31976L0762



Official Journal L 262 , 27/09/1976 P. 0122 - 0134
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 5 P. 0151
Greek special edition: Chapter 13 Volume 4 P. 0097
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 5 P. 0151
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 5 P. 0161
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 5 P. 0161


Id-Direttiva tal-Kunsill

tas-27 ta’ Lulju 1976

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrigwardaw il-fanali taċ-ċpar ta’ quddiem għal vetturi bil-mutur u bozoz tal-filament għal dawn il-fanali

(76/762/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1];

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi l-ħtiġiet tekniċi li l-vetturi bil-mutur għandhom jissodisfaw skond il-liġijiet nazzjonali huma relatati inter alia mal-fanali taċ-ċpar ta’ quddiem tagħhom;

Billi, dawn il-kondizzjonijiet ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor; billi huwa għaldaqstant neċessarju li l-Istati Membri kollha jadottaw l-istess kondizzjonijiet, flimkien ma’ jew minflok ir-regoli eżistenti tagħhom, sabiex jippermettu li, b’mod partikolari, il-proċedura ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE li kienet suġġetta għad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [3], tiġi ntrodotta fir-rispett ta’ kull tip ta’ vettura;

Billi fid-Direttiva 76/756/KEE [4], il-Kunsill speċifika l-ħtiġiet komuni għall-installazzjoni ta’ mezzi ta’dawl u ta’ sinjalazzjoni bid-dawl fuq vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom;

Billi proċedura armonizzata għall-approvazzjoni tat-tip għall-fanali taċ-ċpar ta’ quddiem tagħmilha possibbli għal kull Stat Membru, li jivverifika l-konformità mal-ħtiġiet komuni tal-kostruzzjoni u ta’ l-ittestjar, u li jinforma lill-Istati Membri l-oħra bis-sejbiet tiegħu billi jibgħat kopja taċ-ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ komponent komplet għal kull tip ta’ fanal taċ-ċpar ta’ quddiem; billi t-tqegħid ta’ marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent fuq il-fanali taċ-ċpar ta’ quddiem kollha ffabbrikati b’konformità mat-tip approvat jneħħi kull bżonn ta’ kontrolli tekniċi ta’ dawn il-fanali taċ-ċpar ta’ quddiem fl-Istati Membri l-oħra:

Billi huwa mixtieq li jiġu ikkunsidrati l-ħtiġiet tekniċi adottati mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Regolament tagħha Nru 19 ("Dispożizzjonijiet komuni li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ fanali taċ-ċpar ta’ vetturi bil-mutur") [5], li huwa anness mal-Ftehim tal-20 ta’ Marzu 1958 li jikkonċerna l-adozzjoni ta’ kondizzjonijiet uniformi għall-approvazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku ta’ l-approvazzjoni ta’ tagħmir u ta’ partijiet ta’ vetturi bil-mutur;

Billi, l-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali relatati mal-vetturi bil-mutur tirrikjedi r-rikonoxximent reċiproku min-naħa ta’ l-Istati Membri tal-kontrolli li jsiru minn kull wieħed minnhom skond il-ħtiġiet komuni,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Kull Stat Membru għandu jagħti approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent għal kull tip ta’ fanal taċ-ċpar ta’ quddiem li jissodisfa l-ħtiġiet tal-kostruzzjoni u ta’ l-ittestjar preskritti fl-Annessi 0, II, III, IV u V.

2. L-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa jivverifika li l-mudelli ta’ produzzjoni jkunu konformi mat-tip approvat, safejn dan ikun neċessarju u jekk ikun hemm bżonn f’kooperazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra. Verifika bħal din għandha tkun limitata għal eżamijiet saltwarji.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom, għal kull tip ta’ fanal taċ-ċpar ta’ quddiem li huma japprovaw skond l-Artikolu 1, joħorġu għall-manifattur jew għar-rappreżentant awtorizzat tiegħu, marka ta’ approvazzoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent li tkun konformi mal-mudell muri fl-Anness II.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprevjenu l-użu ta’ marki li jistgħu joħolqu konfużjoni bejn fanali taċ-ċpar ta’ quddiem li jkunu ngħataw l-appovazzjoni tat-tip skond l-Artikolu 1, u mezzi oħrajn.

Artikolu 3

1. L-ebda Stat Membru ma jista’ jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ fanali taċ-ċpar ta’ quddiem għal raġunijiet marbuta mal-kostruzzjoni tagħhom jew mal-metodu ta’ kif jaħdmu, jekk dawn ikollhom il-marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent.

2. Madankollu, Stat Membru jista’ jipprojbixxi it-tqegħid fis-suq ta’ fanali taċ-ċpar ta’ quddiem, li jkollhom il-marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent, jekk dawn konsistentement ma’ jikkonformawx mat-tip approvat.

Dak l-Istat għandu jinforma minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda, u jispeċifika r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

Artikolu 4

, L-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru għandhom fi żmien xahar jibagħtu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra kopja taċ-ċertifikati ta’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ komponent,li eżempju tagħhom hu mogħti fl-Anness I, kompletat għal kull tip ta’ lampa taċ-ċpar ta’ quddiem li huma japprovaw jew jirrifjutaw li japprovaw.

Artikolu 5

1. Jekk l-Istat Membru li jkun ta approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent jsib li numru ta’ fanali taċ-ċpar ta’ quddiem li għandhom l-istess marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent m’humiex konformi mat-tip li hu jkun approva, dan l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li l-mudelli ta’ produzzjoni jikkonformaw mat-tip approvat. L-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat għandhom javżaw lil dawk ta’ l-Istati Membri l-oħra bil-miżuri meħuda, li jistgħu fejn ikun hemm nuqqas konsistenti ta’ konformità, jestendu sa k-irtirar ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent. L-awtoritajiet imsemmija għandhom jieħdu l-istess miżuri jekk ikunu nfurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor b’dan in-nuqqas ta’ konformità.

2. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, għandhom jinformaw wieħed lill-ieħor fi żmien xahar b’kull irtirar ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent u bir-raġunijiet ta’ miżura bħal din.

Artikolu 6

Kull deċiżjoni, meħuda skond id-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, li tirrifjuta jew tirtira approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent għal fanali taċ-ċpar ta’ quddiem jew li tipprojbixxi it-tqegħid tagħhom fis-suq jew l-użu tagħhom, għandha tispeċifika fid-dettall ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata. Deċiżjonijiet bħal dawn, għandhom jiġu nnotifikati lill-parti konċernata, li għandha fl-istess ħin tiġi mgħarrfa bir-rimedji disponibbli għalih skond il-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri u fuq il-limiti ta’ żmien permessi għall-eżerċizzju ta’ dawn ir-rimedji.

Artikolu 7

L-ebda Stat Membru ma jista’ jirrifjuta li jagħti approvazzjoni tat-tip tal-KEE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal kwalunkwe vettura għal raġunijiet relatati mal-fanali taċ-ċpar ta’ quddiem tagħha jekk dawn ikollhom il-marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent u jkunu mmuntati skond il-ħtiġiet stipulati fid-Direttiva 76/756/KEE.

Artikolu 8

L-ebda Stat Membru ma jista’ jirrifjuta jew jipprojbixxi l-bejgħ, ir-reġistrazzjoni, id-dħul fis-servizz jew l-użu ta’ kwalunkwe vettura għal raġunijiet relatati mal-fanali taċ-ċpar ta’ quddiem tagħha jekk dawn ikollhom il-marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent u jkunu mmuntati skond il-ħtiġiet stipulati fid-Direttiva 76/756/KEE.

Artikolu 9

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, "vettura" tfisser kull vettura bil-mutur li hi maħsuba għall-użu fit-triq, bil-karozzerija jew mingħajra, li għandha ta’ l-anqas erba’ roti u b’veloċità massima ddisinjata li taqbeż il-25km fis-siegħa, bl-eċċezzjoni ta’ vetturi li jimxu fuq il-linji, tratturi u makkinarju għall-agrikoltura u vetturi tax-xogħolijiet pubbliċi.

Artikolu 10

Kull emenda meħtieġa biex jiġu aġġustati l-ħtiġiet ta’ l-Annessi sabiex jiġi kkunsidrat il-progress tekniku, għandha tiġi adottata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE.

Artikolu 11

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Lulju 1977 u għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni minnufih. Huma għandhom jibdew japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 1977.

2. Ladarba din id-Direttiva tiġi notifikata, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-Kummissjoni tkun infurmata bi kwalunkwe abbozz ta’ liġi, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li huma jipproponu li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, fi żmien suffiċjenti biex din tkun tista’ tippreżenta l-kummenti tagħha.

Artikolu 12

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula Brussel, fis-27 ta’ Lulju 1976.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Van Der Stoel

[1] ĠU C 55, tat-13.5.1974, p. 14.

[2] ĠU C 109, tad-19.9.1974, p.24.

[3] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p.1.

[4] ĠU L 262, tat-27.9.1976, p.1.

[5] Il-Kummissjoni Ekonomoka għall-Ewropa, Dokument

--------------------------------------------------

Lista ta’ l-Annessi

L-Anness 0 | — Definizzjonijiet, speċifikazzjonijiet ġenerali, illuminazzjoni, konformità tal-produzzjoni |

L-Anness I | — mudell taċ-ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent |

L-Anness II | — ħtiġiet għall-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent u għall-immarkar Appendiċi: Eżempju ta’ marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent |

L-Anness III | — Bozoz tal-filament għall-fanali taċ-ċpar ta’ quddiem |

L-Anness IV | — Bozoz tal-filament standard (referenza) għall-fanali taċ-ċpar ta’ quddiem |

L-Anness V | — Skrin tal-kejl |

--------------------------------------------------