31975R3279



Official Journal L 326 , 18/12/1975 P. 0001 - 0003
Greek special edition: Chapter 03 Volume 14 P. 0130
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 9 P. 0220
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 9 P. 0220


Regolament (KEE) Nru 3279/75 Tal-Kunsill

tas-16 ta’ Diċembru 1975

dwar l-istandardizzazzjoni tat-trattament applikat mill-Istati Membri individwali għall-importazzjonijiet minn pajjiżi mhux membri ta’ siġar ħajjin u pjanti oħra, basal, għeruq u simili, fjuri maqtugħa u weraq ornamentali

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 23/68 tas-27 ta’ Frar 1968 dwar it-twaqqif ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq f’siġar ħajjin u pjanti oħra, basal, egħruq u simili, fjuri maqtugħa u weraq ornamentali, u b’mod partikolari Artikolu 8 tiegħu, [1]

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi Artikolu 8(2) tar-Regolament (KEE) Nru 234/68 jipprovdi li d-dispożizzjonijiet meħtieġa għandhom jiġu adottati għall-kordinament u standardizzazzjoni tas-sistemi ta’ importazzjoni applikabbli minn kull Stat Membru fir-rigward ta’ pajjiżi mhux membri;

Billi t-twaqqif ta’ sistema komuni ta’ importazzjoni għal siġar ħajjin u pjanti oħra, basal, egħruq u simili, fjuri maqtugħa u weraq ornamentali kif hemm provdut taħt l-imsemmi Regolament jinħtieġ, għal importazzjonijiet minn pajjiżi mhux membri, l-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi, miżuri li jkollhom effetti simili, u taxxi li għandhom effett ekwivalenti għad-dazji doganali;

Billi, b’dana kollu, huwa meħtieġ li jiġu limitati r-riskji li jistgħu jinqalgħu mit-tneħħija fil-kummerċ ma’ pajjiżi mhux membri tar-restrizzjonijiet tal-kwantitajiet jew miżuri b’effett ekwivalenti; billi l-prodotti in kwistjoni għandhom għalhekk jiddaħħlu fl-iskop tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 109/70 [2] tad-19 ta’ Diċembru 1969 li jwaqqaf regoli dettaljati għall-importazzjonijiet minn pajjiżi ta’ kummerċ mill-Istat, u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1439/74 [3] tal-4 ta’ Ġunju 1974 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn pajjiżi mhux membri;

Billi b’żieda għandhom isiru dispożizzjonijiet, dwar prodotti partikolarment sensittivi, għat-twaqqif ta’ sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni li jkunu jinħtieġu li tingħata garanzija, li tiggarantixxi impenn għall-importazzjoni matul il-perijodu ta’ validità tal-liċenzja,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT

Artikolu 1

1. Ħlief kif provdut xort’oħra fir-Regolament (KEE) Nru 234/68 u f’dan ir-Regolament jew kif deċiż xort’oħra mill-Kunsill waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni skond il-proċedura ta’ votazzjoni li għaliha jipprovdi Artikolu 43(2) tat-Trattat, għandu jkun projbit, dwar il-prodotti li jaqgħu taħt Kapitolu 6 tat-Tariffa Komuni Doganali importati minn pajjiżi mhux membri:

- l-impożizzjoni ta’ xi ħlas li jkollu effett ekwivalenti għad-dazju doganali,

- l-applikazzjonijiet ta’ kull restrizzjoni kwantitattiva jew xi miżuri oħra li jkollha effett ekwivalenti.

2. Iżda, għall-ward u l-qronfol li jaqgħu fis-subintestatura ex 06.03 A tat-Tariffa Komuni Doganali, l-Istati Membri jistgħu, sal-31 ta’ Diċembru 1977, iżommu l-miżuri li kienu japplikaw fl-1 ta’ Jannar 1974 għall-importazzjonijiet ta’ dawn il-prodotti li joriġinaw minn pajjiżi mhux membri, iżda ma jistgħux jagħmlu dawn il-miżuri aktar restrittivi.

3. Għall-friegħi mingħajr għeruq u żrameġ tad-dwieli u għall-pjanti tad-dwieli mlaqqma jew bl-għeruq li jaqgħu fl-intestatura Nru 06.02 tat-Tariffa Komuni Doganali, l-Istati Membri jistgħu jżommu l-miżuri li kienu japplikaw fl-1 ta’ Jannar 1974 għall-importazzjonijiet ta’ dawn il-prodotti li joriġinaw minn pajjiżi mhux membri, iżda ma jistgħux jagħmlu dawn il-miżuri aktar restrittivi. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw sal-iskadenza preskritta fid-dħul fis-seħħ fl-Istati Membri tal-miżuri meħtieġa għall-konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 74/649/KEE [4] tad-9 ta’ Diċembru 1974 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ materjal għall-propagazzjoni veġetali tad-dwieli prodotti f’pajjiżi terzi.

4. L-Istati Membri li għandhom il-ħsieb li jżommu l-miżuri li għalihom jirreferu l-paragrafi 2 u 3 għandhom javżaw lill-Kummissjoni b’dan qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

Artikolu 2

1. L-Anness li jinsab mar-Regolament (KEE) Nru 109/70 għandu jkun estiż għall-prodotti kollha li jaqgħu taħt Kapitolu 6 tat-Tariffa Komuni Doganali, li huma importati minn kull pajjiż msemmi fl-imsemmi l-Anness, ħlief dawk il-prodotti murija fl-Anness li jinsab ma’ dan ir-Regolament, għall-perijodi relatati fih.

2. Prodotti li jaqgħu taħt Kapitolu 6 tat-Tariffa Komuni doganali bl-eċċezzjoni tal-prodotti indikati fl-Anness li jinsab ma’ dan ir-Regolament għall-perijodi relatati fih, għandhom jiddaħħlu fil-lista komuni ta’ prodotti liberalizzati li jinsabu f’Anness I li jinsab mar-Regolament (KEE) Nru 1439/74.

3. Mingħajr preġudizzju għal xi miżuri miżmuma mill-Istati Membri bis-saħħa ta’ Artikolu 1, il-paragrafi 2 jew 3, it-Titoli II u III tar-Regolamenti (KEE) Nru 109/70 u (KEE) Nru 1439/74 għandhom japplikaw għall-prodotti murija fl-Anness li jinsab ma’ dan ir-Regolament għall-perijodi mniżżla fih. Iżda, meta prodott li, bis-saħħa ta’ Artikolu 1, il-paragrafi 2 jew 3, ikun suġġett għar-restrizzjonijiet nazzjonali jiġi importat f’xi Stat Membru, l-applikabbilità f’dak l-Istat Membru tad-dokumenti ta’ importazzjoni maħruġa taħt ir-Regolamenti (KEE) Nru 109/70 u (KEE) Nru 1439/74 għandhom ikunu suġġetti għall-produzzjoni ta’ dokument nazzjonali li jkun jikkorrispondi mal-awtorizzazzjoni minn qabel tal-importazzjoni.

Artikolu 3

1. L-importazzjonijiet kollha fil-Komunità ta’ prodotti suġġetti għall-miżuri ta’ sorveljanza bis-saħħa tat-Titolu III tar-Regolamenti (KEE) Nru 109/70 u (KEE) Nru 1439/74 jistgħu jsiru suġġetti, skond il-proċedura li għaliha jipprovdi Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 234/68, għall-produzzjoni ta’ ċertifikat ta’ importazzjoni li għandu jinħareġ mill-Istati Membri lil kull parti interessata li tapplika għal dik il-liċenzja, irrispettivament mill-lok fil-Komunità fejn ikun stabbilit. Dawn il-liċenzji għandhom ikunu validi għall-transazzjoni waħda mwettqa fil-Komunità. Iżda, għall-importazzjoni ta’ prodotti li, bis-saħħa ta’ Artikolu 1, il-paragrafi 2 jew 3, ikun suġġett għar-restrizzjonijiet nazzjonali f’xi Stat Membru, l-applikabbilità ta’ liċenzja f’dak l-Istat Membru għandha tkun suġġetta għall-produzzjoni ta’ document nazzjonali li jkun jikkorrispondi mal-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ l-importazzjoni.

2. Il-ħruġ ta’ liċenzja ta’ importazzjoni għandha tkun suġġetta għall-kondizzjoni ta’ għoti ta’ garanzija biex tiggarantixxi l-impenn li jiġu effettwati l-importazzjonijiet matul il-validità tal-liċenzja. Din il-garanzija tintilef, kollha kemm hi jew parti minnha, jekk l-importazzjonijiet ma jitwettqux jew jitwettqu biss f’parti minnhom matul dak il-perijodu.

3. Meta jiġi applikat il-paragrafu 1, il-miżuri ta’ sorveljanza applikati għal xi prodott bis-saħħa tar-Regolamenti (KEE) Nru 109/70 u (KEE) Nru 1439/74 għandu jiġu sospżi.

Artikolu 4

Il-perijodu ta’ validità tal-liċenzji u regoli oħra għall-applikazzjoni ta’ Artikolu 3, għandu jkun adottat skond il-proċedura mniżżla f’Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 234/68.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum li jiġi wara dak li fih jiġi publikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jkun japplika mill-1 ta’ Jannar 1976.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-16 ta’ Diċembru 1975.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Marcora

[1] ĠU L 55, tat-2.3.1968, p. 1.

[2] ĠU L 19, tas-26.1.1970, p. 1.

[3] ĠU L 159, tal-15.6.1974, p. 1.

[4] ĠU L 352, tat-28.12.1974, p. 45.

--------------------------------------------------

ANNESS

TKD Intestatura Nru | Deskrizzjoni tal-prodott | Perjodu |

ex 06.03 A | Ward | Sal-31 ta’ Diċembru 1977 |

ex 06.03 A | Qronfol | Sal-31 ta’ Diċembru 1977 |

ex 06.02 A | Pjanti tad-dwieli, mlaqqma jew bl-għeruq | Sal-iskadenza preskritta għad-dħul fis-seħħ fl-Istati Membri tal-miżuri meħtieġa biex titħares id-Direttiva 74/649/KEE |

06.02 B | Għall-friegħi mingħajr għeruq u żrameġ tad-dwieliSal-iskadenza preskritta għad-dħul fis-seħħ fl-Istati Membri tal-miżuri meħtieġa biex titħares id-Direttiva 74/649/KEE | Sal-iskadenza preskritta għad-dħul fis-seħħ fl-Istati Membri tal-miżuri meħtieġa biex titħares id-Direttiva 74/649/KEE |

--------------------------------------------------