31976L0758



Official Journal L 262 , 27/09/1976 P. 0054 - 0070
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 5 P. 0083
Greek special edition: Chapter 13 Volume 4 P. 0025
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 5 P. 0083
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 5 P. 0093
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 5 P. 0093


Id-Direttiva tal-Kunsill

tas-27 ta’ Lulju 1976

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-fanali li jimmarkaw it-tmiem tat-tarf, il-fanali ta’ pożizzjoni ta’ quddiem (tal-ġenb), il-fanali ta’ pożizzjoni ta’ wara (tal-ġenb) u l-fanali tal-waqfien għal vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom

(76/758/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi l-ħtiġiet tekniċi li għandhom jissodisfaw vetturi bil-mutur skond il-liġijiet nazzjonali jirrelataw inter alia għall-fanali li jimmarkaw it-tmiem tat-tarf tagħhom,il-fanali ta’ pożizzjoni ta’ quddiem (tal-ġenb), il-fanali ta’ pożizzjoni ta’ wara (tal-ġenb), u fanali tal-waqfien;

Billi dawk il-ħtiġiet jiddiferixxu minn Stat Membru għal ieħor; billi huwa meħtieġ għaldaqstant li l-Istati Membri kollha jadottaw l-istess ħtiġiet jew b’żieda ma’ jew minflok ir-regolamenti eżistenti tagħhom, sabiex, b’mod partikolari, jippermettu li l-proċedura ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE li kienet is-suġġett tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 70/156/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [3], tiġi introdotta fir-rigward ta’ kull tip ta’ vettura;

Billi, fid-Direttiva 76/756/KEE [4], il-Kunsill stipula l-ħtiġiet komuni għall-istallazzjoni ta’ mezzi ta’ dawl u ta’ sinjalazzjoni bid-dawl fuq vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom;

Billi proċedura ta’ l-approvazzjoni tat-tip armonizzata għall-fanali ta’ pożizzjoni ta’ quddiem (tal-ġenb), fanali ta’ pożizzjoni ta’ wara (tal-ġenb) u fanali tal-waqfien tagħmilha possibbli għal kull Stat Membru u sabiex tiċċekkja l-konformità mal-ħtiġiet ta’ kostruzzjoni u ttestjar komuni u li jinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar is-sejbiet tiegħu billi jibgħat kopja taċ-ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip mimli għal kull tip ta’ fanal ta’ pożizzjoni ta’ quddiem (tal-ġenb), fanal tal-pożizzjoni ta’ wara (tal-ġenb) u fanal tal- waqfien; billi t-tqegħid ta’ marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE fuq il-fanali kollha manifatturati f’konformità mat-tip approvat ineħħi kull bżonn għal verifiki tekniċi fuq dawn il-fanali ta’ pożizzjoni ta’ quddiem (tal-ġenb), fanali ta’ pożizzjoni ta’ wara (tal-ġenb) u fanali tal-waqfien fl-Istati Membri l-oħra;

Billi huwa mixtieq li jittieħed kont tal-ħtiġiet tekniċi adottati mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-NU fir-Regolament tagħha Nru 7 ("Dispożizzjonijiet uniformi għall-approvazzjoni ta’ fanali ta’ pożizzjoni ta’ quddiem (tal-ġenb), fanali ħomor ta’ wara u fanali tal-waqfien għall-vetturi bil-mutur" [5], li hu anness mal-Ftehim ta’ l-20 ta’ Marzu 1958 li jikkonċerna l-adozzjoni ta’ kundizzjonijiet uniformi għall-approvazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku ta’ tagħmir u ta’ partijiet ta’ vetturi bil-mutur;

Billi l-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li jirrelataw ma’ vetturi bil-mutur tinvolvi r-rikonoxximent reċiproku mill-Istati Membri dwar il-verifiki li jkunu saru minn kull wieħed minnhom abbażi tal-ħtiġiet komuni,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Stati Membri għandhom jagħtu l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE fir-rigward ta’ kull tip ta’ fanal ta’ pożizzjoni ta’ quddiem (tal-ġenb), fanal ta’ pożizzjoni ta’ wara (tal-ġenb) u fanal tal-waqfien li jissodisfa l-ħtiġiet ta’ kostruzzjoni u testjar stipulati fl-Annessi 0, I, III, IV u V.

2. L-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jivverifika li mudelli tal-produzzjoni jikkonformaw mat-tip approvat, safejn dan huwa meħtieġ u jekk hemm bżonn f’koperazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri l-oħra. Din il-verifika għandha tkun limitata għal investigazzjonijiet saltwarji.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom, għal kull tip ta’ fanal ta’ pożizzjoni ta’ quddiem (tal-ġenb), fanal ta’ pożizzjoni ta’ wara (tal-ġenb) u fanal tal-waqfien li japprovaw skond l-Artikolu 1, jagħtu lill-manifattur, jew lir-rappreżentat awtorizzat tiegħu, marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent li tikkonforma mal-mudell muri fl-Anness III.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jipprevjenu l-użu ta’ marki li jistgħu joħolqu konfużjoni bejn fanali ta’ pożizzjoni ta’ quddiem (tal-ġenb), pożizzjoni ta’ wara (mal- ġenb) u fanali tal-waqfien li jkunu ġew approvati skond l-Artikolu 1, u mezzi oħrajn.

Artikolu 3

1. L-ebda Stat Membru ma jista jipprojibixxi t-tqegħid fis-suq ta’ fanali ta’ pożizzjoni ta’ quddiem (tal-ġenb), fanali ta’ pożizzjoni ta’ wara (tal-ġenb) u fanali tal-waqfien għal raġunijiet li jirrelataw mal-kostruzzjoni jew il-metodu ta’ funzjonar tagħhom jekk dawn għandhom il-marka ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE tal-komponent.

2. Madankollu, Stat Membru jista’ jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ fanali ta’ pożizzjoni ta’ quddiem (tal-ġenb), fanali ta’ pożizzjoni ta’ wara (tal-ġenb) u fanali tal-waqfien li fihom il-marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent li b’mod konsistenti jonqsu milli jikkonformaw mat-tip approvat.

Dak l-Istat għandu jinforma minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bil-miżuri mittieħda, u għandu jispeċifika r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

Artikolu 4

L-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru għandhom jibagħtu lil awtoritajietr kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra, fi żmien xahar, kopja taċ-ċertifikati ta’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ komponent, li jingħata eżempju tagħhom fl-Anness II, mimlijin għal kull tip ta’ fanali ta’ pożizzjoni ta’ quddiem (tal-ġenb), fanali ta’ pożizzjoni ta’ wara (tal-ġenb), u fanal tal-waqfien li japprovaw jew li jirrifjutaw li japprovaw.

Artikolu 5

1. Jekk l-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent isib li numru ta’ fanali ta’ pożizzjoni ta’ waħda quddiem (tal-ġenb), fanali ta’ pożizzjoni ta’ wara (tal-ġenb) u fanali tal-waqfien li għandhom l-istess marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent ma jikkonformawx mat-tip li jkun approva, għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-mudelli tal-produzzjoni jikkonformaw mat-tip aprovat. L-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat għandhom javżaw lil dawk ta’ l-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri meħudha, li jistgħu, fejn hemm nuqqas ta’ konformità b’mod konsistenti, jestendu għall-irtirar ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent. L-awtoritajiet imsemmijin għandhom jieħdu l-istess miżuri jekk huma infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor dwar dan in-nuqqas ta’ konformità.

2. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin, fi żmien xahar, dwar kull irtirar ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent, u dwar ir-raġunijiet għal din il-miżura.

Artikolu 6

Kull deċiżjoni meħuda skond id-dispożizzjonijiet adottati fl-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva, sabiex tiġi rrifjutata jew irtirata approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent għal kull tip ta’ fanal ta’ pożizzjoni ta’ quddiem (tal-ġenb), fanali ta’ pożizzjoni ta’ wara (tal-ġenb) u fanali tal-waqfien jew biex tipprojibixxi t-tqegħid tagħhom fis-suq jew l-użu tagħhom, għandha tagħti bid-dettall ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jiġu notifikati lill-parti konċernata, li għandha fl-istess ħin tkun infurmata dwar ir-rimedji disponibbli lilha fil-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri u dwar il-limiti taż-żmien permess għall-eżerċizzju ta’ dawn ir-rimedji.

Artikolu 7

L-ebda Stat Membru ma jista’ jirrifjuta li jagħti approvazzjoni tat-tip tal-KEE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali ta’ vettura għal raġunijiet relatati mal-fanali li jimmarkaw tmiem it-tarf, fanali ta’ pożizzjoni ta’ quddiem (tal-ġenb), fanali ta’ pożizzjoni ta’ wara (tal-ġenb) u fanali tal-waqfien tagħha jekk dawn għandhom il-marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent u jekk dawn huma mwaħħlin b’mod konformi mal-ħtiġiet stipulati fid-Direttiva 76/756/KEE.

Artikolu 8

L-ebda Stat Membru ma jista’ jirrifjuta jew jipprojbixxi l-bejgħ, ir-reġistrazzjoni, id-dħul fis-servizz jew l-użu ta’ kull vettura għal raġunijiet relatati mal-fanali li jimmarkaw tmiem it-tarf, fanali ta’ pożizzjoni ta’ quddiem (tal-ġenb), fanali ta’ pożizzjoni ta’ wara (tal-ġenb) u fanali tal-waqfien tagħha jekk dawn għandhom il-marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent u jekk dawn huma mwaħħlin b’mod konformi mal-ħtiġiet stipulati fid-Direttiva 76/756/KEE.

Artikolu 9

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, "vettura" tfisser kull vettura bil-mutur maħsuba għall-użu fit-triq, bil-karozzerija jew mingħajrha, li għandha mill-inqas erba’ roti u veloċità massima ddisinjata ta’ aktar minn 25km/siegħa u l-karrijiet tagħha, bl-eċċezzjoni ta’ vetturi li jimxu fuq il-linji, tratturi jew makkinarju għall-agrikoltura, u vetturi tax-xogħlijiet pubbliċi.

Artikolu 10

Kull emenda neċessarja sabiex taġġusta l-ħtiġiet ta’ l-Annessi sabiex jieħdu kont tal-progress tekniku għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE.

Artikolu 11

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw id-dispożizzjoni meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Lulju 1977 u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih b’dan. Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet b’effett mill-1 ta’ Ottubru 1977 l-aktar tard.

2. Ladarba din id-Direttiva tkun ġiet notifikata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-Kummissjoni hija infurmata, fiż-żmien suffiċjenti sabiex tkun tista’ tissottometti l-kummenti tagħha dwar kull abbozz ta’ liġi, regolament jew dispożizzjoniji amministrattiva li jipproponu li jddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 12

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-27 ta’ Lulju 1976.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Van der Stoel

[1] ĠU C 76, tas-7.4.1975, p.37.<0}

[2] ĠU C 255, tas-7.11.1975, p. 3.

[3] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1.<0}

[4] ĠU L 262, tas- 27.9.76, p. 1.

[5] Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa, Dokument E/ECE/324, Addendum 6 tat-22 ta’ Mejju 1967 b’żieda tal-Korrezzjoni 1 tad-9 ta’ Frar 1971.

--------------------------------------------------

Lista ta’ l-Annessi

L-Anness 0 | – Definizzjonijiet, speċifikazzjonijiet ġenerali, intensità ta’ dawl mitfugħ, proċedura tat-test, kulur tad-dawl mitfugħ, konformità tal-produzzjoni (), notament li jikkonċerna l-kulur |

L-Anness I | – Fanali ta’ pożizzjoni ta’ quddiem (tal-ġenb), fanali ta’ pożizzjoni ta’ wara (tal-ġenb) u fanali tal-waqfien: angoli minimi meħtieġa għad-distribuzzjoni tad-dawl fl-ispazju () |

L-Anness II | – Mudell ta’ ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent |

L-Anness III | – Ħtiġiet ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent u ta’ l-immarkar Appendiċi: Eżempji tal-marki ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ komponent |

L-Anness IV | – Kejl fotometriku () |

L-Anness V | – Kulur tad-dawl mitfugħ: koordinati trikromatiċi () |

--------------------------------------------------