31976L0760



Official Journal L 262 , 27/09/1976 P. 0085 - 0095
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 5 P. 0114
Greek special edition: Chapter 13 Volume 4 P. 0056
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 5 P. 0114
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 5 P. 0124
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 5 P. 0124


Id-Direttiva tal-Kunsill

tas-27 ta’ Lulju 1976

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrigwardjaw il-fanali tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni tan-naħa ta’ wara għal vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom

(76/760/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1];

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi l-ħtiġiet tekniċi li l-vetturi bil-mutur għandhom jissodisfaw skond il-liġijiet nazzjonali għandhom jirrigwardjaw, inter alia, il-fanali tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni tan-naħa ta’ wara tagħhom;

Billi dawk il-ħtiġiet ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor; billi huwa għalhekk meħtieġ li l-Istati Membri kollha jadottaw l-istess ħtiġiet jew bħala żieda jew inkella minflok ir-regoli eżistenti tagħhom sabiex, partikolarment, jippermettu li l-proċedura ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE li kienet is-suġġett tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [3], tiġi ntrodotta fir-rigward ta’ kull tip ta’ vettura;

Billi fid-Direttiva 76/756/KEE [4], il-Kunsill stabbilixxa l-ħtiġiet komuni għall-istallazzjoni ta’ mezzi ta’ dawl u ta’ sinjalazzjoni bid-dawl fuq vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom;

Billi t proċedura armonizzata ta’ approvazzjoni tat-tip għall-fanali tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni tan-naħa ta’ wara tagħmilha possibbli għal kull Stat Membru li jivverifika l-konformità mal-ħtiġiet komuni dwar il-kostruzzjoni u l-ittestjar u li jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn bis-sejbiet tiegħu billi jibgħat kopja taċ-ċertifikat mimli għal kull tip ta’ fanal tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni tan-naħa ta’ wara; billi t-twaħħil ta’ marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent fuq il-fanali tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni tan-naħa ta’ wara kollha manifatturati b’konformità mat-tip approvat ineħħi l-ħtieġa għall-verifiki tekniċi fuq dawn il-fanali tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni tan-naħa ta’ wara fl-Istati Membri l-oħra;

Billi huwa mixtieq li jittieħed kont tal-ħtiġiet tekniċi adottati mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-NU fir-Regolament tagħha Nru 4 (“Dispożizzjonijiet uniformi għall-approvazzjoni ta’ mezzi ta’ l-illuminazzjoni tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni tan-naħa ta’ wara għal vetturi bil-mutur (apparti milli muturi) u l-karrijiet tagħhom”) [5], li huwa anness mal-Ftehim ta’ l-20 ta’ Marzu 1958 li jikkonċerna l-adozzjoni ta’ kondizzjonijiet uniformi għall-approvazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku għall-approvazzjoni ta’ tgħamir u partijiet tal-vetturi bil-mutur;

Billi l-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li jirrigwardjaw il-vetturi bil-mutur tinvolvi r- rikonoxximent reċiproku mill-Istati Membri tal-verifiki mwettqa minn kull wieħed minnhom fuq il-bażi tal-ħtigiet komuni,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Kull Stat Membru għandu jagħti approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent għal kull tip ta’ fanal tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni tan-naħa ta’ wara li tissodisfa l-ħtiġiet tal-kostruzzjoni u l-ittestjar kif stabbiliti fl-Annessi 0, I, III u IV.

2. L-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE tal-komponent għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jivverifika li l-mudelli tal-produzzjoni jkunu konformi mat-tip approvat, kemm il-darba dan ikun meħtieġ, u jekk tinħass il-ħtieġa b’koperazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra.Verifika bħal din għandha tkun limitata għal verifiki saltwarji.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom għal kull tip ta’ fanal tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni tan-naħa ta’ wara li huma japprovaw skond l-Artikolu 1, joħorġu lill-manifattur, jew lir-rapreżentant awtorizzat tiegħu, il-marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent li tkun konformi mal-mudell muri fl-Anness I.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-mużuri kollha xierqa sabiex jipprevjenu l-użu ta’ marki li jistgħu joħolqu konfużjoni bejn il-fanali tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni tan-naħa ta’ wara li jkunu ngħataw l-approvazzjoni tat-tip skond l-Artikolu 1, u mezzi oħrajn.

Artikolu 3

1. L-ebda Stat Membru ma jista’ jipprojbixxi t-tqiegħid fis-suq ta’ fanali tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni tan-naħa ta’ wara għal raġunijiet li jirrigwardjaw il-kostruzzjoni tagħhom jew il-metodu tal-funzjonament tagħhom kemm il-darba dawn ikollhom il-marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’komponent.

2. B’danakollu, Stat Membru jista’ jipprojbixxi li it-tqiegħid fis-suq ta’ fanali tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni tan-naħa ta’ wara li jkollhom il-marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent, li b’mod konsistenti jonqsu milli jkunu konformi mat-tip approvat.

Dak l-Istat għandu minnufih jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda u jispeċifika r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

Artikolu 4

L-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru għandhom, fi żmien xahar, jibgħatu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħrajn, kopja taċ-ċertifikati ta’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ komponent, li mudell tiegħu huwa mogħti fl-Anness II, komplut għal kull tip ta’ fanal tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni tan-naħa ta’ wara li huma japprovaw jew li jirrifjutaw li japprovaw.

Artikolu 5

1. Jekk l-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponenti jsib li numru ta’ fanali tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni tan-naħa ta’ wara li għandhom l-istess marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent ma jkunux konformi mat-tip li jkun approva, dan għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jassigura li l-mudelli tal-produzzjoni jikkonformaw mat-tip approvat. L-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat għandhom jgħarrfu lill-Istati Membri l-oħrajn bil-miżuri meħuda, li jistgħu, meta jkun hemm nuqqas konsistenti ta’ konformità, jestendu sa l-irtirar ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent. Dawn l-awtoritajiet għandhom jieħdu l-istess miżuri jekk ikunu nfurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’Stat Membru ieħor b’tali nuqqas tal-konformità.

2. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin fi żmien xahar b’kull irtirar ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent, u bir-raġunijiet li wasslu għal din il-miżura.

Artikolu 6

Kull deċiżjoni meħudha skond id-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva sabiex tiġi miiċħudha jew irtirata approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent għal fanal tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni tan-naħa ta’ wara jew li jiġi pprojbit it-tqegħid fis-suq jew l-użu tiegħu, għandha telenka bid-dettall ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata. Deċiżjonijiet bħal dawn għandhom ikunu notifikati lill-parti konċernata, li fl-istess waqt għandha tkun infurmata bir-rimedji għad-dispożizzjoni tagħha permezz tal-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri u bil-limiti taż-żmien permissibbli sabiex teżerċita dawk ir-rimedji.

Artikolu 7

L-ebda Stat Membru ma jista’ jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE jew l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal vettura għal raġunijiet li jirrigwardaw il-fanali tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni tan-naħa ta’ wara tagħha jekk dawn ikollhom il-marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent u huma mwaħħla skond il-ħtiġiet stabbiliti fid-Direttiva 76/756/KEE.

Artikolu 8

L-ebda Stat Membru ma jista’ jirrifjuta jew jipprojbixxi l-bejgħ jew ir-reġistrazzjoni, id-dħul fis-servizz jew l-użu ta’ vettura għal raġunijiet li jirrigwardaw il-fanali tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni tan-naħa ta’ wara tagħha jekk dawn ikollhom il-marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent u huma mwaħħla skond il-ħtiġiet stabbiliti fid-Direttiva 76/756/KEE.

Artikolu 9

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, “vettura” tfisser kwalunkwe vettura bil-mutur intiża għall-użu fit-triq, bil-karozzerija jew mingħajra, li jkollha mill-inqas erba’ roti u veloċità massima ddisinjata li teċċedi l-25 km fis-siegħa, u l-karrijiet tagħha, apparti milli l-vetturi li jimxu fuq il-linji u t-tratturi u l-makkinarju għall-agrikoltura u l-vetturi tax-xogħolijiet pubbliċi.

Artikolu 10

Kull emenda meħtieġa għall-aġġustament tal-ħtiġiet ta’ l-Annessi sabiex jieħdu konsiderazzjoni tal-progress tekniku għandha tkun adottata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE.

Artikolu 11

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Lulju 1977,u għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan. Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet b’effett mill-1 ta’ Ottubru 1977 l-aktar tard.

2. La darba din id-Direttiva tkun ġiet notifikata, l-Istati Membri għandhom ukoll jassiguraw li l-Kummissjoni tkun informata, fi żmien biżżejjed biex tkun tista tippreżenta l-kummenti tagħha, bl-abbozzi ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma jipproponu li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 12

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-27 ta’ Lulju 1976.

Għall-Kunsill

Il-President

M. van der stoel

[1] ĠU C 76, tas-7.4.1975, p. 37.

[2] ĠU C 248, tad-29.10.1975, p. 23.

[3] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1.

[4] ĠU L 262, tat-27.9.1976, p. 1.

[5] Il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa, Dokument E/KEE/324, l-Addendum 3, l-Emenda 1 tad-29 ta’ Ottubru 1975.

--------------------------------------------------

Lista ta’ l-Annessi

L-Anness 0 | —Definizzjoni, speċifikazzjonijiet ġenerali, il-kulur tad-dawl mitfugħ, l-angolu ta’ l-inċidenza, il-proċedura tal-kejl, il-karatteristiċi fotometriċi, il-konformità tal-produzzjoni |

L-Anness I | Il-ħtiġiet ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent u ta’ l-immarkarAppendiċi: Eżempju tal-marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent |

L-Anness II | —Il-mudell taċ-ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent, |

L-Anness III | —Il-punti tal-kejl għall-iskopijiet tat-testijiet |

L-Anness IV | —Il-medda minima tal-viżibiltà tal-wiċċ li għandu jkun illuminat |

--------------------------------------------------