31976L0160



Official Journal L 031 , 05/02/1976 P. 0001 - 0007
Greek special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0108
Spanish special edition: Chapter 15 Volume 1 P. 0133
Portuguese special edition Chapter 15 Volume 1 P. 0133
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 2 P. 0003
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 2 P. 0003


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-8 ta’ Diċembru 1975

dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm

(76/160/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li konsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 100 u 235 tiegħu,

Wara li konsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li konsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi, sabiex jiġu mħarsa l-ambjent u s-saħħa pubblika, jeħtieġ li jitnaqqas it-tniġġiż ta’ l-ilma għall-għawm u li dan l-ilma jiġi mħares minn deterjorament akbar;

Billi s-sorveljanza ta’ l-ilma għall-għawm hija meħtieġa sabiex jintlaħqu, fil-qafas ta’ l-operazzjoni tas-suq komuni, l-miri Komunitarji fir-rigward tat-titjib tal-kondizzjonijiet ta’ l-għajxien, l-iżvilupp armonjuż ta’ l-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità kollha u l-espansjoni kontinwa u bilanċjata;

Billi f’dan il-qasam jeżistu ċerti liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi fl-Istati Membri li jaffettwaw direttament il-mod kif jaħdem is-suq komuni; billi, madankollu, mhux is-setgħat kollha meħtieġa biex tittieħed azzjoni b’dan il-mod huma provduti fit-Trattat;

Billi l-programm ta’ azzjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-ambjent [3] jipprovdi li miri għall-kwalità għandhom jiġu mfassla flimkien sabiex jiġu stabbiliti l-ħtiġiet diversi li ambjent irid jissodisfa, inter alia d-definizzjoni tal-parametri għall-ilma, inkluż l-ilma għall-għawm;

Billi, sabiex jintlaħqu dawn il-miri tal-kwalità, l-Istati Membri jridu jistabbilixxu l-valuri ta’ limitu li jikkorrispondu ma’ ċerti parametri; billi l-ilma għall-għawm trid tikkonforma ma’ dawn il-valuri fi żmien 10 snin wara n-notifika ta’ din id-Direttiva;

Billi għandu jiġi pprovdut li l-ilma għall-għawm għandu, taħt ċerti kondizzjonijiet, jitqies li jikkonforma mal-valuri parametriċi relevanti anki jekk ċertu perċentwal tal-kampjuni meħuda waqt l-istaġun ta’ l-għawm ma jikkonformax mal-limiti speċifikati fl-Anness;

Billi, sabiex jinkiseb ċertu grad ta’ flessibilità fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jrid ikollhom is-setgħa li jipprovdu għal derogi; billi dawn id-derogi ma jistgħux, madankollu, ma jagħtux kas ta’ ħtiġiet li huma essenzjali għall-ħarsien tas-saħħa pubblika;

Billi l-progress tekniku joħloq il-ħtieġa għal adattament rapidu tal-ħtiġiet tekniċi stabbiliti fl-Anness; billi, sabiex tiġi mħaffa l-introduzzjoni tal-miżuri meħtieġa għal dan il-għan, għandha tiġi provduta proċedura li permezz tagħha tiġi stabbilità kooperazzjoni mill-viċin bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan Kumitat dwar l-Adattament għall-Progress Tekniku;

Billi l-interess pubbliku fl-ambjent u fit-titjib tal-kwalità tiegħu qiegħed jiżdied; billi l-pubbliku għandu għalhekk jingħata tagħrif oġġettiv dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Din id-Direttiva tikkonċerna l-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm, bl-eċċezzjoni ta’ l-ilma maħsub għal skopijiet terapewtiċi u l-ilma wżat fil-pixxini.

2. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

a) "ilma għall-għawm" ifisser kull ilma ħelu ġieri jew mhux jew partijiet minnu u ilma baħar, li fihom:

- l-għawm huwa awtorizzat b’mod espliċitu mill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat membru, jew

- l-għawm mhux ipprojbit u huwa normalment prattikat minn numru kbir ta’ għawwiema;

(b) "żona ta’ l-għawm" tfisser kull post fejn jinsab l-ilma għall-għawm;

(ċ) "staġun ta’ l-għawm" ifisser il-perjodu meta jiġi mistenni numru kbir ta’ għawwiema, minħabba d-drawwiet lokali, u kull regola lokali li tista’ teżisti dwar il-kondizzjonijiet tal-għawm u tat-temp.

Artikolu 2

Il-parametri fiziċi, kimiċi u mikrobijoloġiċi applikabbli għall-ilma għall-għawm huma stabbiliti fl-Anness li jifforma parti integrali minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, għaż-żoni kollha tal-għawm jew għall kull żona tal-għawm individwali, l-valuri applikabbli għall-ilma għall-għawm għall-parametri stabbiliti fl-Anness.

Fil-każ tal-parametri li għalihom ma hemmx valuri stabbiliti fl-Anness, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistabbilixxu ebda valur skond l-ewwel subparagrafu, sakemm jasal iż-żmien li ċ-ċifri jkunu determinati.

2. Il-valuri stabbiliti skond il-paragrafu 1 ma jistgħux ikunu inqas stretti minn dawk mogħtija fil-kolonna 1 ta’ l-Anness.

3. Fejn il-valuri huma mogħtija fil-kolonna G ta’ l-Anness, kemm jekk ikun hemm valur li jikorrispondi fil-kolonna I ta’ l-Anness u kemm jekk le, l-Istati membri għandhom jippruvaw, bla ħsara għall-Artikolu 7, josservawhom bħala linji-gwida.

Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, fi żmien 10 snin min-notifikazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-kwalità ta’ ilma għall-għawm tikkonforma mal-valuri ta’ limitu stabbiliti skond l-Artikolu 3.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, f’dawk iż-żoni għall-għawm mgħammra b’mod speċjali għall-għawm li jridu jsiru mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, il-"valuri I" stabbiliti fl-Anness iridu jiġu osservati miż-żmien meta jiġi permess l-għawm għall-ewwel darba. Madankollu, għaż-żoni għall-għawm magħmula matul is-sentejn ta’ wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, dawn il-valuri ma għandhomx bżonn jiġu osservati qabel it-tmiem ta’ dak il-perjodu.

3. F’ċirkostanzi eċċezzjonali l-Istati Membri jistgħu jagħtu derogi fir-rigward tal-limitu taż-żmien ta’ 10 snin stabbilit fil-paragrafu 1. Il-ġustifikazzjonijiet għal kull deroga ta’ din ix-xorta li jkunu msejsa fuq il-pjanijiet għall-immaniġġjar ta’ l-ilma fiż-żona interessata jridu jiġu komunikati lill-Kummissjoni kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard minn sitt snin wara n-notifika ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha teżamina sewwa dawn il-ġustifikazzjonijiet u, fejn meħtieġ, għandha tagħmel proposti xierqa dwarhom lill-Kunsill.

4. Fir-rigward ta’ l-ilma baħar fil-qrib tal-fruntieri u l-ilma li jaqsam il-fruntieri li jaffettwaw il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm ta’ Stat Membru ieħor, il-konsegwenzi għall-miri tal-kwalità komuni għaż-żoni ta’ l-għawm affettwati b’dan il-mod għandhom jiġudeċiżi b’kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri tax-xtut konċernati.

Il-Kummissjoni tista’ tipparteċipa f’dawn id-deliberazzjonijiet.

Artikolu 5

1. Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 4, l-ilma għall-għawm għandu jiġi meqjus li jikkonforma mal-parametri relevanti:

jekk kampjuni ta’ dan l-ilma, meħuda fl-istess punt tat-teħid tal-kampjuni u fl-intervalli speċifikati fl-Anness, juru li jikkonformaw mal-valuri parametriċi għall-kwalita’ ta’ l-ilma kkonċernat, fil-każ ta’:

- 95 % tal-kampjuni għall-parametri li jikkorrispondu ma’ dawk speċifikati fil-kolonna I ta’ l-Anness;

- 90 % tal-kampjuni fil-każijiet l-oħra kollha bl-eċċezzjoni tal-parametri għall-"koliformi totali" u għall-"koliformi feċċali" fejn il-perċentwal jista’ jkun ta’ 80 %

u jekk, fil-każ tal-5, 10 jew 20 % tal-kampjuni li ma jikkonformawx:

- l-ilma ma jiddevjax mill-valuri parametriċi interessati b’aktar minn 50 %, għajr għall-parametri mikrobijoloġiċi, il-pH u s-soluzzjoni ta’ l-ossiġnu;

- kampjuni ta’ l-ilma konsekuttivi meħuda f’intervalli statistikament adattati ma jiddevjawx mil-valuri parametriċi relevanti.

2. Devjazzjonijiet mill-valuri riferiti fl-Artikolu 3 ma għandhomx jiġu meqjusa meta jiġi kalkolat il-perċentwal riferit fil-paragrafu 1 meta jkunu r-riżultat ta’ għargħar, diżastri naturali oħra jew kondizzjonijiet tat-temp mhux normali.

Artikolu 6

1. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom jieħdu l-kampjuni, bil-frekwenza minima li hemm stabbilità fl-Anness.

2. Il-kampjuni għandhom jittieħdu f’postijiet fejn id-densità medja ta’ kuljum tal-għawwiema hija l-aktar għolja. Huwa preferibbli li l-kampjuni jittieħdu 30 ċm l-isfel minn wiċċ l-ilma għajr għall-kampjuni taż-żejt minerali li għandhom jittieħdu mill-wiċċ. It-teħid tal-kampjuni għandu jibda’ ġimagħtejn qabel il-bidu ta’ l-istaġun ta’ l-għawm.

3. Investigazzjoni lokali tal-kondizzjonijiet aktar il-fuq minn fejn ikun ġej l-ilma fil-każ ta’ l-ilma ħelu ġieri, u tal-kondizzjoni tad-dwarijiet fil-każ ta’ l-ilma ħelu li mhux ġieri u ta’ l-ilma baħar għandha ssir b’reqqa kbira u għandha terġa’ ssir kull tant żmien sabiex tinkiseb l-informazzjoni ġeografika u topografika u sabiex jiġu kalkolati l-volum u x-xorta ta’ l-iskariki kollha li jniġġsu jew li jistgħu jniġġsu u l-effetti tagħhom skond id-distanza miż-żona tal-għawm.

4. Jekk xi spezzjoni minn awtorità kompetenti jew it-teħid tal-kampjuni juru li hemm skariku jew probabbiltà ta’ skariku ta’ sustanzi li aktarx ibaxxu l-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm, iridu jittieħdu kampjuni addizzjonali. Dan it-teħid ta’ kampjuni addizzjonali jrid iseħħ ukoll jekk ikun hemm xi raġunijiet oħra biex wieħed jissuspetta li hemm tnaqqis fil-kwalità ta’ l-ilma.

5. Metodi ta’ referenza għall-analiżi tal-parametri konċernati huma stabbiliti fl-Anness. Laboratorji li jużaw metodi oħra jridu jiżguraw illi r-riżultati miksuba jkunu ekwivalenti jew komparabbli ma’ dawk speċifikati fl-Anness.

Artikolu 7

1. L-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda skond din id-Direttiva taħt ebda ċirkostanza ma jistgħu jwasslu, la b’mod dirett u lanqas b’mod indirett, għad-deterjorazzjoni tal-kwalita’ presenti ta’ l-ilma għall-għawm.

2. L-Istati Membri dejjem jistgħu jistabbilixxu valuri għall-ilma għall-għawm aktar stretti minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

Artikolu 8

Din id-Direttiva tista’ tiġi rinunzjata:

(a) fil-każ ta’ ċerti parametri markati (0) fl-Anness, minħabba kondizzjonijiet eċċezzjonali tat-temp jew ġeografiċi;

(b) meta l-ilma għall-għawm jiġi arrikkit b’mod naturali b’ċerti sustanzi li jikkawżaw devjazzjoni mill-valuri stabbiliti fl-Anness.

L-arrikkament naturali jfisser il-proċess illi permezz tiegħu, mingħajr l-intervent tal-bniedem, volum partikolari ta’ ilma jirċievi mill-ħamrija ċerti sustanzi li jinsabu fiha.

L-eċċezzjonijiet ipprovvduti f’dan l-Artikolu ma jistgħu fl-ebda każ jinjoraw il-ħtiġiet essenzjali għall-ħarsien tas-saħħa pubblika.

Meta Stat Membru jirrinunzja d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni minnufih, u għandu jiddikjara r-raġunijiet tiegħu u l-perjodi antiċipati.

Artikolu 9

Dawk l-emendi meħtieġa sabiex din id-Direttiva tiġi adattata għall-progress tekniku għandhom jikonċernaw:

- il-metodi ta’ l-analiżi

- il-valuri parametriċi G u I stabbiliti fl-Anness.

Għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilità fl-Artikolu 11.

Artikolu 10

1. B’dan qiegħed jiġi stabbilit Kumitat dwar l-Adattazzjoni għall-Progress Tekniku (hawn taħt imsejjaħ "il-kumitat"). Għandu jikkonsisti mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u għandu jkun ippresedut minn rappresentant tal-Kummissjoni.

2. Il-kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu.

Artikolu 11

1. Fejn il-proċedura stabbilità f’dan l-Artikolu trid tiġi segwita, kull kwistjoni għandha tiġi riferità lill-kumitat mill-President, fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li jkunu se jiġu adottati. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President wara li jkun ikkonsidra l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjonijiet għandhom jiġu adottati b’maġġoranza ta’ 41 vot, u l-voti ta’ l-Istati Membri għandhom ikunu peżati kif provdut fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-President ma għandux jivvota.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk dawn ikunu jaqblu ma’ l-opinjoni tal-kumitat.

(b) Fejn il-miżuri maħsuba ma jkunux jaqblu ma’ l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ma tiġi adottata ebda opinjoni, l-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tipproponi lill-Kunsill il-miżuri li jridu jiġu adottati. Il-Kunsill għandu jivvota bil-maġġoranza kwalifikata.

(ċ) Jekk il-Kunsill ma jkunx aġixxa fi żmien tliet xhur wara li l-proposta tkun ġiet sottomessa lilu, l-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

Artikolu 12

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien sentejn minn meta tkun notifikata. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testijiet tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali adottata fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 13

Erba’ snin wara n-notifika ta’ din id-Direttiva u f’intervalli regolari wara dan, l-Istati Membri għandhom jissottomettu rapport komprensiv lill-Kummissjoni dwar l-ilma għall-għawm tagħhom u dwar il-karatteristiċi l-aktar sinifikanti tiegħu.

Wara li jkun inkiseb il-kunsens ta’ l-Istat Membru konċernat il-Kummissjoni tista’ tippubblika l-informazzjoni miksuba.

Artikolu 14

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fit-8 ta’ Ġunju 1975.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Pedini

[1] ĠU C 128, tad-9.6.1975, p. 13.

[2] ĠU C 286, tal-15.12.1975, p. 5.

[3] ĠU C 112, ta’ l-20.12.1973, p. 3

--------------------------------------------------

ANNESS

IL-ĦTIĠIET TAL-KWALITÀ TA’ L-ILMA GĦALL-GĦAWM

G = gwida

I = obbligatorja

| Parametri | G | 1 | Il-frekwenza minima tat-teħid tal-kampjuni | Il-metodu ta’ l-analiżi u ta’ l-ispezzjoni |

| |

Mikrobijoloġiċi:

1 | Koliformi totali | /100ml | 500 | 10000 | Kull ġimagħtejn | Fermentazzjoni f’tubi multipli ta’ l-ittestjar. Subkoltura tat-tubi posittivi fuq medju ta’ konferma. L-għadd skond l-NIP (in-numru l-aktar probabbli) jew il-filtrazzjoni bil-membrana u l-koltura fuq medju adattat bħall-aġar tal-lattosju Tergitol, l-aġar endo, 0.4 % meraq tat-Teepol, is-subkoltura u l-identifikazzjoni tal-kolonji suspettati. Fil-każ tal-punti 1 u 2, it-temperatura ta’ l-inkubazzjoni tvarja skond jekk ikunux qegħdin jiġu investigati l-koliformi totali jew il-koliformi fekali |

2 | Koliformi fekali | /100ml | 100 | 2000 | Kull ġimagħtejn |

3 | Streptokokki fekali | /100ml | 100 | - | | Il-metodu Litski. L-għadd skond l-NIP (in-numru l-aktar probabbli) jew il-filtrazzjoni fuq membrana. Koltura fuq medju adattat. |

4 | Salmonella | /1 litru | - | 0 | | Konċentrazzjoni permezz tal-filtrazzjoni bil-membrana. Tilqim fuq medju standard. Is-subkoltura arrikkità fuq l-identifikazzjoni ta’ l-aġar iżolanti |

5 | Virusijiet li jidħlu fis-sistema mill-musrana | PFU/10 litri | - | 0 | | Konċentrazzjoni permezz tal-filtrazzjoni, tal-flokkulazzjoni jew ta’ azzjoni ċentrifuga u l-konfermazzjoni. |

Fiżjokimiċi:

6 | pH | | - | 6 sa 9 | | Elettrometrija b’kalibrazzjoni ta’ pH 7 u 9. |

7 | Kulur | | - | Ebda tibdil abnormali fil-kulur | Kull ġimagħtejn | Spezzjoni viżiva jew fotometrija b’livelli fuq l-iskala Pt.Co |

| | | - | - | | |

8 | Żjut minerali | mg/litru | - | Ebda żejt ma jidher f’wiċċ l-ilma u ebda riħa | Kull ġimagħtejn | Spezzjoni viżwali u bix-xamm jew estrazzjoni bl-użu ta’ volum adegwat u fejn jintiżen il-fdal niexef. |

| | | ≤ 0.3 | - | | |

9 | Sustanzi attivi fuq il-wiċċ metilin blu | g/litru (li jirreaġixxu mal-lauryl bis-sulfat) | - | Ebda rawa li ddum | Kull ġimagħtejn | Spezzjoni viżwali jew spettrofotometrija ta’ l-assorbiment bil-metilin blu. |

| | | ≤ 0.3 | - | | |

10 | Aċidi karboliċi (l-indiċi ta’ l-aċidu karboliku) | mg/litru C6H5OH | - | Ebda riħa speċifika | Kull ġimagħtejn | Verifikazzjoni tan-nuqqas ta’ riħa speċifika minħabba l-aċidu karboliku jew il-metodu ta’ l-ispettrofotometrija 4-aminoantupirina (4 AAP). |

| | | ≤ 0 005 | ≤ 0.05 | | |

11 | Trasparenza | m | 2 | 1 | Kull ġimagħtejn | Id-disk ta’ Secchi. |

12 | Soluzjoni ta’ l-ossiġnu | % saturazzjoni O2 | 80 sa 120 | - | | Il-metodu ta’ Winkler jew metodu elettrometriku (miter ta’ l-ossiġnu). |

13 | Residwi taż-żift u materjali li jżommu f’wiċċ l-ilma bħal injam, oġġetti tal-plastik, fliexken, kontenituri tal-ħġieġ, plastik, lastku jew ta’ kull sustanza oħra. Skart jew laqx | Nuqqas | | Kull ġimagħtejn | Spezzjoni viżwali |

14 | Ammonja | mg/litru NH4 | | | | Spettrofotometrija ta’ l-assorbiment, il-metodu ta’ Nessler, jew il-metodu ta’ l-indofenolu blu. |

15 | Nitroġenu Kjedahl | mg/litru N | | | | Il-metodu Kjedahl. |

Sustanzi oħra konsidrati bħala indikazzjonijiet tat-tniġġiż

16 | Perstiċidi (paratjon, HCH, dieldrin) | mg/litru | | | | Estrazzjoni b’solventi xierqa u determinazzjoni kromatografika |

17 | Metalli tqal bħal: | | | | |

| -arseniku | mg/litru As | | | | Assorbiment atomiku possibbilment preċedut b’estrazzjoni |

| -kadmju | Cd | | | |

| -kromju VI | Cr VI | | | |

| -ċomb | Pb | | | |

| -merkurju | Hg | | | |

18 | Ċjanuri | mg/litru Cn | | | | Spettrofotometrija ta’ l-assorbiment permezz ta’ aġent speċifiku |

19 | Nitrati u fosfati | mg/litru NO3 PO4 | | | | Spettrofotometrija ta’ l-assorbiment permezz ta’ reaġent speċifiku |

--------------------------------------------------