31974L0556



Official Journal L 307 , 18/11/1974 P. 0001 - 0004
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 1 P. 0163
Greek special edition: Chapter 06 Volume 1 P. 0180
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 1 P. 0163
Spanish special edition: Chapter 06 Volume 1 P. 0174
Portuguese special edition Chapter 06 Volume 1 P. 0174


Id-Direttiva Tal-Kunsill

ta’ l-4 ta’ Ġunju 1974

li tipprovdi dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw miżuri transitorji rigward l-attivitajiet, kummerċ fil- u distribuzzjoni ta’ prodotti tossiċi u attivitajiet li jintitolaw l-użu professjonali ta’ prodotti bħal dawn inklużi attivitajiet ta’ intermedjarji

(74/556/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 49, 54(2) 57, 63(2), 66 u 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Programm Ġenerali għall-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment [1], u partikolarment it-tieni u t-tielet paragrafi tat-Titolu V tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Programm Ġenerali għall-abolizzjoni ta’ restrizjonijiet fuq il-libertà li jkunu pprovduti servizzi [2], u partikolarment it-tieni u t-tielet paragrafi tat-Titolu VI tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [3],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [4],

Billi, apparti milli jagħmel dispożizzjonijiet dwar l-abolizzjoni tar-restrizzjonijiet, il-Programm Ġenerali jipprovdi li għandu jkun eżaminat jekk din l-abolizzjoni għandhiex tkun preċeduta, akkumpanjata jew segwita minn għarfien reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u kwalifiki formali oħra, u bil-koordinazjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jikkonċernaw il-bidu u l-insegwiment ta’ l-attivitajiet f’dak il-każ, u jekk, jekk ikun hemm il-ħtieġa, miżuri transitorji għandhomx ikunu adottati sakemm iseħħ dak l-għarfien jew koordinament; billi b’żieda ċerti Direttivi tal-Kunsill jikkonċernaw l-akkwist ta’ libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jkunu pprovduti servizzi għal adozzjoni ta’ direttivi li jikkonċernaw ir-rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-kummerċ fi u d-distribuzzjoni ta’ prodotti tossiċi u l-attivitajiet li jfissru l-użu professjonali ta’ prodotti bħal dawk;

Billi partikolarment id-Direttiva tal-Kunsill Nru 64/427/KEE [5] tas-7 ta’ Lulju 1964 li tipprovdi dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw miżuri li hemm dispożizzjoni dwarhom rigward l-attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom fl-industriji tal-manifattura u l-proċessar li jidħlu fl-ISIC Major Groups 23-40 (Industrija u industriji żgħar ta’ l-artiġjanat) u bħal fid-Direttiva Nru 68/336/KEE [6] tal-15 ta’ Ottubru 1968 li tipprovdi dispożizzjonijiet dettaljati li jikkonċernaw miżuri proviżorji fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom fil-manifattura ta’ l-ikel u l-industrija tax-xorb (ISIC Major Groups 20 and 21) ma jeskludux l-użu ta’ prodotti tossiċi fl-insegwiment ta’ l-attivitajiet li dwarhom huma applikabbli; billi l-miżuri transitorji li hemm dispożizzjoni dwarhom f’dawn id-Direttivi huma għalhekk ukoll applikabbli għall-użu ta’ prodotti bħal dawn fejn il-insegwiment ta’ dawn l-attivitajiet hekk jenħtieġ;

Billi għal attivitajiet fin-negozju fi, u d-distribuzzjoni ta’ prodotti tossiċi u attivitajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-użu professjonali ta’ prodotti bħal dawn li jinkludu attivitajiet ta’ intermedjarji, ċerti Stati Membri kull tant jeħtieġu persuni involuti f’uħud minn dawn l-attivitajiet li jippossedu ċerti abbilitajiet attestati bi kwalifiki formali jew diplomi, waqt li Stati Membri oħra ma jimponux xi ħtiġiet speċifiċi imma sempliċement jissoġġettaw l-immaniġġjar jew ħażna ta’ prodotti tossiċi għal ċerti kondizzjonijiet; billi mhux għalhekk possibbli li jkun effettwat il-koordinament li hemm dispożizzjoni dwaru fl-istess waqt ma l-abolizzjoni ta’ diskriminazjoni; billi koordinazjoni bħal din għandha tkun effettwata f’data aktar tard;

Billi, fin-nuqqas ta’ koordinament immedjat, madankollu jidher li huwa mixtieq li ssir aktar faċli li tintlaħaq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jkunu pprovduti servizzi għall-attivitajiet f’dak il-każ bl-adozzjoni ta’ miżuri transitorji tat-tip maħsub fil-Programmi Ġenerali, partikolarment biex ikun evitat li jinħolqu diffikultajiet eċċezzjonali għal ċittadini ta’ Stati Membri li fihom l-insegwiment ta’ attivitajiet bħal dawn ma jkunx suġġett għal xi kondizzjonijiet;

Billi, biex ma jitħalliex li jinqalgħu diffikultajiet bħal dawn, l-oġġettiv ewlieni tal-miżuri transitorji għandu jkun biex jitħallew, bħala kwalifiki suffiċjenti għall-insegwiment ta’ l-attivitajiet f’dak il-każ fi Stati Membri ospitanti li jkollhom regoli li jirregolaw l-insegwiment ta’ attivitajiet bħal dawn, il-fatt li l-attività tkun ġiet imwettqa fi Stat Membru tal-Komunità barra mill-Istat Membru li jospita għal perijodu raġjonevoli u suffiċjentament riċenti biex jassigura li l-persuna kkonċernata jkollha tagħrif professjonali ekwivalenti għal dik meħtieġa mill-Istat Membru li jospita għaċ-ċittadini tiegħu minħabba l-effett perikoluż li prodotti tossiċi jistgħu ikollhom fuq is-saħħa tal-bniedem, ta’ l-annimali jew tal-pjanti, jew direttament jew indirettament permezz ta’ l-ambjent;

Billi minħabba l-karatteristiċi differenti ta’ prodotti tossiċi u l-gradi varji tagħhom ta’ tossiċità fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem, ta’ l-annimali u tal-pjanti, tagħrif dwar l-effetti ta’ kwalunkwe minn dawn il-prodotti jew esperjenza fl-immaniġġjar tagħhom ma tistax raġjonevolment tkun meqjusa bħala prova ta’ kompetenza ekwivalenti għad-distribuzzjoni jew l-użu professjonali ta’ prodotti oħra bħal dawn jew dwar il-prodotti kollha; billi, għalhekk, l-Istat Membru li jospita għandu jkollu l-poteri li jillimita l-iskop tal-miżuri transitorji ta’ prodotti li jikkonsistu mill-istess materjali attivi jew li jkollhom l-istess effett fuq is-saħħa tal-bniedem, ta’ l-annimali jew tal-pjanti, jew direttament jew indirettament permezz ta’ l-ambjent;

Billi, safejn fl-Istati Membri l-bidu jew l-insegwiment ta’ l-attività inkwistjoni hija wkoll dipendenti fil-każ ta’ impjegati bil-paga fuq li dawn ikollhom għarfien jew abbiltà ġenerali, kummerċjali jew professjonali, din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal din il-kategorija ta’ persuni biex telimina ostakolu għal moviment liberu ta’ ħaddiema u b’hekk tissupplementa l-miżuri adottati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 [7] tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà ta’ moviment ta’ ħaddiema fil-Komunità;

Billi, għall-istess raġuni, id-dispożizzjonijiet provduti fir-rigward ta’ prova ta’ reputazzjoni tajba u prova li ma kien hemm l-ebda falliment preċedenti għandha tkun applikabbli wkoll għall-impjegati bil-paga;

Billi l-għan ewlieni tal-miżuri li hemm dispożizzjoni dwarhom f’din id-Direttiva ser jgħib ladarba il-koordinament ta’ kondizzjonijiet għal bidu u l-insegwiment ta’ l-attivitajiet f’dan il-każ u tar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u kwalifiki formali oħra jkun intlaħqu,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri transitorji definiti f’din id-Direttiva fir-rigward ta’ l-istabbiliment jew il-provvista ta’ servizzi fit-territorji tagħhom minn persuni naturali jew kumpaniji jew ditti koperti bit-Titolu I tal-Programmi Ġenerali (minn hawn ’il quddiem imsejħa "benefiċjarji") li jixtiequ li jsegwu l-attivitajiet li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2. L-attivitajiet li hemm referenza dwarhom huma dawk koperti mid-Direttiva tal-Kunsill Nru 74/557/KEE [8] ta’ l-4 ta’ Ġunju 1974 dwar il-kisba tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jkunu pprovduti servizzi fir-rigward ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u ta’ intermedjarji involuti fil-kummerċ u d-distribuzzjoni ta’ prodotti tossiċi.

Din id-Direttiva tkopri wkoll attivitajiet li jinvolvu l-użu professjonali ta’ prodotti tossiċi sakemm dawn l-attivitajiet kienu jew sejrin ikunu liberalizzati bid-Direttivi li ġejjin:

- Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 65/1/KEE [9] ta’ l-14 ta’ Diċembru 1964 li tipprovdi dispożizzjonijiet dettaljati għall-kisba ta’ libertà li jkunu pprovduti servizzi fl-agrikoltura u l-ortikoltura;

- Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 67/654/KEE [10] ta’ l-24 ta’ Ottubru 1967 li tipprovdi dispożizzjonijiet dettaljati għall-kisba tal-libertà ta’ stabbiliment u libertà li jkunu pprovduti servizzi fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom fis-selvikultura u l-qtugħ tas-siġar;

- Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 71/18/KEE [11] tas-16 ta’ Diċembru 1970 li tipprovdi dispożizzjonijiet dettaljati għall-kisba tal-libertà ta’ stabbiliment fir-rigward ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li jipprovdu servizzi fl-agrikoltura u l-ortikoltura;

- Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 74/…/KEE ta’… dwar il-kisba tal-libertà ta’ stabbiliment u libertà li jkunu pprovduti servizzi fir-rigward ta’ attivitajiet varji ta’ persuni li jaħdmu għal rashom (ex ISIC Major Group 01 sa Major Group 85) fir-rigward ta’ l-attivitajiet koperti b’dik id-Direttiva li jidħlu fl- ISIC Group 859 u li jinvolvu l-użu ta’ prodotti tossiċi.

3. Il-miżuri transitorji għandhom ukoll ikunu applikabbli għal persuni li jsegwu bħala impjegati bil-paga l-attivitajiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2, kif ukoll għandu l-Artikolu 7(1) sa (4), tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 74/557/KEE.

L-Artikolu 2

Meta, fi Stat Membru l-bidu jew l-insegwiment ta’ xi attività li hemm referenza dwarha fl-ewwel sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 1(2), ikun jiddependi fuq il-pussess ta’ għarfien u abbiltà ġenerali, kummerċjali jew professjonali, dak l-Istat Membru għandu jaċċetta bħala suffiċjenti evidenza ta’ dan it-tagħrif jew din l-abbiltà l-fatt li l-attività f’dak il-każ tkun ġiet segwita fi Stat Membru ieħor għal xi perjodi minn dawn li ġejjin:

(a) ħames snin konsekuttivi f’kapaċità independenti jew f’kapaċità maniġerjali, l-attività bħal dik ma tkunx waqfet għal aktar minn sentejn qabel id-data meta l-applikazzjoni li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 4(2) tkun saret;

(b) sentejn konsekuttivi f’kapaċità independenti jew f’kapaċità maniġerjali meta l-benefiċjarju jippossedi ċertifikat ta’ abbiltà u kompetenza għall-attività f’dak il-każ li tawtorizzah li jsegwi l-attivitajiet ta’ negozju fi, jew distribuzzjoni ta’, prodotti tossiċi fl-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru minn fejn ikun ġej;

(ċ) tliet snin konsekuttivi f’kapaċità independenti jew f’kapaċità maniġerjali meta l-benefiċjarju jagħti prova li għall-attività f’dak il-każ hu jkun irċieva taħriġ preċedenti li jkun attestat b’ċertifikat rikonoxxut mill-Istat jew meqjus mill korp kompetenti professjonali jew korp tal-kummerċ bħala li jissodisfa bis-sħiħ il-ħtiġijiet tagħhom;

(d) tliet snin konsekuttivi f’kapaċità mhux independenti meta l-benefiċjarju jippossedi ċertifikat ta’ abbiltà u kompetenza għall-attività f’dak il-każ li tawtorizzah li jsegwi l-attivitajiet ta’ negozju fil-, jew distribuzzjoni ta’, prodotti tossiċi fl-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru minn fejn ikun ġej;

(e) erba’ snin konsekuttivi f’kapaċità mhux independenti meta l-benefiċjarju jagħti prova li għall-attività f’dak il-każ hu jkun irċieva taħriġ preċedenti li jkun attestat b’ċertifikat rikonoxxut mill-Istat jew meqjus mill-korp kompetenti professjonali jew korp tal-kummerċ bħala li jissodisfa bis-sħiħ il-ħtiġiet tagħhom;

Dan l-Artikolu għandu x’jaqsam biss ma’ kummerċ fil-, jew distrubuzzjoni tal-, prodotti tossiċi intenzjonati għall-konsenja lejn l-utent finali fl-ippakkjar oriġinali tagħhom.

L-Artikolu 3

Meta, fi Stat Membru il-bidu jew l-insegwiment ta’ xi attività li hemm referenza dwarha fit-tieni sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 1(2), ikun dipendenti fuq il-pussess ta’ għarfien u abbiltà ġenerali, kummerċjali jew professjonali, dak l-Istat Membru għandu jaċċetta bħala suffiċjenti evidenza ta’dak it-tagħrif jew abbiltà parikolari l-fatt li l-attività f’dak il-każ tkun ġiet segwita fi Stat Membru ieħor għal uħud minn dawn il-perjodi li ġejjin:

(a) sitt snin konsekutivi f’kapaċità independenti jew f’kapaċità maniġerjali, l-attività bħal dik ma tkunx waqfet għal aktar minn sentejn qabel id-data meta l-applikazzjoni li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 4(2) tkun saret;

(b) tliet snin konsekuttivi f’kapaċità independenti jew f’kapaċità maniġerjali meta l-benefiċjarju jippossedi ċertifikat ta’ abbiltà u kompetenza għall-attività f’dak il-każ li tawtorizzah li jsegwi l-attivitajiet li jenħtieġu l-użu professjonali ta’ prodotti tossiċi fl-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru minn fejn ikun ġej;

(ċ) erba’ snin konsekuttivi f’kapaċità independenti jew f’kapaċità maniġerjali meta l-benefiċjarju jagħti prova li għall-attività f’dak il-każ hu jkun irċieva taħriġ preċedenti li jkun attestat b’ċertifikat rikonoxxut mill-Istat jew meqjus mill korp kompetenti professjonali jew korp tal-kummerċ bħala li jissodisfa bis-sħiħ il-ħtiġijiet tagħhom;

(d) erba’ snin konsekuttivi f’kapaċità mhux independenti meta l-benefiċjarju jippossedi ċertifikat ta’ abbiltà u kompetenza għall-attività f’dak il-każ li tawtorizzah li jsegwi l-attivitajiet li jinvolvu l-użu professjonali ta’ prodotti tossiċi fl-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru minn fejn ikun ġej;

(e) ħames snin konsekuttivi f’kapaċità mhux independenti meta l-benefiċjarju jagħti prova li għall-attività f’dak il-każ hu jkun irċieva taħriġ preċedenti li jkun attestat b’ċertifikatrikonoxxut mill-Istat jew meqjus mill korp kompetenti professjonali jew korp tal-kummerċ bħala li jissodisfa bis-sħiħ il-ħtiġiet tagħhom;

Id-dispożizzjonijiet f’(a), (ċ) u (e) ma humiex applikabbli għal attivitajiet li jenħtieġu l-użu professjonali ta’ ċerti prodotti ta’ tossiċità għolja li huma mogħtija hawn taħt:

- Aċidu idrosijaniku u l-imluħa solubbli tiegħu,

- Aċidu idroflworiku u l-imluħa solubbli tiegħu,

- Acrylonitrile,

- Amonju likwidu kkompressat,

- Methyl bromide,

- Chloropicrin,

- Hydrogen phosphide u prodotti li jistgħu jilliberawh,

- Ossidu ta’ l-etelena,

- Dussulfat tal-karbonju,

- Tetrachloride tal-karbonju,

- Trichloroacetronitrile.

Għall-iskop ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet f’(b) u (d) għal dawn il-prodotti ta’ tossiċità għolja, iċ-ċertifikat ta’ abilità u kompetenza għandu jistqarr il-prodott jew prodotti li l-benefiċjarju jkun awtorizzat li juża fl-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru minn fejn ikun ġej.

F’dan il-każ, l-attività tal-benefiċjarju m’għandiex tkun waqfet għal aktar minn sentejn qabel id-data meta l-applikazzjoni li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 4(2) tkun saret.

L-Artikolu 4

1. Persuna hija meqjusa li tkun segwiet attività f’kapaċità manaġerjali fit-tifsira ta’ l-Artikoli 2 u 3 jekk hi tkun segwiet attività bħal dik f’intrapriża industrijali jew kummerċjali fil-qasam okkupazzjonali inkwistjoni:

(a) bħala amministratur fl-intrapriża jew amministratur ta’ fergħa ta’ intrapriża, jew

(b) bħala assistent għall-propjetarju jew ta’ l-amministratur ta’ intrapriża, meta dik il-pożizzjoni kienet tinvolvi responsabbilitajiet ekwivalenti għal dawk tal-propjetarju u ta’ l-amministratur rappreżentat; jew

(ċ) f’pożizzjoni maniġerjali b’doveri li għandhom x’jaqsmu mal-kummerċ jew id-distribuzzjoni ta’ prodotti tossiċi u bir-responsabbiltajiet ta’ mill-anqas dipartiment wieħed fl-intrapriża, jew f’pożizzjoni maniġerjali b’responsabbiltà għall-użu ta’ l-imsemmija prodotti.

2. Prova li kondizzjonijiet provduti fl-Artikoli 2 u 3 jkunu ġew milħuqa għandha tkun stabbilita b’attestazzjoni maħruġa minn awtorità jew korp kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru minn fejn tkun ġejja il-persuna kkonċernata, li dan ta’ l-aħħar għandu jissottometti bħala sostenn għall-applikazzjoni tiegħu għal awtorizzazzjoni biex ikun jista’ jsegwi l-attività jew attivitajiet f’dak il-każ fl-Istati Membri li jospitaw. Attestazzjoni bħal din għandha tiddikjara, fejn xieraq, jekk, fl-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru minn fejn tkun ġejja l-persuna ikkonċernata, l-awtorizzazzjoni tkunx limitata għal bidu ta’ attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mad-distribuzzjoni ta’ prodotti tossiċi jew għal attivitajiet li jinvolvu l-użu professjonali ta’ dawk il-prodotti, jew jekk ċerti prodotti tossiċi jkunux esklużi minn dawn l-attivitajiet ta’ l-aħħar.

3. L-Istati Membri għandhom, fil-limiti taż-żmien provduti fl-Artikolu 7, jinnominaw lill-awtoritajiet jew korpi kompetenti biex joħorġu ċ-ċertifikati li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 2 u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar dan.

L-Artikolu 5

Meta, fl-Istat Membru ta’ oriġini jew l-Istat Membru minn fejn tkun ġejja l-persuna, il-kwalifiki formali provduti fl-Artikoli 2 u 3 jew l-attestazzjonijiet provduti fl-Artikolu 4(2) jawtorizzaw biss il-bidu ta’ attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mad-distribuzzjoni ta’ prodotti tossiċi jew ta’ attivitajiet li jinvolvu l-użu professjonali ta’ prodotti bħal dawk, jew jeskludu ċerti prodotti tossiċi minn dawn l-attivitajiet ta’ l-aħħar, l-Istat Membru li jospita jista’ japplika l-istess limitazzjonijiet fit-territorju tiegħu u wkoll jeskludi mill-attivitajiet li jinvolvu l-użu professjonali ta’ prodotti tossiċi ta’ l-istess materjal attiv bħal prodotti esklużi bil-kwalifiki formali u attestazzjonijiet jew li jinvolvu riskji simili għas-saħħa tal-bniedem, ta’ l-annimali jew tal-pjanti jew direttament jew indirettament permezz ta’ l-ambjent.

L-Artikolu 6

Din id-Direttiva għandha tibqa’ applikabbli sa kemm jidħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-koordinament ta’ regoli nazzjonali li jikkonċernaw il-bidu u l-insegwiment ta’ l-attivitajiet f’dak il-każ.

L-Artikolu 7

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva fi żmien sitt xhur min-notifikazzjoni tagħha u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

2. Stati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar dan.

L-Artikolu 8

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Ġunju 1974.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Ertl

[1] ĠU 2, tal-15.1.1962, p. 36/62.

[2] ĠU 2, tal-15.1.1962, p. 32/62.

[3] ĠU C 63, tat-28.5.1969, p. 21.

[4] ĠU C 10, tas-27.1.1970, p. 23.

[5] ĠU 117, tat-23.7.1964, p. 1863/64.

[6] ĠU L 260, tat-22.10.1968, p. 12.

[7] ĠU L 257, tad-19.10.1968, p. 2.

[8] ĠU L 307, ta’ l-4.6.1974, p. 5.

[9] ĠU 1, tat-8.1.1965, p. 1/65.

[10] ĠU 263, tat-30.10.1967, p. 6.

[11] ĠU L 8, tal-11. 1. 1971, p. 24.

--------------------------------------------------