Official Journal L 228 , 29/08/1975 P. 0026 - 0026
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 6 P. 0151
Greek special edition: Chapter 03 Volume 13 P. 0134
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 6 P. 0151
Direttiva Tal-Kummissjoni tal-25 Lulju 1975 li tillimita l-bejgħ taż-żerriegħa tal-mellieġ taz-zokk lixx (Poa Pratensis L.) għal żerriegħa li ġiet ċertifikata uffiċjalment "Żerriegħa Bażika" jew "Żerriegħa Ċertifikata" (75/502/KEE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill tal-14 Ġunju 1966 [1] dwar il-bejgħ ta’ żerriegħa tal-pjanta tal-għalf, kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kunsill tal-11 Diċembru 1973 [2], u b’ mod partikolari Artikolu 3(3) tal-istess, Billi d-Direttiva fuq imsemmija tippermetti l-bejgħ ta’ żerriegħa bażika, ċertifikata u kummerċjali tal-mellieġ taz-zokk lixx (Poa Pratensis L.); Billi Artikolu 3(3) tad-Direttiva jawtorizza lill-Kummissjoni biex tipprojbixxi l-bejgħ taż-żerriegħa tal-pjanta ta’ l-għalf jekk ma tiġix iċċertifikata uffiċjalment bħala "Żerriegħa Bażika" jew "Żerriegħa Ċertifikata"; Billi l-Istati Membri issa jipproduċu ammonti suffiċjenti ta’ żerriegħa bażika u ċertifikata sabiex jissodisfaw id-domanda għaż-żerriegħa tal-mellieġ taz-zokk lixx fil-Komunità; Billi huwa konsegwentement xieraq li ma jibqax jiġi permess il-bejgħ tal-mellieġ taz-zokk lixx wara li l-ħażniet li rriżultaw mill-kondizzjonijiet ta’ produzzjoni kurrenti jkunu ntużaw kollha; Billi l-miżuri li hemm ipprovdut dwarhom f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar Żerriegħa u Materjal ta’ Propagazzjoni għall-Agrikoltura, Ortikoltura u Forestrija, ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 L-Istati Membri jipprovdu li mill-1 ta’ Lulju 1976 mhux ser jibqa’ permess li tinbiegħ żerriegħa tal-mellieġ biz-zokk lixx (Poa Pratensis L.) jekk ma tkunx ġiet ċertifikata uffiċjalment bħala "Żerriegħa Bażika" jew "Zerriegħa Ċertifikata". Artikolu 2 L-Istati Membri għandhom, mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 1976, idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Għandhom jinformaw mill-ewwel lill-Kummissjoni dwar l-istess. Artikolu 3 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fil-25 ta’ Lulju 1975. Għall-Kummissjoni P. J. Lardinois Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU C 125, tal-11.7.1966, p. 2298/66. [2] ĠU L 356, tas-27.12.1973, p. 79. --------------------------------------------------