas ta' rata bażi ta' l-ispejjeż għall-ivvjaġġjar, skond id-dispozizzjonijiet ta' hawn fuq; kull dipenenti għandu jkun intitolat għal ħlas wieħed biss. Il-pagament fir-rigward ta' l-ulied dipendenti jiġi stabbilit fuq it-talba tar-raġel jew tal-konjuġi tiegħu, fuq il-bażi tal-post ta' l-oriġini ta' kull wieħed minnhom.

Meta membru tal-persunal jiżżewweġ u għal dik ir-raġuni huwa jiġi rikonoxxut bħala intitolat għall-allowance tad-dar, l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġjar li għandhom jitħallsu għall-konjuġi għandhom jiġu maħduma fi proporzjongħall-perjodu tad-data taż-żwieġ sa l-aħħar tas-sena.

Kull bidla fil-bażi tal-kalkolazzjoni li jista' jkun hemm minħabba bidliet fl-istat tal-familja wara d-data tal-ħlas tas-somom imsemmija ma għandhomx jagħmlu lill-membru tal-persunal konċernat għall-ħlas mill-ġdid.

L-ispejjeż ta' l-ivvjaġġjar għat-tfal li jkollhom bejn l-erba' u l-10 snin għandhom jiġu maħduma fuq il-bażi ta' nofs in-noll, it-tfal jiġu meqjusa, għall-għanijiet tal-kalkolazzjoni bħala li jkunu temmew ir-raba' jew l-10 sena tagħhom fl-1 ta' Jannar tas-sena kurrenti.

2. Ir-rata bażi għandha tkun bbażata fuq il-prezz tal-biljett ta' l-ewwel klassi bir-ritorn tal-ferrovija fil-każ ta' persunal fil-Kategoriji A u B u fuq il-prezz ta' biljett tat-tieni klassi bir-ritorn fil-każ ta' persunal ieħor. Fejn il-kalkolazzjoni fuq din il-bażi ma tkunx possibbli, it-termini tal-ħlas għandhom jiġu stabbiliti b'deċiżjoni speċjali tad-direttur.

3. Membru tal-persunal li s-servizz tiegħu jiġi mitmum matul sena kalendarja għal xi raġuni li ma tkunx il-mewt jew li jkun fuq leave mhux imħallas matul parti mis-sena għandu, jekk ikun f'impjieg attiv fis-servizz tal-Fondazzjoni għal anqas minn disa' xhur ta' dik is-sena, ikun intitolat għall-parti mill-ħlas stabilit fil-paragrafu 1, maħduma fi proporzjoni għaż-żmien impjegat b'mod attiv.

4. Id-dispożizzjonijiet preċedenti għandhom japplikaw għall-persunal li l-post ta' l-impjieg u l-post ta' l-oriġini tagħhom ikun fl-Ewropa. Membru tal-persunal li l-post ta' l-impjieg tiegħu u/jew il-post ta' l-oriġini tiegħu ikun(u) barra mill-Ewropa għandu jkun intitolat, darba f'kull sena kalendari, soġġett għall-preżentazzjoni tad-dokumenti ta' sostenn, għar-rimbors ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar għall-post ta' l-oriġini tiegħu, jew għar-rimbors ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġjar lejn post ieħor li ma jaqbiżx il-prezz tal-vjaġġ tiegħu lejn il-post ta' l-oriġini tiegħu.

5. Il-persunal biss li jkun ilu fis-servizz tal-Fondazzjoni għal mill-inqas disa' xhur għandu jikkwalifika għall-intitolament taħt dan l-Artikolu.

Ċ. L-ispejjeż tal-ġarr

L-Artikolu 16

1. Membru tal-persunal għal perjodu fiss ta' mhux inqas minn sena, jew li jkun meqjus mid-direttur li jkun ingaġġjat għal perjodu ekwivalenti jekk il-kuntratt tiegħu ikun għal perjodu indefinit, għandu, kif hemm ipprovdut hawn taħt, ikun intitolat għal rimbors ta' l-ispejjeż tal-ġarr.

2. L-ispejjeż li jkunu intefqu fir-rigward tal-ġarr ta' għamara u effetti personali inkluża l-ispiża ta' l-assigurazzjoni kontra ir-riskju ordinarju (tkissir, serq, nar) għandhom jiġu rimborsati lill-membru tal-persunal li jkun obbligat jibdel il-post tar-residenza tiegħu taħt l-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet ta' Impjieg u li ma jkunx ġie rimborsat fir-rigward ta' l-istess spejjeż minn sorsi oħra. Dan ir-rimbors ma għandux jaqbeż l-ammont ta' l-istima approvata minn qabel. Mhux inqas minn żewġ stimi għandhom jiddaħħlu għand id-dipartiment addattat tal-Fondazzjoni, li jista', jekk jidhirlu li l-istimi jkunu eċċessivi, jagħżel ditta tal-ġarr oħra. Fil-każ ta' l-aħħar, l-intitolament għar-rimbors għandu jkun limitat għall-ammont ta' l-istima ta' dik id-ditta.

3. Fit-tmiem tas-servizz jew mal-mewt ta' membru tal-persunal, l-ispejjeż li jkunu intefqu fir-rigward tal-ġarr mill-post fejn kien impjegat lejn il-post ta' l-oriġini tiegħu għandhom ikunu rimborsati.

Fejn membru tal-persunal li jkun miet ma kienx miżżewweġ, l-ispejjeż għandhom jiġu rimborsati minn dawk li jkunu intitolati taħtu.

4. Il-ġarr għandu jsir fi żmien sena mit-tmiem tal-perjodu ta' prova ta' l-membru tal-persunal.

Fit-tmiem tas-servizz, il-ġarr għandu jsir fi żmien tliet snin kif stabbilit fit-tieni sub-paragrafu ta' l-Artikolu 12(4).

L-ispejjeż tal-ġarr li jkunu saru wara l-iskadenza tal-limiti ta' żmien stabbiliti fuq għandhom jiġu rimborsati f'każijiet eċċezzjonali biss u b'deċiżjoni speċjali tad-direttur.

D. L-allowance ta' sussitenza ta' kuljum

L-Artikolu 17

1. Fejn membru tal-persunal jipproduċi prova li huwa għandu jibdel il-post tar-residenza tiegħu biex jissodisfa r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg, huwa għandu jkun intitolat għal perjodu speċifikat fil-paragrafu 2 għall-allowance ta' sussitenza ta' kuljum kif segwit:

| Intitolat għall-allowance tad-dar | allowanceMhux intitolat għall- tad-dar |

| l-1 sal-15-il jum | mis-16-il jum | l-1 sal-15-il jum | mis-16-il jum |

| Franki Belġjani għal kull jum kalendarju | Franki Belġjani għal kull jum kalendarju | Franki Belġjani għal kull jum kalendarju | Franki Belġjani għal kull jum kalendarju |

Kategoriji A u B | 775 | 350 | 525 | 275 |

Kategoriji Ċ u D | 700 | 325 | 450 | 225 |

Fil-każijiet fejn il-konjuġi, it-tnejn ikunu impjegati mill-Fondazzjoni huma t-tnejn ikunu intitolati għall-allowance ta' sussitenza ta' kuljum, ir-rati li jidhru fl-ewwel żewġ kolonni għandhom ikunu applikabbli għall-persuna bl-ogħla salarju bażiku. Ir-rati li jidhru fiż-żewġ kolonni l-oħra għandhom jgħoddu għall-persuna l-oħra.

L-iskala ta' fuq għandha taqbel ma' dik stabbilita mill-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej kull darba li r-rimunerazzjoni tkun riveduta skond l-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet.

2. Il-perjodu li għalih għandu jingħata l-allowance ta' sussitenza ta' kuljum għandu jkun kif segwit:

(a) fil-każ ta'membru tal-persunal li ma jkunx intitolat għall-allowance tad-dar: 120 jum;

(b) fil-każ ta' membru tal-persunal li jkun intitolat għall-allowance tad-dar: 180 jum jew jekk il-membru tal-persunal ikun meħtieġ li jservi perjodu ta' prova ta' sitt xhur, dak il-perjodu b' żjieda ta' xahar miegħu.

Fil-każijiet fejn iż-żewġ konjuġi impjegati mal-Fondazzjoni jkunu t-tnejn intitolati għall-allowance ta' sussitenza ta' kuljum, il-perjodu li fir-rigward tiegħu jingħata kif stabbilit f'(b) għandu japplika għall-persuna li jkollha l-ogħla salarju bażiku. Il-perjodu stabbilit f'(a) għandu jgħodd għall-persuna l-oħra.

Fl-ebda każ ma għandu jingħata l-allowance ta' sussitenza ta' kuljum wara d-data li fiha l-membru tal-persunal jiġi rimoss biex jissodisfa ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 16 tal-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg.

3. L-allowance ta' sussitenza ta' kuljum li għalih hemm ipprovdut fil-paragrafu 1 għandu jiġi mnaqqas bin-nofs matul kwalunkwe perjodu meta l-membru tal-persunal jirċievi l-allowance ta' sussitenza ta' kuljum għall-persunal li jkun fuq missjoni kif għalih hemm ipprovdut fl-Artikolu 18.

E. L-Ispejjeż marbutin ma' missjoni

L-Artikolu 18

1. Membru tal-persunal li jkun qed jivvjaġġja fuq missjoni u li jkollu ordni ta' vjaġġjar addattata għandu jkun intitolat għar-rimbors ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġjar u għall-allowance ta' sussitenza ta' kuljum skond id-dispozzjonijiet li ġejjin.

2. L-ordni ta' l-ivvjaġġjar għandha tgħid kemm sejra ddum bejn wieħed u ieħor il-missjoni, li fuq il-bażi tiegħu għandu jinħadem kwalunkwe ħlas bil-quddiem li l-membru tal-persunal ikun jista' jieħu bħala allowance ta' sussitenza ta' kuljum. Minbarra fil-każ fejn tittieħed deċiżjoni speċjali, ma għandu jitħallas l-ebda ħlas bil-quddiem fejn il-missjoni ma tkunx mistennija li tkun tinvolvi nuqqas ta' aktar minn 24 siegħa u dan għandu jsir fil-pajjiż li juża l-istess munita tal-post fejn il-membru tal-persunal ikun impjegat.

L-Artikolu 19

1. L-ispejjeż ta' l-ivvjaġġjar tal-persunal li jkun fuq missjoni għndhom ikopru l-prezz tat-trasport bil-ferrovija bl-iqsar rotta, ta' l-ewwel klassi għall-persunal tal-Kategoriji A u B, u tat-tieni klassi għall-persunal l-ieħor.

Fejn ikun involut vjaġġ 'l hemm u lura ta' 800 km jew aktar, il-persunal tal-kategoriji Ċ u D għandhom ikunu intitolati għal rimbors tan-noll ta' l-ewwel kategorija fir-rigward ta' l-ispejjeż imsemmija fuq.

B'deċiżjoni tad-direttur, il-persunal fil-Kategoriji Ċ u D li jkunu qed jivvjaġġaw fuq missjoni li tkun tinvolvi vjaġġ 'l hemm u lura ta' inqas minn 800 km għandhom ikunu intitolati għal rimbors tan-noll ta' l-ewwel klassi meta jkunu qed jakkompanjaw membru tal-Bord Amministrattiv, id-direttur jew membru tal-persunal li jkun qiegħed jivvjaġġja fl-ewwel klassi.

L-ispejjeż ta' l-ivvjaġġjar għandhom jinkludu wkoll:

- il-prezz tar-riservar tal-postijiet u t-trasport tal-bagalji meħtieġa;

- is-supplimenti għall-ferroviji veloċi speċjali (rimborsati meta jiġu ppreżentati il-biljetti speċjali fejn dawn jinħarġu);

- is-supplimenti għall-akkomodazzjoni (rimborsati fuq preżentazzjoni ta' biljetti għall-irqad) fejn il-vjaġġ ikun jinkludi mhux inqas minn sitt sigħat vjaġġar bil-lejl bejn l-22:00 u s-7:00:

- f'akkomodazzjoni li traqqad żewġ persuni;

- meta l-ferrovija ma jkollhiex akkomodazzjoni f'din il-kategorija, ir-rimbors għandu, bil-kunsens tad-direttur, ikun jikkorrispondi għall-kategorja li tkun immedjatament ogħla jew akkomodazzjoni għal persuna waħda jekk dik tkun l-unika kategorija ta' akkomodazzjoni disponibbli.

2. Il-persunal jista' jiġi awtorizzat jivvjaġġa bl-ajru. F'dan il-każ ir-rimbors jista' jsir meta jiġu ppreżentati l-biljetti għall-klassi immedjatament taħt l-ewwel klassi.

B'deċiżjoni tad-direttur, il-persunal li jakkompanja membru tal-Bord Amministrattiv jew id-direttur fuq missjoni partikolari jista', meta jiġu ppreżentati l-biljetti, jiġi rimborsat l-ispiża tal-vjaġġ fl-istess klassi ta' dik li jkun uża il-membru jew id-direttur.

Taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-regoli pprovduti fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 12(2) ta' l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, il-persunal li jkun qiegħed jivvjaġġa fuq missjoni taħt kondizzjonijiet li jkunu partikolarment ta' għeja jista', b'deċizjoni tad-direttur, jiġi rimborsat il-prezz tal-vjaġġ fil-klassi użata, malli jiġu ppreżentati l-biljetti.

B'deċiżjoni speċjali tad-direttur, il-persunal jista' jkun awtorizzat li jieħu bagalji li jkunu jaqbżu il-limitu li għalih ma jsirx ħlas.

3. Għal vjaġġi bil-baħar, il-klassi ta' l-ivvjaġġjar għandha tiġi stabbilita f'kull każ mid-direttur. Il-persunal li jkunu qiegħed jivvjaġġja bil-baħar għandu jirċievi, minflok l-allowance ta' sussitenza ta' kuljum kif għalih hemm provdut fl-Artikolu 20, allowance ta' 225 Bfrs għal kull perjodu ta' 24 siegħa tal-vjaġġ.

4. Membru tal-persunal jista' jiġi awtorizzat juża l-karozza tiegħu fuq missjoni partikolari, sakemm it-tul tal-missjoni ma jkunx b'dan il-mezz jiġi mtawwal.

Ir-rimbors ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġjar għandu, f'dak il-każ, jiġi maħdum fuq il-bażi standard preskritta fil-paragrafu 1.

Fil-każ ta' membru tal-persunal li jivvjaġġja regolarment fuq missjoni f'ċirkustanzi speċjali, madankollu, id-direttur jista' jiddeċiedi li jagħtih allowance għal kull kilometru li jkun għamel minflok l-ispejjeż jagħtih rimbors tan-nollijiet tal-ferrovija, jekk l-użu tat-trasport pubbliku u r-rimbors ta' l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġjar fuq il-bażi normali jinvolvu żvantaġġi definiti.

Membru tal-persunal li jkun awtorizzat juża l-karozza tiegħu għandu jibqa' responsabbli għal kollox għal kwalunkwe inċidenti fuq il-karozza tiegħu jew fuq terzi persuni; huwa għandu jkollu fil-pussess tiegħu il-polza ta' l-assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà ċivili sa ammont li d-direttur jikkunsidra li jkun adegwat.

L-Artikolu 20

1. (a) L-allowance ta' sussitenza ta' kuljum għal persunal fuq missjoni għandu jitħallas fuq l-iskala li ġejja:

I Kategoriji A u B | II Kategoriji Ċ u D |

Bfrs 1320 | Bfrs 1220 |

(b) Fil-każ tal-missjonijiet barra mit-territorju Ewropew ta' l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, id-direttur jista' jiddeċiedi li japplika rati oħra.

2. Ir-rati ta' sussitenza stabbiliti fil-kolonni I u II għandhom jiġu mnaqqsa bi 330 Bfrs u bi 315 Bfrs rispettivament għal kwalunkwe assenza ta' ġurnata fuq missjoni, li għandha titqies skond il-paragrafu 4, li matulha, l-membru tal-persunal ikun daħal fi spejjeż għall-akkomodazzjoni rimborsabbli mill-Fondazzjoni.

3. L-istess tnaqqis għandu jsir fejn il-membru tal-persunal ma jkollux għalfejn jgħaddi l-lejl 'il bogħod mill-post fejn ikun impjegat.

4. Soġġett għall-paragrafi 2 u 3, l-allowance ta' sussitenza ta' kuljum għall-persunal fuq missjoni għandu jiġi maħdum skond ir-regoli li ġejjin:

(a) Missjoni ta' 24 siegħa jew inqas:

- sitt sigħat jew anqas: ir-rimbors ta' l-ispejjeż attwali sa kwart ta' l-allowance ta' sussitenza ta' kuljum;

- 12-il siegħa jew inqas iżda aktar minn sitt sigħat: nofs l-allowance ta' sussitenza ta' kuljum;

- 24 siegħa jew aktar, iżda aktar minn 12-il siegħa: l-ekwivalenti ta' jum sħiħ ta' l-allowance ta' sussitenza ta' kuljum.

(b) Missjoni ta' aktar minn 24 siegħa:

- għal kull perjodu ta' 24 siegħa: l-ekwivalenti ta' jum sħiħ ta' l-allowance ta' sussitenza ta' kuljum;

- għal kwalunkwe perjodu ieħor ta' sitt sigħat jew anqas: ma għandu jingħata l-ebda allowance ta' sussitenza ta' kuljum:

- għal kwalunkwe perjodu ieħor ta' 12-il siegħa jew anqas, iżda aktar minn 6 sigħat: nofs l-allowance ta' sussitenza ta' kuljum;

- għal kwalunkwe perjodu ieħor ta' aktar minn 12-il siegħa: l-ekwivalenti ta' jum sħiħ ta' l-allowance ta' sussitenza ta' kuljum.

5. L-allowance ta' sussitenza ta' kuljum għal persunal fuq missjoni għandu jkun meqjus bħala li jkopri l-ispejjeż li jsiru, li jinkludu vvjaġġjar lokali għall-post tal-missjoni, minbarra l-ispejjeż hawn taħt imsemmija li għandhom jiġu rimborsati meta jiġu ppreżentati d-dokumenti ta' sostenn:

(a) l-ispejjeż ta' telegrammi u telefonati lokali u internazzjonali li jkunu saru għall-għanijiet uffiċjali;

(b) spejjeż ta' divertiment fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 21;

(ċ) l-ispejjeż eċċezzjonali li jintefqu mill-membru tal-persunal b'mod neċessarju għall-għanijiet tal-missjoni, jew meta jirċievi struzzjonijiet speċjali jew minħabba u fl-interessi tal-Fondazzjoni, u li jirriżultaw fi żbursar ta' proporzjon raġjonevoli mill-allowance provdut.

6. Fejn il-missjoni tkun mistennija ddum għal mill-inqas erba' ġimgħat fl-istess post u l-membru tal-persunal ikkonċernat ikun avżat b'dan qabel it-tluq, ir-rati ta' sussitenza jistgħu jiġu mnaqqsa bi kwart.

Dan it-tnaqqis jista' jiġi deċiż waqt il-kors tal-missjoni nnifisa; f'dan il-każ għandu jidħol fis-seħħ mhux inqas minn tmint ijiem wara li l-membru tal-persunal ikkonċernat ikun ġie nnotifikat, sakemm ma jkunx baqa' inqas minn erba' xhur sabiex tintemm il-missjoni, li jibdew jgħoddu mid-data tan-notifika.

7. Meta membru tal-persunal fuq missjoni jkollu l-ikla jew l-akkomodazzjoni pprovduti jew rimborsati minn waħda mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej jew minn amministrazzjoni jew organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali, huwa għandu jiddikjaraha.

L-allowance ta' sussitenza ta' kuljum tiegħu għandu jiġi mnaqqas b'200 Bfrs għal kull ikla pprovduta, l-allowances imsemmija fil-kolonni I u II għandhom jiġu mnaqqsa b'450 Bfrs u b'420 Bfrs rispettivament għal kull jum ta' akkomodazzjoni pprovdut. Meta membru tal-persunal ikollu l-ikliet tiegħu u l-akkomodazzjoni tiegħu kollha pprovduti minn waħda mill-istituzzjonijiet ta' l-Komunitajiet Ewropej jew minn amministrazzjoni jew organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali, huwa għandu jirċievi allowance ta' 225 Bfrs għal kull perjodu ta' 24 siegħa minflok l-allowance ta' sussitenza ta' kuljum għall-missjonijiet li għalihom hemm ipprovdut fuq.

8. Ir-rati murija f'paragrafi 1, 2 u 7 għandhom jiġu miżjuda b'10 % meta l-missjoni tkun lejn Pariġi, b'5 % meta l-missjoni tkun lejn Brussel, il-Lussemburgu jew Strasburgu u b'10 % għall-persunal tal-kategoriji Ċ u D meta l-missjoni tkun lejn Strasburgu.

F. Ir-rimbors bażi ta' l-ispejjeż

L-Artikolu 21

Fil-każ ta' persunal li, bħala riżultat ta' struzzjonijiet speċjali, okkażjonalment jidħol fi spejjeż ta' divertiment għal għanijiet uffiċjali, l-ammont ta' allowance għad-divertiment għandu jiġi stabbilit f'kull każ fuq il-bażi tad-dokumenti ta' sostenn u fuq dawk it-termini stabbiliti mid-direttur.

L-Artikolu 22

Il-persunal impjegat f'post fejn il-kondizzjonijiet ta' l-akkomodazzjoni huma rikonoxxuti bħala li huma partikolarment diffiċli għandu jitħallas allowance għall-akkomodazzjoni.

Il-lista ta' postijiet li għalihom jista' jingħata l-allowance, l-ammont massimu ta' l-allowance u r-regoli sabiex dan jingħata għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 65(3) tar-Regolamenti tal-Persunal ta' dawn il-Komunitajiet.

L-Artikolu 23

Membru tal-persunal impjegat f'post fejn it-trasport ikun rikonoxxut li jkun partikolarment diffiċli u għali minħabba l-bogħod ta' l-akkomodazzjoni mill-post tax-xogħol jista' jiġi mħallas allowance tat-trasport.

Il-lista ta' postijiet li għalihom jista' jingħata l-allowance, l-ammont massimu ta' l-allowance u r-regoli sabiex dan jingħata għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 65(3) tar-Regolamenti tal-Persunal ta' dawn il-Komunitajiet.

Is-Sezzjoni 5

L-Artikolu 24

Ir-rati li jinsabu fis-Sezzjonijiet 2 sa 4 għandhom jiġu addattati awtomatikament kull meta r-rati li jikkorrispondu li jinsabu fir-Regolamenti tal-Persunal applikabbli għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jiġu mibdula.

Is-Sezzjoni 6

IL-ĦLAS TA' L-AMMONTI DOVUTI

L-Artikolu 25

1. Il-ħlas tar-rimunerazzjoni lill-persunal għandu jsir fil-15-il jum ta' kull xahar għax-xahar li dak iż-żmien ikun kurrenti. L-ammont tar-rimunerazzjoni għandu jiġi magħluq 'l fuq għall-frank Belġjan li jkun imiss.

2. Meta ma tkunx dovuta rimunerazzjoni fir-rigward ta' xahar sħiħ, l-ammont għandu jiġi maqsum fi tletin parti, u

(a) meta n-numru attwali ta' jiem li għalihom għandhom jinħareġ il-ħlas ikun 15 jew inqas, in-numru tat-tletinijiet dovut għandu jkun ugwali għan-numru attwali tal-jiem li għalihom għandu jinħareġ il-ħlas;

(b) meta n-numru attwali tal-jiem li għalihom għandu jsir il-ħlas ikun aktar minn 15, in-numru ta' partijiet minn tletin għandu jkun ugwali għad-differenza bejn in-numru attwali tal-jiem li għalihom ma għandux jinħareġ ebda ħlas u 30.

3. Fejn l-intitolament għall-allowances tal-familja u l-allowance ta' l-espatrijazzjoni jibda wara d-data tad-dħul fis-servizz, il-membru tal-persunal għandu jirċevihom mill-ewwel ġurnata tax-xahar li fih jibda dan l-intitolament. Meta dan l-intitolament jieqaf, il-membru tal-persunal għandu jirċievi s-somma dovuta sa l-aħħar ġurnata tax-xahar li fih jieqaf l-intitolament.

L-Artikolu 26

Il-ħlasijiet għandhom isiru għal kull membru tal-persunal fil-post u fil-munita tal-pajjiż li fih ikun jaqdi dmirijietu.

Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 17(2), (3) u (4) ta' l-Anness VII għar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għandhom japplikaw bl-istess mod.

--------------------------------------------------